Home          |          Email          |                                                                                                               Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

 

 

DISKORSI OĦRA TA'...

L-ISQOF MARIO GRECH

L-ONOR C. MIFSUD BONNICI

IL-PRESIDENT G. ABELA

Għażel id-diskors li tixtieq taqra mil-lista ta' hawn fuq ...

 

 

Diskors ta’ l-Onor. Marie Louise Coleiro Preca,

waqt Seminar organizzat

mill-ProġettImpenn bit-tema

 

“IL-FUTUR : FIL-FAMILJA

 

Il-Ġimgħa, 15 ta’ Mejju 2009

Sala Robert Samut, Floriana

6.30 p.m.

 

 

Meta aċċettajt l-istedina biex nitkellem magħkom dwar il-futur tal-familja, mid-direzzjoni ta’ Proġett Impenn, nistqarr li ħassejtni, ma nafx minn fejn se nibda.  għaliex għalija, meta nitkellem fuq il-familja, inħossni li rrid nitkellem fuq kollox.  Mill-esperjenza tiegħi, fil-politika, u ngħix l-esperjenzi u r-realtajiet man-nies u l-familji, kollox jolqot u jeffettwa mill-qrib il-familja. 

 

Se nibda billi a priori, nistqarr magħkom twemmini biex kulħadd ikun jaf x’inhuma l-preġudizzji tiegħi:

 

q NEMMEN LI L-FAMILJA  HIJA  S-SISIEN TAS-SOĊJETÀ.

q NEMMEN LI  L-ĠID  TAS-SOĊJETÀ  TAGĦNA,  JINKISEB  B’FAMILJI IMSAĦĦIN GĦAX JGĦOŻŻU  L-VALURI  TA’  L-IMĦABBA,  IR-RISPETT,  IT-TOLLERANZA  U  S-SOLIDARJETA’.

q NEMMEN LI L-ISTITUZZJONI  TAL-FAMILJA TKUN  B’SAĦĦITHA BIŻ-ŻWIEĠ  BEJN  MARA  U  RAĠEL.

q NEMMEN  FI  ŻWIEĠ  DEJJIEMI.

 

Hija fuq din l-istqarrija ta’ twemmini, li jiena, bħala persuna fil-politika, bnejt il-kontribut tiegħi f’din id-diskussjoni ta’ l-lejla magħkom.

 

Il-bidliet soċjo-ekonomiċi li Malta, flimkien mal-kumplament ta’ l-Ewropa u tad-dinja ġarrbu u qed iġarrbu, ma naqsux milli jħallu l-impatt tagħhom fuq il-familja.  L-iktar bidliet sinifikanti fil-fehma tiegħi, kienu u huma l-globaliżazzjoni, il-mixja lejn is-soċjetà ta’ l-informazzjoni, l-ekonomija ta’ l-għarfien u ta’ l-innovazzjoni, il-moviment lejn ekonomija bbażata fuq is-servizzi, u l-introduzzjoni ta’ teknoloġija ġdida fuq il-postijiet tax-xogħol kif ukoll fid-djar; qed iwasslu, dejjem b’pass iktar mgħaġġel, għal modi ġodda ta’ ħajja u ta’ xogħol, modi, li qed ibiddlu l-istil tal-ħajja u ta’ l-għamla tal-familja Maltija u għawdxija.

 

l-impatt ta’ dawn il-bidliet huma wiesgħa u varji, minn pożittivi għal negattivi.  Min-naħa ma nistgħux ninjoraw l-potenzjal enormi li dawn l-iżviluppi għandhom għas-soċjetà Maltija, bħal, fil-forom ta’ opportunitajiet ta’ xogħol ġdid.  Lanqas ma nistgħu ninjoraw jew narmu l-fatt, li dawn il-proċessi u teknoloġija, qed jgħinu biex isaħħu l-pedament ekonomiku ta’ pajjiżna.  Min-naħa l-oħra ma nistgħux ninjoraw t-theddida, illi dawn il-bidliet qed ipoġġu fuq l-istil ta’ ħajja, li għexna għal għexieren ta’ snin bih, f’pajjiżna. 

 

Dawn il-bidliet fl-ordni ekonomika dinija, u sussegwentement f’pajjiżna, ħolqu u qed joħolqu esiġenzi ġodda fuq is-soċjetà Maltija li qed jaffettwaw b’mod dirett lill-familja.  L-aspirazzjonijiet u l-aspettattivi tagħna bħala soċjetà, dejjem qed jiżdiedu.  għaldaqstant pajjiżna jrid mhux biss ilaħħaq mal-bidliet ekonomiċi li qed iseħħu madwarna, iżda, irid bilfors jaġġorna ruħu, biex ikun f’qagħda, li jlaħħaq ma’ l-aspirazzjonijeit u ma’ l-aspettiattivi tal-membri tas-soċjetà li qed jgħixu fiha.

 

F’dan il-kuntest illum, qed naraw per eżempju l-esiġenza li aktar nisa joħorġu jaħdmu bi qliegħ barra l-familja.  Dan il-bżonn mhux biss huwa xprunat mill-ħtieġa ekonomika, għat-tkabbir tal-ġid nazzjonali, iżda huwa xprunat, u meħtieġ ukoll, biex il-familja jkollha d-dħul finanzjarju adegwat, biex tlaħħaq ma’ l-aspirazzjonijeit u l-aspettattivi ta’ l-istil ta’ ħajja, li llum, kull persuna tippretendi li għandha dritt għalih.

 

għaldaqstant insibu kif it-trobbija ta’ ħafna ulied, qed titħalla minn kmieni f’idejn ħaddieħor, u mhux aktar f’idejn l-ommijiet.  Il-valuri u l-użanzi, li fl-imgħoddi kienu jgħaddu għand l-ulied, minn ċkunithom, permezz ta’ l-omm, illum huma fdati f’idejn dawk li qed jieħdu ħsieb istituzzjonijiet għall-kura u l-edukazzjoni tat-tfal.

 

Qed naraw ukoll li l-esiġenzi li qed jinħolqu minħabba l-bidliet ekonomiċi, prattikament qed jeqirdu bil-mod, il-mod, il-familja estiża.

 

Il-globaliżazzjoni qegħda wkoll tesponi lill-Maltin u lill-għawdxin, għall-użani ġodda, użanzi barranin, li ħafna drabi jkunu ħafna iktar konvenjenti u komdi minn dawk il-valuri li dejjem trabbejna fihom.  Użanzi li jappellaw aktar għall-individwalita’ milli għall-kollettivita’.  Użanzi li żviluppaw u qed ikomplu jiżviluppaw, mentalita’ u kultura kbira ta’ konsumeriżmu, li jappella sew għall-egoiżmu ta’ l-individwu, u li fil-proċess, ħafna drabi, jnessi b’mod komplet, is-sens ta’ l-obbligu li -individwu għandu jkollu lejn il-familja u s-soċjetà.

 

Dan it-taħlit ta’ idejat u drawwiet barranin u ġodda, kontinwament imbuttati, mit-televiżjoni u mill-internet, qed iħallu impatt kbir fuq is-soċjetà Maltija u għawdxija, u fuq l-idejat tagħna fil-familja.  Iż-żmien fejn il-parametri u l-miri tal-ħajja, li persuna tista’ taspira għalihom kienu stabbiliti u rikonoxxuti minn kulħadd, u trasmesi minn ġenerazzjoni għall-oħra mill-familja, mill-iskejjel, mill-Knisja u mid-duttrina, qiegħed iħallina b’pass mgħaġġel.  Illum l-aspirazzjonijiet tal-ħajja twessgħu, u l-parametri tal-medoti li huma permessi sabiex wieħed jew waħda jilħqu l-miri tagħhom infetħu, u ċ-ċittadini Maltin, iktar u iktar, qed jagħżlu dak l-istil ta’ ħajja li qeigħed kontinwament jiġi promoss, u popolariżżat, mit-televiżjoni u mill-internet. 

 

Dawn l-użanzi li f’ħafna każi qed jieħdu post il-valuri magħrufa u sostnuti għal għexieren ta’ snin mill-familja, qed joħolqu fostna problemi, diffikultajiet u sfidi ġodda.

 

Fejn qabel il-familja kienet is-sur ta’ l-istabbilita’, entita’ permanenti li toffri mistrieħ u ħarsien għall-membri tagħha, speċjalment għal dawk l-aktar dgħajfa u vulnerabbli, illum, dawn l-obbligazzjonijiet u responsabbilitajiet saru ferm iktar laxki, bil-konsegwneza, li ħafna drabi, l-iktar dgħajfa u vulnerabbli fostna, jiġifieri t-tfal, l-anzjani u l-persuni b’diżabilita’, mhux dejjem qed isbu l-familja li toffrilhom kenn u wens, u qed insibu li wħud qed jispiċċaw mitluqa, emarġinati u / jew dipendenti fuq s-sosteniment u l-ħarsien ta’ l-istat.

 

Dawn il-bidliet li mhux qed ikunu sostnuti fil-ħin, b’policies li jgħarrfu u jsaħħu l-valuri tal-ħajja għat-tul, qed jirnexxielhom joħolqu gruppi ta’ individwi, li huma l-iktar vulnerabbli u li għandhom l-ikbar ċans li jispiċċaw emarġinati, mhux produttivi u dipendneti fuq l-istat fil-futur, prattikament il-fqar ta’ llum u ta’ għada.  Dawn l-individwi qed ikunu  t-tfal, partikolarment tfal li ġejjin minn familji instabbli, tfal li ġejjin minn familji li jinsabu f’diffikultajiet finanrjzarji, u tfal li jsibu diffikutlajiet iktar minn oħrajn fl-iżvilupp personali tagħhom. Individwi oħra effettwati u li faċilment jispiċċaw emarġinati huma l-anzjani, in-nisa, l-ommijiet u l-missirijiet li qed imexxu familja waħedhom, żgħażagħ illitterati jew mingħajr ħiliet u snajja żviluppati, u persuni b’diżabilita’.

 

L-impatt negattiv tal-bidliet jinħtieġ indirizz aktar immedjat, b’saħħtu u viġilanti, b’sens sħiħ ta’ impenn u b’rieda qawwija politika, biex aħna l-politiċi flimkien, nassiġuraw li ndaħħlu dawk il-policies meħtieġa mingħajr aktar telf ta’ żmien u li jqisu l-ewwel u qabel kollox, il-ġid kommuni tas-soċjetà kollha kemm hi.  

 

Nistqarr, magħkom, li ħafna drabi nistkanta, kif aħna l-politiċi fil-Parlament, m’aħniex lesti biżżejjed li nisfidaw  it-territorju partiġġjan, u naħdmu fuq politika  nazzjonali li tkun tassew ħollistika favur it-tisħiħ tal-familja, minkejja, li ż-żewġ partiti li aħna fil-parlament, nesprimu rwieħna għexieren ta’ drabi, bl-istess mod, li l-familja nqisuha bħala l-fus tas-soċjetà.   Ir-rieda individwali tal-politiċi nemmen li qegħda hemm.  Ninħtieġu biss il-kuraġġ, biex nersqu flimkien, u nwettqu dak li individwalment tant ħafna minna nemmnu fih. 

 

F’dan il-waqt, jien u nħejji għal dan il-kontribut għal din il-laqgħa tagħna, il-lejla, ġiet moħħi stqarrija li saret miċ-Child Poverty Aciton Group ta’ l-Ingilterra, f’rapport li għadu kemm ippublika madwar xahar ilu, il-wellbeing tat-tfal u l-faqar fost it-tfal.  Żewġ aspetti li jirriflettu tassew fuq il-qagħda tal-familja.  F’dan ir-rapport l-Ingilterra ġiet min ta’ l-aħħar fl-aspetti li ġew imkejla, minkejja l-għadd ta’ policies li għandhom.   F’dan ir-rapport intqal:  “Most importantly, politicians from across the political spectrum have signed up to the goal of a society free of child poverty.  Even so, progress has been slow, and has in places stalled.  ..... medicine has been broadly rigħt the does has been inadequate, and must be continued over the long term.”

 

Din l-istqarrija li tinsab f’dan ir-rapport li hemm indikaturi wkoll fuq Malta, li mhuma xejn sbieħ, għalija titfa’ dawl kbir dwar il-ħtieġa ta’ impenn viġilanti u rieda żonqrija min-naħa tagħna l-politiċi, biex nindirizzaw l-effetti negattivi tal-bidliet soċjo-ekonomiċi fuq il-familji Maltin u għawdxin.

 

Illum  qed naraw bidla sħiħa fis-sett ta’ valuri li saru jiggvernaw il-ħajja tal-poplu Malti u għawdxi.  Is-sekulariżmu jew aħjar, il-bidla fil-valuri minn dawk reliġjużi għal dawk materjali u sekulari, li jiddominaw f’soċjetà u jiddeterminaw is-soċjeta, ukoll qed tħalli impatt sinifikanti fuq l-istil ta’ ħajja u l-forma tal-familja. għal sekli sħaħ il-familja kienet l-istituzzjoni li serviet bħala għalqa fejn il-valuri nsara fil-ħajja, fil-kuntest domestiku, ġew imħawla u indukrati.

 

Il-bidla f’dawn il-valuri, li hi primarjament ikkawżata mill-bidliet ekonomiċi tal-pajjiż, miż-żieda fil-kuntatti mal-barranin, u mill-iżvilupp tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni u ta’ l-informatika, qed iġġib magħha kemm effetti pożitivi kif ukoll negattivi għas-soċjetà Maltija.  Min-naħa waħda, is-sekulariżmu qed isaħħaħ il-kuntatt ma’ idejat ġodda u użanzi barranin, qed isaħħaħ il-kultura tat-tagħlim u ta’ l-akkwist u tat-tkabbir ta’ l-għerf, tat-tolleranza u tal-pluraliżmu f’ħafna oqsma.  Is-sekulariżmu affettwa partikolarment anke l-istess tifsira ta’ familja.  Fejn qabel ir-reliġjon kienet tobbliga lill-miżżewwġin jiddedikaw ħajjithom biex jipprokrea, għal għadd ta’ koppji illum il-prijorita’ m’għadiex daqshekk l-ulied iżda saret iktar il-konsiderazzjoni ta’ xi kwalita’ ta’ ħajja qed u jridu jgħixu, konsiderazzjoni li tittieħed fil-kuntest tal-qagħda finanzjarja u soċjali tagħhom. 

 

Dawn il-fatturi qed iwasslu għal ħafna koppji li ma jkollhomx iktar minn żewġt itfal, kif ukoll, hemm numru li dejjem qed jiżdied ta’ koppji li jagħżlu li ma jkolhomx tfal.  Dawn il-fatturi huma riflessi propju mill-aħħar statistika ta’ l-NSO li ġiet ippublikata propju ‘lbieraħ fl-okkażjoni  ta’ llum, il-Jum Internazzjonali għal Familji.

 

Min-naħa l-oħra, irrid nistqar li fil-fehma tiegħi,  is-sekulariżmu qed joħloq vojt fil-valuri tal-bniedem, vojt illi sfortunatament, mhux dejjem qed jimtela’ b’valuri ġenwini, u li jistgħu jkunu ta’ kontribut siewi għas-soċjetà Maltija.  għalhekk nemmen bis-sħiħ, li l-futur tal-familja Maltija u għawdxija irid ikun msejjes fuq politika nazzjonali, maħduma u maqbula minn kulħadd, u li jkollha l-għan, fost oħrajn, li tippromwovi, tħeġġeġ u tinkoraġġixi billi fatti, il-familja bħala l-enti ewlieni, li tagħti l-istil ta’ ħajja ideali għal kulħadd.

 

Jinħtieġ li jkollna politika nazzjonali favur il-familja li b’mod fattibbli tassigura li dawk li jridu jwaqqfu familja, ma jkunux magħfusin bla rażan b’esiġenzi, bħal per eżempju, dawk finanzjarji, li jiddettawlhom saħansitra l-istil tal-ħajja tagħhom, u ta’ l-ulied eventwali, fil-familja.  Illum, sfortunatament, li koppja takkwista fejn toqgħod, saret fost l-akbar uġiegħ ta’ ras, mhux biss sakemm takkwista l-post li tixtieq, iżda għal tul ħajjithom kollha.  Il-home loans faqqru u għejjew lil ħafna familji.  L-għafsa finanzjarja għal kisba ta’ housing unit biex kopja tibda familja qed titqies minn għadd ta’ professjonisti fil-qasam soċjali, bħala fattur fuq id-deċiżjonijiet tal-koppja fir-rigward tal-kobor tla-familja, għall-istil ta’ ħajja li qed ikollhom jgħixu, u wkoll kaġun ta’ ħafna tifrik ta’ familji.   L-istress ta’ tant u tant koppji qed ikun kawża ta’ ċerti trends li qed naraw iseħħu fis-soċjetà tagħna, partikoalrment f’effetti fuq it-tfal u fil-mod kif ħafna żgħażagħ qed jibżgħu mill-impenn li jinħtieġ iż-żwieġ. 

 

Inutli niskantaw u niskandaliżżaw irwieħna, għaliex il-koabitazzjoni f’pajjiżna qed tiżdied.  Jinħtieġ li mhux nibqgħu fil-periferija tal-problema u nħalluha tissenzazjonaliżża ruħha, jew inkella noffru s-soluzzjonijiet li jwasslu biss, biex naraw sal-ponta ta’ imnieħirna.  Jinħtieġ li l-problemi naqbduhom mill-għeruq tagħhom u noffru soluzzjonijiet li jiġġartixxu ħafna aktar assigurazzjoni dejjiema.   

 

Ftit ilu laqatni diskors li għamel is-Shadow Minister għal Familja Ingliż, Michael Gove fejn qal:  “Turning our backs on marriage will deprive children of stability and teach them to be selfish.” 

 

L-effett ta’ l-instabbilita’ f’għadd ta’ familji Maltin diġa qed narawha tagħti riżultati fi problemi soċjali mill-aktar kumplessi.

 

Huwa għalhekk li nemmen ħafna fuq policies ta’ prevenzjoni u f’waqithom, fuq policies li joħolqu l-ambjent xieraq għat-tisħiħ effettiv tal-familja, u l-ħarsien sħiħ ta’ l-ulied, fuq policies li jħejju liż-żgħażagħ tagħna minn ċkunithom għas-sens ta’ impenn li jinvolvi ż-żwieġ u ż-żamma tal-wegħda li tagħmel lil xi ħadd b’sens qawwi ta’ rġulija. 

 

Huwa għalhekk li nemmen tassew fiż-żwieġ dejjiemi u mhux għal ftit snin jew illum sfortunatament anke għal ftit xhur.

 

Ir-rata ta’ familji mfarrka f’pajjiżna, sfortunatament qed tikber.  Ħafna jistqarru li dan ġej mill-fatt li, il-familja llum ftit li xejn għad ikollha ċans biex tqatta’ ħin flimkien, għaliex biex tlaħħaq mal-esiġenzi finanzjarji ħafna qed jaħdmu minn dlam sa dlam, bil-konseġwenza li l-kommunikazzjoni bejn l-adulti u l-ulied qed tonqos kuljum, u għal għadd sostanzjali, qed tirriżulta wkoll f’konsegwenzi irreparabbli għaż-żwieġ tagħhom. 

 

Dan il-fattur joħroġ ċar mir-rapport xjentifiku li sar miċ-Child Poverty Action Group ta’ l-Ingilterra li ġie ppublikat f’Marzu 2009, fejn Malta ġiet ikklassifikata fit-21 post mid-29 pajjiż, li jinkludu s-27 stat membru ta’ l-Unjoni Ewropea, flimkien man-Norveġja u l-Iżlanda.  Din il-klassifika li għandha x’taqsam mal-relazzjonijiet li għandhom it-tfal Maltin u għawdxin, fejn l-indikaturi kienu dwar kemm hija faċli għat-tfal biex jikkommunikaw mal-ġenituri tagħhom u dwar ir-relazzjoni li għandhom mat-tfal sħabhom fl-iskola.  Din hija indikazzjoni ċara, ta’ effetti negattivi u li definittivament għandhom impatti mill-agħar fuq is-soċjetà tagħna u l-futur tal-familja Maltija u għawdxija.

 

Ir-rata ta’ tfal b’diffikultajiet u problemi ta’ natura kkaġunati minn instabbilita’ fid-dar qed tikber ukoll.  Ma nistgħux biex nagħmluha tal-moderni u ta’ l-aġġornati, illum nibqgħu nħallu l-forzi tas-suq jaħdmu u jikkompetu u aħna l-politiċi ninsew il-missjoni soċjali tagħna lejn tant membri tas-soċjetà tagħna. 

Ħawnhekk nixtieq nikkwota wkoll x’qal ir-rapport taċ-Child Poverty Action Group fl-Ingilterra, għaliex jagħti indikazzjoni oħra għalina dwar x’jinħtieġ biex insaħħu l-familja għal futur. 

 

Ir-rapport jgħid:  “In some areas Child Poverty Action Group believes that policy has actively worked against the interests of good child wellbeing.  It is vitally important that parents are provided with the support necessary to move into paid work where this can be balanced with caring reponsabilities”.

 

Mhix responsabbilita’ u serjeta’ min-naħa tagħna l-politiċi, li nafu ben tajjeb x’qed jiġri, ma nkunux pronto u imbagħad, inqisu biss dawn il-problemi, wara li jinħolqu jew saħansitra jikkankraw, u biex intaffu l-kuxjenza tagħna nipprovdu għal programme ta’ kura.  Nafu x’inhuma l-kawżi tal-problemi, qed naraw ukoll l-effetti tagħhom, jinħtieġ b’mod immedjat, nindirizzawhom iżda wkoll għat-tul nieħu miżuri qawwi għal prevenzjoni.

 

Il-brix soċjali li qiegħed jinħoloq kuljum, jekk mhux se jkun indirizzat fil-pront, se jkompli jgħerreq mhux biss lil dawk li huma direttament milquta, iżda lis-soċjetà tagħna kollha kemm hi.

 

għalhekk nemmen b’qawwa, li b’mod urġenti ninħtieġu politika nazzjonali favur il-familja li tiċċentra b’mod effettiv fuq id-drittijiet u l-ħarsien tat-tfal u ta’ dawk l-aktar vulnerabbli f’pajjiżna, fuq bażi immedjata   u għat-tul.

 

Nemmen tassew, li l-futur tal-familja, irid ikun imsejjes fuq politika nazzjonali favur il- familja li ma tissawwarx f’iżolament.  Jinħtieġ l-għaqda u l-koordinament sħiħ biex nassiguraw li niżviluppaw u nsostnu politika ħollistika nazzjonali għall-familja.  Jinħtieġ qabża fil-mentalita’ u maturita’ politika, biex ngħelbu l-isfortuna dominanti fostna, ta’ kultura territorjali u partiġġjana.  It-tisħiħ ta’ l-istituzzjoni tal-familja Maltija u għawxija, jista’ jirnexxi biss, jekk naħsbu u naħdmu flimkien, b’mod ippjanat u kkordinat, għaliex nemmen li politika nazzjonali għal familja trid tkun tirrifletti l-aspirazjzonijiet u l-aspettattivi li jġib miegħu l-pluraliżmu ta’ kulturi u twemmin differenti li llum qed isawru s-soċjetà Maltija u għawdxija. 

 

Nemmen li l-futur tal-familja Maltija u għawdxija jista’ jkun garantit jekk ikollna politika nazzjonali favur il-familja, li jkollha viżjoni u jkun marbut magħha kulħadd.  Nemmen li din il-politika, trid  tibqa’ taħt l-iskrutinju, ta’ proċess kontinwu ta’ moniteraġġ u evalwazzjoni, biex nassiguraw li l-istituzzjoni tal-familja, li tinħtieġ terġa’ tkun is-sisien tas-soċjetà tagħna, filwaqt li tibqa’ issaħħaħ il-valuri fundamentali ta’ l-imħabba, ir-rispett, it-tolleranza u s-solidarjeta’, tibqa wkoll tevolvi, regolarment maż-żminijiet, biex tibqa’ rilevanti u effettivia f’kull żmien.

 

Se nagħlaq bi kwotazzjoni ta’ Membru Parlamentari Laburista Ingliż, Frank Field, li qal f’Novembru li għadda:  “the fallout, society faces from family breakdown is just as dramatic as the present financial crisis.”

 

Bħal Frank Field jien, nemmen li jekk nsaħħu effettivament bil-valuri u l-prinċipji u s-sostenn materjali biex nilqgħu għall-isfidi ta’ llum u għada, inkunu tassew qed niggarantixxu l-futur tal-familja.  għaliex bit-tisħiħ tal-familja biss nistgħu niggarantixxu t-tisħiħ tas-soċjetà tagħna u ta’ pajjiżna.

 

Sadanitant, nemmen tassew li min-naħa tagħna, l-politiċi, hemm biżżejjed minnha li nħaddnu dawn il-prinċipji u valuri, u għandna wkoll rieda li kapaċi inwettqu l-biċċa tagħna.  Ejjew l-aħwa nagħmlu kuraġġ.  Pajjiżna għatxan għal dan, u ma jiflaħx jistenna aktar.