Laikos

 

Ara aktar mill-Papa Ġwanni XXIII ...

Ara aktar mill-Konċilju Ekumeniku Vatikan II ...

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA ĠWANNI XXIII
F’GĦELUQ L-EWWEL PARTI
TAL-KONĊILJU VATIKAN II

Bażilika Vatikana
Festa tal-Immakultata Kunċizzjoni
8 ta’ Diċembru 1962

 

1. L-ewwel parti tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, li kellha bidu meta konna qed niċċelebraw il-festa liturġika tal-Maternità Divina tal-Imqaddsa Verġni Marija, tiġi fi tmiemha f’dan il-jum qaddis, li fih qed niċċelebraw bil-kbir it-Tnissil Bla Tebgħa tal-Omm ta’ Alla u omm il-bnedmin.

 

2. Hemm qawsalla misterjuża li qed tgħaqqad l-assemblea li qed tiltaqa’ llum mal-bidu ta’ dan il-Konċilju Ekumeniku fil-11 ta’ Ottubru li għadda: dawn iż-żewġ ċelebrazzjonijiet liturġiċi jagħtuna opportunità biex irroddu l-ħajr li jistħoqq lil Alla.

 

3. Barra minn dan, hemm ukoll tifsira iktar intima ta’ dak li qed nagħmlu llum, li tfakkarna fil-memorja tal-Predeċessur Tagħna Piju IX, li f’dan l-istess jum ta bidu għall-Konċilju Vatikan I.

 

4. Ta’ min wieħed jimmedita fuq dawn il-koinċidenzi fiż-żmien, għaliex, jekk toqgħod taħseb, hija ħaġa leċita li tikkonkludi li l-ikbar avvenimenti tal-Knisja għandhom lil Marija tiddi bħal kewkba u tassisti bħal omm.

 

5. Il-Konċilju hu verament att li bih nemmnu f’Alla, nobdu l-liġijiet tiegħu, nippruvaw nikkorrispondu fedelment għall-proġett tal-Fidwa Divina; aħna nitkellmu dwar il-proġett li bih “il-Verb sar bniedem mill-Verġni Marija”.  Minħabba li llum qed inqimu lill-Verġni Immakulata “min-nisel ta’ Ġesse”, li ħarġet warda minn għeruqu (Ara. Is 11,1), qlubna jinsabu mimlija b’ferħ kbir; fil-fatt aħna naraw li din il-warda dejjem qegħda tikber, speċjalment billi ninsabu fiż-żmien qaddis tal-Avvent.

 

6. Issa li l-Isqfijiet tal-ħames kontinenti se jitilqu minn dan it-Tempju ta’ Pietru, u jmorru lejn id-Djoċesijiet maħbubin tagħhom – biex ikomplu jagħmlu d-dmirijiet tagħhom ta’ ragħajja u jieħdu ħsieb il-merħliet tagħhom, – jiġini f’moħħi dak li sar s’issa; u nħarsu lejn il-ġejjieni, niġbru l-forzi tagħna u naħsbu fuq possibiltajiet ta’ azzjoni, sabiex waqt li nistennew, naqbdu t-triq ħalli din l-inizjattiva kbira issa tinbidel u ssir fil-prattika.

 

7. Dan id-diskors tagħna qed jikkunsidra tliet punti: il-bidu, it-tkomplija u l-frott li nistennew mill-Konċilju Ekumeniku li huma il-fidi, il-qdusija u l-appostolat li jitfgħu d-dawl tagħhom fuq il-Knisja u fuq il-komunità ċivili.

 

8 . Għadha stampata sew f’moħħna x-xena tal-ftuħ ta’ dan il-Konċilju Ekumeniku, dik il-wirja ta’ dik il-laqgħa kbira tal-Isqfijiet mid-dinja kollha kattolika, miġburin hawnhekk.  Tul il-kors tas-sekli, ħaġa bħal din qatt ma kienet ġrat. Fi kliem ieħor, “il-Knisja, waħda, qaddisa, kattolika u appostolika” ġiet ippreżentata lill-bnedmin tiddi bid-dawl li joħroġ mill-missjoni li ġiet fdata lilha,  turi l-għaqda fl-istruttura tagħha, tħaddem il-qawwa persważiva u attrajenti tal-istutuzzjonijiet tagħha. Ta’ min ifakkar li fiċ-ċerimonji tal-ftuħ tal-Konċilju ħadu sehem nies minn diversi pajjiżi, jirrappreżentaw lill-Gvernijiet tagħhom. Ta’ min għal darba oħra nesprimu gratitudni talli l-bnedmin ta’ żmienna qed iħarsu b’ammirazzjoni lejn il-bidu ta’ dan il-Konċilju universali, u li minn kull naħa waslu messaġġi minn dawk li, b’attenzjoni partikulari, b’rispett u bi stima kbira, fakkru din il-ġrajja kbira.

 

I. IL-BIDU TAL-KONĊILJU

 

1. F’dak il-jum memorabbli tal-11 ta’ Ottubru bdiet il-ħidma flimkien tal-Padri Konċiljari. Issa li ntemmet l-ewwel sessjoni taċ-ċelebrazzjoni tal-Konċilju Ekumeniku, tajjeb li nirriflettu ftit dwar dak li sar.

 

2. L-ewwel sessjoni fetħet, biex ngħidu hekk, il-bibien b’ċertu stil kajman u solenni għal din il-biċċa xogħol kbira tal-Konċilju: jiġifieri kien bidu fejn il-Padri Konċiljari bi spirtu ħaj, daħlu b’mod intimu f’din l-esperjenza, jiġifieri fil-pjan divin. Naturalment kien meħtieġ li dawn l-aħwa li ġew minn inħawi tant ‘il bogħod, u ltaqgħu hawn f’din is-Sede antika, isiru jafu lil xulxin; kien meħtieġ li jeżaminaw lil xulxin biex ikunu jafu kif jaħsbuha, kien meħtieġ li kull wieħed b’mod raġonevoli jikkomunika mal-oħrajn l-esperjenza prattika li hu għandu, u dan bħala tagħrif ta’ dak li sar f’inħawi differenti u ma’ nies differenti fejn għandu x’jaqsam l-appostolat.

 

3 . Wieħed għandu jifhem mill-ewwel li f’assemblea kbira bħal din kien jeħtieġ ħafna ħin biex jintlaq ftehim dwar dak li, b’rispett lejn il-karità, kien qed joħloq differenzi; u dan m’għandux jissorprendina, imma b’mod diskret għandu jkun ta’ stimolu.

 

4. Dan ġara wkoll bir-rieda providenzjali t’Alla, sabiex il-verità titqiegħed fid-dawl veru tagħha u sabiex il-libertà tal-ulied qaddisa ta’ Alla li teżisti fil-Knisja tkun manifestata quddiem il-komunità kollha tal-bnedmin.

 

5. Mhux b’kumbinazzjoni li bdejna billi neżaminaw il-Liturġija sagra, minħabba l-fatt li din għandna x’taqsam mar-relazzjoni li hemm bejn il-bniedem u Alla. Din ir-relazzjoni li tistrieħ fuq il-pedament sod tar-Rivelazzjoni u tal-Maġisteru appostoliku, hija ta’ importanza liema bħalha biex wieħed jiddedika ħajtu għall-ġid tal-erwieħ b’dak id-dixxerniment li ma jafx b’dik il-ħeffa esaġerata u l-għaġġla li spiss huma preżenti fir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin.

 

6. Imbagħad ġew preżentati ħames skemi, li  ġew diskussi u ngħataw pariri dwarhom. Dawn inqisuhom utli ħafna biex niffinalizzaw il-kompożizzjoni u l-approvazzjoni tal-kostituzzjonijiet individwali, tant li bir-raġun nistgħu ngħidu li kien hemm premessi tajbin, għalkemm xorta waħda  se jkollhom jiġu diskussi.

 

 II. IT-TKOMPLIJA TAL-KONĊILJU

 

1. U issa, Ħuti għeżież, għajnejna jduru lejn ix-xogħol li se jsir fid-disa’ xhur li ġejjin, li għalkemm se jkunu mdawrin bis-skiet, imma mhux b’inqas sforz, meta intom tmorru lura lejn is-Sedi li tagħhom iġġibu t-titlu.

 

2. Filwaqt li nimmaġinaw lil kull wieħed minnkom fid-djoċesi tiegħu, Qalbna hija mimlija b’sodisfazzjon kbir, għaliex nafu li meta intom tmorru lura minn Ruma intom se twasslu lill-popli tagħkom dik il-fjamma tixgħel ta’ fiduċja u imħabba, filwaqt li  magħna tkomplu titolbu bil-ħerqa lil Alla, b’tali mod li jiġu f’moħħi l-kelmiet tal-Ktieb ta’ Bin Sirak lill-qassis il-Kbir Xmun: “wieqaf maġenb il-qiegħa tan-nar tal-artal, b’ħutu madwaru bħal kuruna.”  (Sir 50,12).

 

3. Bħalma tistgħu taraw, l-attività tagħna issa se tkompli b’din il-komunjoni tat-talb u tar-rieda.

 

4. Il-ħidma tagħna flimkien mhix se tieqaf b’din iċ-ċelebrazzjoni solenni: tabilħaqq, l-isforzi li hemm jistennewna nistgħu nqisuhom bħala iktar serji u iktar importanti minn dawk li seħħew fl-intervalli ta’ Konċilji Ekumeniċi oħrajn. Fil-fatt minħabba l-kundizzjonijiet ta’ ħajja moderna, skambji ta’ kull tip kemm dwar individwi kif ukoll dwar forom ta’ appostolat, saru iktar faċli.

 

5. Anke l-Kummissjoni li għadha kemm inħatret, u li magħha żdiedu membri magħżula mill-Kulleġġ tal-Kardinali u l-Ordni tal-Isqfijiet bħala rappreżentanti tal-Knisja universali, hija tabilħaqq xhieda  li x-xogħol tal-Konċilju mhux sospiż. Fil-fatt, se jkun ix-xogħol ta’ din il-Kummissjoni li ssegwi u tidderieġi x-xogħol fix-xhur li ġejjin u, b’konsultazzjoni mal-Kummissjonijiet individwali tal-Kunsill,  tqiegħed sisien sodi biex il-Konċilju Ekumeniku jasal għal konklużjoni mistħoqqa.  Għalhekk f’dawn id-disa’ xhur, li fihom is-sessjonijiet se jkunu sospiżi, il-Konċilju se jkompli b’attività sħiħa t-triq li qbadna.

 

6. Kull Isqof, anke jekk ikun imħabbat bl-impenn tad-dmir pastorali tiegħu, għandu jimmedita u jevalwa bir-reqqa l-iskemi li ġew proposti u anke dokumenti oħrajn li se jintbagħtu minn żmien għal żmien. B’dan il-mod, is-Sessjoni li għandha ssir f’Settembru li ġej – meta l-Padri Konċiljari kollha se jinġabru għal darb’oħra u jkunu milqugħa f’Ruma – se timxi b’sigurtà, kontinwità u b’iktar ħeffa, u dan fuq kollox għax se jkollha vantaġġ mill-esperjenza wiesgħa tal-laqgħat li saru f’din l-ewwel Sessjoni; u għandna għalfejn nittamaw li s-sena d-dieħla, li se tfakkar ir-raba’ ċentinarju mit-tmiem tal-Konċilju Ekumeniku ta’ Trentu, se jiġri li fost il-ferħ qaddis tal-Milied ta’ Sidna Ġesù Kristu, meta naraw u naduraw il-glorja tal-Verb ta’ Alla magħmul bniedem, inkunu nistgħu nżidu l-ferħ tal-konklużjoni tax-xogħol li qed jistennew il-popli maħbubin tagħna.

 

III. IL-FROTT LI NISTENNEW MILL-KONĊILJU

 

1. Filwaqt li nħaddnu din il-firxa wiesgħa ħafna ta’ ħidmiet b’kunfidenza kbira, li se jagħtina l-possibiltà li naħdmu flimkien, inħossu ġo fina nuqqas ta’ sabar, u nawguraw li fl-aħħar mill-aħħar dawk l-intenzjonijiet kbar li kellna f’moħħna meta sejjaħna l-Konċilju jidħlu fis-seħħ; jiġifieri, li “l-Knisja Mqaddsa, soda fil-fidi, imsaħħa fit-tama u mħeġġa aktar fl-imħabba, tiffjorixxi b’qawwa ġdida u żagħżugħa, u, mgħammra b’liġijiet qaddisa, tkun aktar effiċjenti u aktar deċiża biex tkabbar is-Saltna ta’ Kristu” (Ittra lill-Isqfijiet tal-Ġermanja, 11 ta’ Jannar 1962).

 

2. Għalkemm, kif inhu magħruf, in-normi tal-Konċilju Ekumeniku, li se jiġu promulgati wara t-tmiem tal-ħidma tal-Konċilju, għadhom ma jeżistux, jaqbel li minn issa ʼl quddiem li nħarsu b’ħerqa lejn il-frott salutari li għad joħorġu minnhom. Alla jagħtina l-grazzja li dan il-frott ma jinġabarx biss minn ulied il-Knisja Kattolika, imma jitferra’ wkoll fuq dawk ħutna li jiftaħru bl-isem ta’ Insara, anzi fuq dak l-għadd kbir ta’ bnedmin li għad m’għandhomx id-dawl nisrani, imma  li jiftaħru bil-wirt antik u prezzjuż taċ-ċiviltà li wirtu mill-antenati tagħhom. Huma m’għandhom xejn għalfejn jibżgħu mid-dawl tal-Vanġelu, li – kif ġara ta’ spiss fis-sekli li għaddew – jista’ jikkontribwixxi b’mod validu biex jikkultivaw u jiżviluppaw dawk iż-żerriegħa ta’ reliġjożità u ċiviltà li tinsab fihom.

 

3. Għeżież Huti, qalbna teħbrilna li hekk se jkun, u nafu li intom ukoll itteħidtu mill-ħeġġa tagħna.

 

4. Meta jasal dak iż-żmien, allura jkun meħtieġ li fl-oqsma kollha tal-attività tal-Knisja, kif ukoll fil-qasam tas-soċjoloġija, dak kollu li ġie stabbilit mill-Konċilju Ekumeniku jitpoġġa fil-prattika, u li jiġu mħarsa minnufih u in-normi kollha stabbiliti mill-Konċilju stess (ara t-Talba lill-Ispirtu s-Santu għall-Konċilju Ekumeniku).

 

5. Dan ix-xogħol, li hu bla dubju ta’ importanza kbira, jirrikjedi li r-Ragħajja qaddisa jgħaqqdu l-forzi tagħhom flimkien biex jiddedikaw ruħhom għall-akbar impenn li jippriedkaw duttrina soda u b’mod meqjus iwettqu l-liġijiet tal-Konċilju. Biex dan iseħħ, għandha tintalab l-għajnuna tas-saċerdoti, kemm tal-kleru, kif ukoll tal-istituti reliġjużi kif ukoll tal-lajċi, skont il-kompitu u l-possibbiltajiet ta’ kull wieħed. Dan se jkun id-dmir ta’ kulħadd: li l-fidili wieġbu b’rieda dinamika u fidila għall-isforzi tal-Konċilju Ekumeniku.

 

6. Imbagħad, bla ebda dubju, se jiddi Pentekoste ġdid u mixtieq, li se jagħni b’mod abbundanti l-Knisja b’enerġiji spiritwali u se jwassal l-ispirtu matern tagħha u l-qawwa tal-fejqan tagħha fl-oqsma kollha tal-attività umana. Imbagħad is-Saltna ta’ Kristu fuq l-art se titwessa’ bi tkabbir ġdid. Imbagħad l-Aħbar it-Tajba tal-Fidwa umana se tidwi fid-dinja b’iktar qawwa u b’iktar ħelwa, Aħbar li biha nagħrfu d-dritt suprem ta’ Alla li jista’ kollox, ir-rabtiet ta’ karità fraterna fost il-bnedmin, u l-paċi li ġiet imwiegħda fuq din l-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba.

 

Aħwa għeżież,

 

7. Dawn huma s-sentimenti mqanqlin li bihom inħossuna xprunati u li jsostnu t-tama kbira tagħna u t-talb tagħna. Wara li ntemmet il-ħidma ta’ din is-Sessjoni, issa wasaltu biex terġgħu lura lejn il-pajjiżi tagħkom u lejn il-merħliet għeżież fdati f’idejkom; u filwaqt li nawgurawlkom l-isbaħ xewqat għal vjaġġ tajjeb, nixtiequ li twasslu lis-saċerdoti u l-fidili tagħkom l-imħabba kbira tagħna, billi twasslulhom ix-xewqat u l-wegħdiet tagħna. F’dan ir-rigward, huwa utli għalina li nġeddu l-kliem ta’ xewqat tajba li bihom il-Predeċessur tagħna Piju IX indirizza lill-Isqfijiet fil-Konċilju Ekumeniku Vatikan I: “Araw, ħuti maħbubin, kemm hu tajjeb u kemm hu ħelu li nimxu f’armonija fid-dar ta’ Alla. Imxu dejjem hekk. U ġaladarba Sidna Ġesù Kristu ta l-paċi lill-Appostli, hekk jien, il-Vigarju tiegħu bla ma jistħoqqli, nagħtikom il-paċi f’ismu. Il-paċi, kif tafu intom, tkeċċi l-biża’ ʼl barra. Il-paċi, kif tafu intom, tagħlaq widnejha għal kliem mhux meqjus. Jalla din il-paċi timxi magħkom fil-jiem kollha ta’ ħajjitkom.” (MANSI, 1869-70, p. 765, 158).

 

8. Fl-aħħar xhur, miġburin flimkien, doqna dak il-ferħ li huwa deskritt tant tajjeb minn dawn il-kelmiet ta’ Piju IX.

 

9. Għad fadlilna triq twila; madankollu, kunu afu li r-Ragħaj Il-Kbir tal-Knisja dejjem se juri l-attenzjoni tiegħu lil kull wieħed minnkom, filwaqt li intom tkunu moħħkom fuq il-ħidma pastorali tagħkom, li bl-ebda mod ma hi separata mill-kura u l-ħeġġa tagħkom biex inġibu fit-tmiem dan il-Konċilju. Illum, biex inħeġġukom, urejniekom liema huma t-tliet oqsma tal-ħidma tagħna fejn jista’ jkollna azzjoni komuni: permezz tal-bidu mill-isbaħ tal-Konċilju infetaħ l-ewwel bieb biex niffaċċjaw din il-biċċa xogħol kbira; issa ix-xogħol tagħkom flimkien, xogħol meqjus u maħsub, iwassal sabiex il-Konċilju Ekumeniku inissel fl-aħħar mill-aħħar il-frott tant mixtieq fil-familja umana kollha: il-fidi, it-tama u l-imħabba. Din il-karatteristika tripla tindika l-importanza u d-dinjità partikolari tal-Konċilju.

 

10. Għalhekk hemm jistennewna ħidma u responsabbilità kbira; imma Alla stess se josostnina matul it-triq.

 

11. Jalla l-Immakulata Verġni Marija tkun dejjem magħna; u r-Raġel l-aktar safi tagħha Ġużeppi, Patrun tal-Konċilju Ekumeniku, li ismu jiddi mil-lum fil-Kanoni tal-Quddiesa, jakkumpanjawna f’dan il-vjaġġ, hu li kien mogħti minn Alla biex jiggwida u jħares lill-Familja ta’ Nazaret; u jkunu magħna wkoll il-Qaddisin Pietru u Pawlu flimkien ma’ San Ġwann Battista, il-Papiet kollha, ir-Ragħajja u d-Dutturi tal-Knisja ta’ Alla.

 

12. Ninsabu f’din il-Bażilika ewlenija tal-Kristjaneżmu, ħdejn il-qabar tal-Prinċep tal-Appostli; imma tajjeb li niftakru li l-knisja katidrali tad-djoċesi ta’ Ruma hija l-Bażilika tal-Lateran, omm u ras tal-knejjes kollha, li hija ddedikata lil Ġesù s-Salvatur Divin. Lilu, Sultan taż-żminijiet u l-popli, li ma jmut qatt u li ma jidhirx, il-glorja u l-qawwa għal dejjem ta’ dejjem (ara 1Tim 1,17; Apok 1,6).

 

13. In questa soave commozione il Cielo è aperto sulle nostre teste, e di là lo splendore della corte celeste irradia su di noi per infonderci sicura speranza, soprannaturale costanza nella fede, gioia e serenissima pace.

 

13. F’din l-emozzjoni ħelwa, il-Ġenna hi miftuħa fuq rasna, u minn hemm id-dija tas-sema tiddi fuqna biex tnissel fina tama żgura, perseveranza sopranaturali fil-fidi, ferħ u sliem mill-akbar.

 

14. Imdawlin b’dan id-dawl sopranaturali, filwaqt li nistennew il-miġja tagħkom lura, insellmulkom ilkoll, Aħwa Għeżież, “b’bewsa qaddisa” (Rum 16:16), nitolbu bil-qalb biex ikollkom l-abbundanza tad-doni ta’ Alla, li tagħhom hija rahan u awguri din il-Barka Appostolika Tagħna (AAS 55 (1963), pp. 35-41).

 

Ġwanni XXIII

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes