Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI

Awla Pawlu VI

L-Erbgħa 31 ta’ Jannar 2007

 

Barnaba, Silvanu u Apollu

 

Għeżież ħuti,

 

Inkomplu bil-vjaġġ tagħna qalb il-protagonisti tal-bidu tal-ħajja Nisranija, u llum nixħtu l-attenzjoni tagħna fuq xi kollaboraturi oħra ta’ San Pawl. Irridu nirrikonoxxu li l-Appostlu huwa eżempju elokwenti ta’ bniedem miftuħ għall-kollaborazzjoni: fil-Knisja hu ma jridx jagħmel kollox waħdu, imma jinqeda b’għadd kbir ta’ kollegi differenti. Ma nistgħux nieqfu fuq dawk kollha li tawh għajnuna prezzjuża, għax huma ħafna. Biżżejjed infakkru, fost l-oħrajn, lil Epafra (ara Kol 1:7; 4:12; Film 23), Epafroditu (ara Fil 2:25; 4:18), Tikiku (ara Atti 20:4; Efes 6:21; Kol 4:7; 2 Tim 4:12; Tit 3:12), Urbanu (ara Rum 16:9), Gajju u Aristarku (ara Atti 19:29; 20:4; 27:2; Kol 4:10). U nisa bħala Febi (ara Rum 16:1), Trifena u Trifosa (ara Rum 16:12), Persi, omm Rufu – li dwarha San Pawl jgħid: “l-omm tiegħu u tiegħi” (ara Rum 16:12-13) –, biex ma ninsewx koppji miżżewġa bħala Priska u Awkila (ara Rum 16:3; 1 Kor 16:19; 2 Tim 4:19). Illum, fost din il-ġemgħa twila ta’ kollaboraturi rġiel u nisa se nixħtu l-attenzjoni tagħna fuq tlieta minn dawn il-persuni, li żvolġew rwol partikularment sinifikattiv fl-evanġelizzazzjoni tal-bidu: Barnaba, Silvanu u Apollu.

 

Barnaba jfisser “bin is-sejħa” (Atti 4:36) jew “bin il-faraġ” u hu l-laqam ta’ Lhudi-Levita mwieled Ċipru. Jgħix Ġerusalemm, hu kien wieħed mill-ewwel li ħaddnu l-Kristjaneżmu, wara l-qawmien tal-Mulej mill-mewt. B’ġenerożità kbira biegħ għalqa li kienet tiegħu u d-dħul tagħha għaddieh lill-Appostli għall-ħtiġijiet tal-Knisja (ara Atti 4:37). Kien hu li daħal garanti għall-konverżjoni ta’ Sawl quddiem il-komunità Nisranija ta’ Ġerusalemm, li kienet għadha tissuspetta fil-persekutur qadim tagħha (ara Atti 9:27). Mibgħut Antjokja tas-Sirja, mar biex jerġa’ jġib lil Pawlu minn Tarsu, fejn kien twarrab, u miegħu qatta’ sena sħiħa, u ddedika ruħu għall-evanġelizzazzjoni ta’ dik il-belt importanti, li fil-Knisja tagħha Barnaba kien miżmum bi profeta u għalliem (ara Atti 13:1). Hekk Barnaba, fil-mument tal-ewwel konverżjonijiet tal-pagani, fehem li dik kienet is-siegħa ta’ Sawl, li kien irtira f’Tarsu, il-belt tiegħu. U hemm hu mar ifittxu. Hekk, f’dak il-mument importanti, kważi radd lura ’l Pawlu lill-Knisja; f’dan is-sens, hu reġa’ tah lura mill-ġdid bħala l-Appostlu tal-Ġnus. Mill-Knisja ta’ Antjokja Barnaba ġie mibgħut f’missjoni flimkien ma’ Pawlu, u wettqu dak li baqa’ magħruf bħala l-ewwel vjaġġ missjunarju tal-Appostlu. Fir-realtà, kien vjaġġ missjunarju ta’ Barnaba, ladarba kien hu l-veru responsabbli, li miegħu Pawlu ssieħeb bħala kollaboratur, fejn mess ir-reġjuni ta’ Ċipru u tal-Anatolja ċentrali u tan-nofsinhar, f’dik li hi t-Turkija tal-lum, bil-bliet ta’ Attalja, Perge, Antjokja tal-Pisidja, Ikonju, Listra u Derbi (ara Atti 13-14). Flimkien ma’ Pawlu mbagħad mar għall-hekk imsejjaħ Konċilju ta’ Ġerusalemm fejn, wara li eżaminaw il-kwistjoni bir-reqqa, l-Appostli flimkien mal-Anzjani qatgħuha li jifirdu l-prattika taċ-ċirkonċiżjoni mill-identità Nisranija (ara Atti 15:1-35). Hekk biss, fl-aħħar, għamluha uffiċjalment possibbli li jkun hemm il-Knisja tal-pagani, Knisja mingħajr ċirkonċiżjoni: aħna wlied Abraham sempliċiment bil-fidi fi Kristu.

 

It-tnejn li huma, Pawlu u Barnaba, imbagħad kellhom xi jgħidu bejniethom, lejn il-bidu tat-tieni vjaġġ missjunarju, għax Barnaba kien tal-fehma li jieħdu magħhom bħala seħibhom lil Ġwanni Marku, waqt li Pawlu ma riedx, billi ż-żagħżugħ kien telaqhom fil-vjaġġ ta’ qabel (ara Atti 13:13; 15:36-40). Jiġifieri anki bejn il-qaddisin ikun hemm tilwim, nuqqas ta’ ftehim, ġlied. U jien jidhirli li din hi ħaġa ta’ faraġ kbir, għax naraw li l-qaddisin ma “waqgħux mis-sema”. Huma nies bħalna, bi problemi anki kkumplikati. Il-qdusija ma tfissirx li ma tkun żbaljajt qatt, ma dnibt qatt. Il-qdusija tikber fil-ħila li tikkonverti, li tindem, li tkun lest li terġa’ tibda, u fuq kollox fil-ħila tar-rikonċiljazzjoni u tal-maħfra. U hekk Pawlu, li kien pjuttost aħrax u mqit ma’ Marku, fl-aħħar reġa’ tħabbeb miegħu. Fl-aħħar Ittri ta’ San Pawl, f’dik lil Filemon u fit-tieni lil Timotju, sewwasew dan Marku jidher bħala “sieħbi fix-xogħol”. Mela nsiru qaddisin mhux għax ma nkunu żbaljajna qatt, imma għax ikollna l-ħila li nirrikonċiljaw ruħna u naħfru. U lkoll nistgħu nitgħallmuha din it-triq tal-qdusija. Hu x’inhu, Barnaba, ma’ Ġwanni Marku, telqu lejn Ċipru (ara Atti 15:39) lejn is-sena 49. Minn hemm nitilfu ħjielu. Tertulljanu jattribwilu l-Ittra lil-Lhud, li mhix nieqsa minn dan ix-xebh għax, billi hu kien mit-tribù ta’ Levi, Barnaba seta’ kellu interess fit-tema tas-saċerdozju. U l-Ittra lil-Lhud tinterpretalna b’mod tal-għaġeb is-saċerdozju ta’ Ġesù.

 

Ħabib ieħor ta’ Pawlu kien Sila, forma fil-Grieg ta’ isem Lhudi (forsi sheal, “titlob, tinvoka”, li hu l-istess għerq tan-nom “Sawl”), li għandu wkoll il-forma Latinizzata tiegħu Silvanu. L-isem Sila nsibuh biss fil-Ktieb tal-Atti, waqt li l-isem Silvanu jidher biss fl-Ittri Pawlini. Hu kien Lhudi ta’ Ġerusalemm, wieħed mill-ewwel li saru Nsara, u f’dik il-Knisja kien igawdi stima kbira (ara Atti 15:22), billi kien meqjus profeta (ara Atti 15:32). Kien inkarigat iwassal għand “l-aħwa ta’ Antjokja, tas-Sirja u taċ-Ċiliċja” (Atti 15:23) id-deċiżjonijiet meħuda fil-Konċilju ta’ Ġerusalemm u jfissirhomlhom. Mid-dehra kien meqjus li kellu d-dehen li jwettaq xi xejra ta’ medjazzjoni bejn Ġerusalemm u Antjokja, bejn Lhud-Insara u Nsara ta’ oriġni pagana, u hekk ikun qaddej tal-għaqda tal-Knisja fid-diversi riti u oriġni tagħha. Meta Pawlu nfired minn ma’ Barnaba, ħa proprju lil Sila miegħu bħala sieħeb ġdid tal-vjaġġ (ara Atti 15:40). Flimkien ma’ Pawlu mar il-Maċedonja (bil-bliet ta’ Filippi, Tessalonika u Berea), fejn waqaf għal ftit, waqt li Pawlu kompla sejjer Ateni u mbagħad Korintu. Sila laħqu f’Korintu, fejn ikkopera miegħu fil-predikazzjoni tal-Vanġelu; fil-fatt, fit-tieni Ittra indirizzata minn Pawlu lil dik il-Knisja, hu jitkellem fuq “Ġesù Kristu, li xandarnielkom aħna, jiena u Silvanu” (2 Kor 1:19). Hekk nifhmu kif hu jirriżulta bħala dak li qed jibgħat, flimkien ma’ Pawlu u Timotju, iż-żewġ Ittri lit-Tessalonkin. Anki dan jidhirli li hu fatt importanti. Pawlu ma jaġixxix bħala “solista”, bħala individwu waħdu, imma flimkien ma’ dawn il-kollaboraturi fl-“aħna” tal-Knisja. Dan il-“jien” ta’ Pawlu mhuwiex “jien” iżolat, imma “jien” fl-“aħna” tal-Knisja, fl-“aħna” tal-fidi appostolika. U Silvanu fl-aħħar jissemma wkoll fl-Ewwel Ittra ta’ Pietru, fejn naqraw: “Ktibtilkom dan il-ftit kliem permezz ta’ Silvanu, li għalija hu ħija fidil” (5:12). Hekk naraw ukoll il-komunjoni tal-Appostli. Lil Silvanu jiġi bżonnu Pawlu, u jiġi bżonnu Pietru, għax il-Knisja hija waħda u t-tħabbira missjunarja hi unika.

 

It-tielet sieħeb ta’ Pawlu, li rridu nfakkru hawn, hu msejjaħ Apollu, aktarx tqassira ta’ Apollonju jew Apollodoru. Imqar jekk hu isem ta’ bixra pagana, hu kien Lhudi mħeġġeġ minn Lixandra tal-Eġittu. Luqa fil-Ktieb tal-Atti jsejjaħlu “raġel jinqala’ biex jitkellem, u għaref fl-Iskrittura… jitkellem b’ħeġġa kbira” (18:24-25). Apollu jidħol fix-xena tal-ewwel evanġelizzazzjoni fil-belt ta’ Efesu: hemm kien mar biex jipprietka u hemm kellu x-xorti li jiltaqa’ mal-miżżewġin Insara Priska u Akwila (ara Atti 18:26), li laqqgħuh ma’ għarfien iżjed sħiħ tat-“triq ta’ Alla” (ara Atti 18:26). Minn Efesu mar l-Akaja u wasal fil-belt ta’ Korintu: hawn wasal bl-appoġġ ta’ ittra tal-Insara ta’ Efesu, li rrakkomandaw lill-Korintin biex jilqgħuh tajjeb (ara Atti 18:27). F’Korintu, kif jikteb Luqa, “kien ta’ għajnuna kbira għal dawk li kienu emmnu. U bil-qawwa kollha kien jagħlaq ħalq il-Lhud quddiem kulħadd billi jurihom mill-Iskrittura li Ġesù hu l-Messija” (Atti 18:27-28). Imma s-suċċess tiegħu f’dik il-belt iltaqa’ mal-għawġ, għax kien hemm xi membri ta’ dik il-Knisja li f’ismu, imsaħħrin mill-mod ta’ kif kien jitkellem, ħaduha kontra l-oħrajn (ara 1 Kor 1:12; 3:4-6; 4:6). Pawlu fl-Ewwel Ittra lill-Korintin jesprimi apprezzament għall-ħidma ta’ Apollu, imma jċanfar lill-Korintin li ċarrtu l-Ġisem ta’ Kristu u qasmuh f’fazzjonijiet kontra xulxin. Mill-biċċa kollha hu ħareġ tagħlima importanti: kemm jien u kemm Apollu – jgħidilhom – m’aħniex għajr diakonoi, jiġifieri sempliċi ministri, li permezz tagħna intom wasaltu għall-fidi (ara 1 Kor 3:5). Kull wieħed għandu ħidma differenti fil-qasam tal-Mulej: “Jiena ħawwilt, Apollu saqqa, imma Alla hu li kabbar. Għalhekk, la min ħawwel ma hu xejn, u la min saqqa; imma Alla, li kabbar. Xorta waħda huma dak li ħawwel u dak li saqqa; kull wieħed jieħu l-ħlas li ħaqqu skont ma ħadem. Aħna ħaddiema ma’ Alla; u intom l-għalqa ta’ Alla, intom il-bini ta’ Alla” (1 Kor 3:6-9). Meta reġa’ daħal Efesu, Apollu rreżista l-istedina ta’ Pawlu li jerġa’ jmur dritt Korintu, u mexxa l-vjaġġ tiegħu għal data ’l quddiem li ma nafux meta kienet (ara 1 Kor 16:12). M’għandniex iktar ħbaru, anki jekk xi studjużi jaħsbu li seta’ kien l-awtur tal-Ittra lil-Lhud, li, skont Tertulljanu, kitibha Barnaba.

 

Dawn it-tlitt irġiel jibbrillaw fis-smewwiet tax-xhieda tal-Vanġelu minħabba n-nota komuni ta’ bejniethom, minbarra għall-karatteristiċi proprji ta’ kull wieħed. Komuni bejniethom, barra l-oriġni Lhudija, għandhom id-dedikazzjoni għal Ġesù Kristu u għall-Vanġelu, flimkien mal-fatt li kienu t-tlieta li huma kollaboraturi tal-Appostlu Pawlu. F’din il-missjoni tal-evanġelizzazzjoni tal-bidu huma sabu s-sens ta’ ħajjithom, u bħala tali jidhru quddiemna bħala xempji mdawla ta’ għotja u ta’ ġenerożità. U fl-aħħar, ejjew naħsbu mill-ġdid f’din il-frażi ta’ San Pawl: sew Apollu, sew jien, aħna lkoll ministri ta’ Ġesù, kull wieħed bil-mod tiegħu, għax huwa Alla li jkabbar. Din il-kelma tiswa wkoll illum għal kulħadd, kemm għall-Papa, kemm għall-Kardinali, l-Isqfijiet, is-saċerdoti, il-lajċi. Ilkoll aħna ministri umli ta’ Ġesù. Naqdu kemm nistgħu l-Vanġelu, skont id-doni tagħna, u nitolbu lil Alla biex ikun hu li jkabbar illum ukoll il-Vanġelu tiegħu, il-Knisja tiegħu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard