Home          |          Email          |                                                                                                               Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

 

 

 

DISKORSI OĦRA TA'...

L-ISQOF MARIO GRECH

L-ONOR C. MIFSUD BONNICI

L-ONOR ML COLEIRO PRECA

Għażel id-diskors li tixtieq taqra mil-lista ta' hawn fuq ...

 

 

Diskors ta’ l-Eċċ Tiegħu il-President tar-Republika ta' Malta

Dr George Abela

waqt Seminar organizzat

mill-ProġettImpenn bit-tema

 

“IL-FUTUR : FIL-FAMILJA

 

Il-Ġimgħa, 15 ta’ Mejju 2009 - Sala Robert Samut, Floriana - 6.30 p.m.

 

Onorevoli Ministru, Sinjuri distinti, it-tentazzjoni tgħidli ninjora dak li ġejt ippreparat għalih. Nistqarr magħkom, li nixtieq pjuttost nagħmel xi riflessjonijiet fuq dak li smajt u allura mhux fuq dak li ppreparajt.

Jiena naħseb irridu nkunu kuraġġużi, partikolarment il-leġislaturi tagħna, li naffrontaw id-domanda li poġġa l-Monsinjur Grech, li nagħtu definizzjoni ċara ta’ x’inhi l-familja u x’qed nifhmu bil-familja u forsi naħseb jekk tippermettuli, rridu ngħidu wkoll x’qed nifhmu biż-żwieġ, il-għaliex fil-ħsieb li għamel l-Isqof hu sosstna illi żwieġ veru hu fil-familja. Allura fl-opinjoni umli tiegħi naħseb li rridu nkunu ċari fuq iż-żewġ definizzjonijiet: x’qed nifhmu bi żwieġ u bil-familja għaliex ngħidu x’ngħidu li jrid isir dan il-pjan nazzjonali dwar il-familja, jekk ma nkunux ċari fil-kunċetti x’qed nifhmu bihom dawn, allura faċilment nitilfu l-fokus u l-messaġġi li jibdew joħorġu lejn is-soċjeta’ tagħna jkunu messaġġi illi jafu jkunu iktar iħawwdu milli jiċċaraw.

It-tieni ħsieb li nixtieq ngħid jitlob minnha kuraġġ, illi ma niddejjqu xejn ngħidu illi jekk nemmnu li fost l-aqwa valuri, l-aqwa valur huwa l-valur tal-familja u nemmen li għas-soċjeta’ tagħna dan hu l-aqwa valur, indipendentament minn xi jsir fl-Ewropa, jiena ngħid li dak għandu jkun il-valur li jiddistingwina minn pajjizi oħra fl-Ewropa u ma niddejjqu xejn li ngħidu li aħna pajjiżna huwa xempju ta’ kif u x’għandhom ikunu l-aħjar valuri li għandu jkun hawn fl-Ewropa.

Issemmew ukoll ir-realtajiet ta’ llum, dażgur, iż-żminijiet joħolqu realtajiet ġodda, u jidhirli wkoll, u rrid nikkongratulah lill-Monsinjur Isqof hawnhekk, illi f’panel, inkluż jien, li aħna sekulari, itrattah dan is-suġġett mill-aspett sekulari, mill-aspetti ċivili, legali etiku, u li jwassal dejjem għall-istess konklużżjoni.  Bir-rispett kollu lejn kulħadd, fl-opinjoni tiegħi, l-aħjar diskussjoni li trid ssir f’pajjiż bħal tagħna, li mhux konfessjonali, hu minn dan l-aspett biex nirbħu l-argument, u dan l-iktar argument li jien nemmen li jwassal li jikkonvinċi liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, illi ż-żwieg veru huwa fil-familja.

Meta nitilqu minn dawn il-ħsibijiet ċari f’moħħna, u nuru li nemmnuhom, imbagħad iridu jsiru l-istudji, isiru l-istudji, kif qal Dott. Carm Mifsud Bonnici,li fuq l-istatistika, fejn għamel distinzjoni netta ta’ x’inhi r-realta` meta neżaminaw l-istatistika.  Dan biex ma nparlawx in aria.  Ngħidu tkissir l-hawn u tkissir l-hemm fir-relazzjonijiet matrimonjali, iżda aħjar neżaminaw l-istatistika biex aħna naslu fil-konklużżjonijiet ta’ x’jgħodd għal pajjiżna, dik hi l-statistika li lilna tiddeterminalna liema triq il-leġislatur tagħna għandu jieħu u li ma jiddejjaqx li jieħu. Naturalment jitwieldu konsiderazzjonijiet oħrajn, li Monsinjur Grech, ħa nuża l-kelma forsi ftit iebsa miegħu, ikkonċeda anki, mill-aspett mhux konfessjonali, li hemm ħtiġijiet partikolari, kif semmiet l-Onor Marie Louise Coleiro Preca, realtajiet li twieldu, qed jitwieldu, illi jridu jiġu ndirizzati, u joħolqu ċertu obbligi u responsabiltajiet li jridu jiġu regolati.  U żgur li jridu jiġu regolati, imma dawn ir-relazzjonijiet għandhom jiġu ekwiparati? Meqjusa l-istess daqs li kieku ż-żwiġijiet, daqs li kieku huma familji.  Dak hu l-punt ċentrali li rridu nżommu f’moħħna, u ma niddejjqux ngħiduh.

Allura dan l-mpenn politiku għandu jsir, għandu jsir, u għandna nkunu miftuħin f’tolleranza li nisimgħu lil xulxin, dak is-sens li anki semmejt fid-diskors inawgurali tiegħi ta’ empatija, illi nifflu l-pożizzjonijiet ta’ xulxin u f’sens ta’ tolleranza lejn xulxin niflu x’inhi l-aħjar triq għas-soċjeta’ tagħna.  Insemmi wkoll kif amministrazzjonijiet ta’ gvernijiet differenti, indirizzaw realtajiet differenti li nqalgħu matul is-snin. Jien għadni kemm qrajt ir-rapport li ġentilment għaddieli l-Onor Edwin Vassallo, illi l-Kumitat għamel ta’ l-Affarijiet Soċjali fil-Parlament propju f’Marzu li għadda fejn ikkonkluda, anki minn studji oħrajn illi saru minn soċjoloġi Maltin, illi f’pajjiżna m’għandnix il-faqar assolut, m’għandnix dak il-faqar għall-grazzja t’Alla, pero imissu b’idejna faqar soċjali u mhux numru żgħir ta’ nies li huma milqutin minn faqar soċjali, nies li qegħdin fuq il-linja, jew viċin il-linja, jew taħt il-linja tal-poverta`. Minn statistika wkoll jirriżulta li hawn mas-57,000 ruħ, minn dawn in-nies pero’ jirriżulta wkoll mill-istudju li sar u milli fhimt jien, illi tfal li jitwieldu barra ż-żwieġ, huma l-iktar vulnerabbli u li huma milquta minn dan il-faqar soċjali. Mela dik wkoll għandha d-doqq il-qanpiena ta’ twissija għalina ta’ x’jixirqilhom verament it-tfal tagħna, li għandhom ikunu il-mimmi t’għajnejna fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna.  Mhux fir-relazzjoni tal-mument, tal-gost u tal-pjaċir u llum ma’ din u l-għada ma’ l-oħra.  Relazzjoni trid tkun stabbli u serja għal-ġid tat-tfal.  Dan x’qed jirriżultalna mill-istatistika Maltija.  Dak li qed jirriżultalna, illi f’dawn ir-relazzjonijiet instabbli u ċioe mhux f’familja stabbli, it-tfal l-iktar li qegħdin ibatu, l-iktar li qegħdin fil-faqar.  Naturalment tisimgħu wkoll l-argument bil-kontra.  Illi mhux neċċessarjament bilfors, li dawn it-tfal li jitwieldu minn dawn ir-relazzjonijiet ta’ single parenthood mhux bilfors li jispiċċaw fil-faqar soċjali.  Imma l-istatistika turina li fil-maġġorparti huwa hekk. Allura dawn kollha huma indikaturi ta’ liema direzzjoni s-Soċjeta` Maltija, bir-responsabilta’ kbira li għandhom fuq spallejhom il-leġislatturi tagħna, nieħu gost nismagħhom it-tnejn għandhom iqegħdu quddiem għajnejhom.

Forsi nagħlaq fuq l-aħħar punt. Parti mid-diskors inawgurali tiegħi meta lħaqt President, kien illi pajjiż sod hu mibni fuq familji sodi.  U dak nibqa nsostnih, pajjiż sod hu mibni fuq familji sodi. U llum tajtuni din l-opportunita’, li minkejja l-karti li ktibt, warrabt kollox minn dak li ktibt, għaliex nebħuni il-ħsibijiet li twieldu minn dan id-dibattitu u li mill-faqar tiegħi ta’ moħħi wkoll, jien nixtieq ħafna li nikkontribwixxu. Għalkemm il-Presidenza dejjem għandha tkun kawta, attenta li ma tidħolx fi kwistjonijiet li għadhom qed jiġu dibattuti, pero` il-Presidenza attwali lanqas tixtieq li tkun muta.  U allura nagħlaq b’dan il-ħsieb, lest noffri wkoll illi mal-mixja taż-żmien, meta jimmaturaw ukoll id-diskussjonijiet li jridu jsiru, fejn għandhom isiru, qalb is-soċjeta’ ċivili, fi ħdan il-knisja, il-knisja wkoll għandha naturalment l-obbligu li tindirrizza wkoll din il-kwistjoni, fil-Parlament ma niddejjaq xejn wkoll, illi anki aħna minn naħa tagħna, inqajmu s-suġġett fl-aġenda tal-pajjiż, forsi f’seminar, f’forum, ħalli fis-serenita’ u l-kwiet naraw verament x’inhu ta’ ġid għall pajjiżna, pajjiż Ewropew illum li jrid iħares il-quddiem għal din is-soċjeta` inklużiva, għal din is-soċjeta` li nixtiqulha tant u tant ġid komuni. Grazzi ħafna.

Ħajr lill-Uffiċcju tal-Eċċ. Tiegħu il-President u lil Radju Marija.