Aktar tagħrif dwar il-Kardinal John Henry Newman ...

 

 

 

Thomas More u John Henry Newman

Xebh u Kuntrasti

Kitba ta’ Dun Geoffrey G Attard

 

L-istudjuża tar-Riforma Protestanta Stephanie A. Mann għandha artiklu dwar xebh u kuntrasti bejn San Tumas More u John Henry Newman.  Dan li ġej hu fil-qosor dak li għandha x’tgħidilna.

Mal-ewwel daqqa t’għajn ma jidhirdx mill-ewwel li hemm xebh bejn San Tumas More u l-Beatu John Henry Newman.

 

Tal-ewwel kien avukat miżżewweġ għal darbtejn u qaddej pubbliku filwaqt li tat-tieni kien saċerdot ċelibi u membru tal-Kongregazzjoni ta’ San Filippu Neri magħrufa bħala l-Oratorjani.  Tal-ewwel huwa martri Kattoliku tas-seklu sittax u tat-tieni huwa konvertit Kattoliku u konfessur; tal-ewwel kien iħobb jirrakkonta stejjer umoristiċi mimlija ferħ u tat-tieni kien kontroversjalista sensittiv.

 

Meta wieħed iħares aktar fil-fond, jintebaħ li hemm aspetti li dawn it-tnejn jaqsmu bejniethom: it-tnejn kienu minn Londra, anzi mill-belt ta’ Londra, jiġifieri l-qalba tal-belt.  It-tnejn attendew l-Universita’ ta’ Oxford.  Skont Erażmu, Tumas More ‘was made for friendship’ filwaqt li Newman għażel il-frażi Cor ad cor loquitor biex tmexxih.  It-tnejn kellhom xewqa kbira li jsiru qaddisin filwaqt li t-tnejn iddedikaw ħajjithom għar-riċkerka tal-verita’.  It-tnejn huma Kattoliċi; tal-ewwel mit-twelid, tat-tieni bil-konverżjoni.  It-tnejn iddefendew il-verita’ bil-pinna tagħhom.  More attakka l-ereżija ta’ żmienu filwaqt li Newman kellu jiddefendi l-Kristjaneżmu mil-liberaliżmu ta’ żmienu.

Imma fuq kollox, l-aktar importanti għat-tnejn kien il-fatt li raw kif spjegaw bl-aħjar mod id-defenizzjoni Kattolika tal-kuxjenza; dan kien aspett kruċjali ta’ ħajjithom.  More u Newman irrivelaw x’jifhmu huma bil-kuxjenza, l-għan tagħha, l-awtorita’ tagħha, u l-għeruq tat-tifsira tagħha fi ħdan l-awtorita’ tal-Knisja u l-Maġisteru tagħha f’għaqda mar-rwol tal-papat.  Filwaqt li ħafna jirriferu għalihom bħala difensuri tal-kuxjenza individwali, huma saħqu ferm fuq l-għajn ta’ kull awtorita’ fil-kuxjenza fi ħdan kull individwu: din rawha fil-liġi ta’ Alla, naturali u rivelata – u fir-rwol tal-Knisja fil-qasam tat-tagħlim u d-difiża ta’ din l-istess liġi.

Għalkemm Thomas More u John Henry Newman huma differenti ħafna minn xulxin, kif rajna, hemm ħafna li jorbothom flimkien.  Qaddis Martri Thomas More itlob għalina! Qaddis Konfessur John Henry Newman itlob għalina!


Riferenza;

http://supremacyandsurvival.blogspot.com/2017/09/compare-and-contrast-more-and-newman.html

https://www.catholicworldreport.com/2017/09/05/two-englishmen-whose-lives-were-commentary-on-the-question-of-conscience/