Laikos

 

    -    Aktar dwar l-Appostli minn Benedittu XVI

BENEDITTU XVI

UDJENZA ĠENERALI 

Pjazza San Pietru

L-Erbgħa 15 ta’ Novembru 2006

 

Pawlu – L-Ispirtu fi qlubna

 

Għeżież ħuti,

 

Illum ukoll, kif diġà għamilna fiż-żewġ katekeżijiet ta’ qabel, nerġgħu lura għal San Pawl u għall-ħsieb tiegħu. Ninsabu quddiem ġgant mhux biss fuq il-livell tal-appostolat konkret, imma anki fuq dak tad-duttrina teoloġika, straordinarjament profonda u stimulanti. Wara li l-aħħar darba mmeditajna fuq kemm kiteb Pawlu dwar il-post ċentrali li għandu Ġesù Kristu fil-ħajja tal-fidi tagħna, illum naraw dak li hu jgħid dwar l-Ispirtu s-Santu u dwar il-preżenza tiegħu fina, għax hawn ukoll l-Appostlu għandu xi ħaġa ta’ importanza kbira x’jgħallimna.

 

Nafu x’jgħidilna fl-Atti tal-Appostli San Luqa dwar l-Ispirtu s-Santu, meta jfisser il-ġrajja ta’ Għid il-Ħamsin. L-Ispirtu ta’ Pentekoste jġib miegħu tħeġġiġa qawwija għall-missjoni biex tingħata xhieda tal-Vanġelu fit-toroq tad-dinja. Fil-fatt, il-Ktieb tal-Atti jirrakkonta serje sħiħa ta’ missjonijiet imwettqa mill-Appostli, l-ewwel fis-Samarija, imbagħad fuq il-kosta tal-Palestina, imbagħad lejn is-Sirja. Fuq kollox jiġu rrakkuntati t-tliet vjaġġi missjunarji l-kbar li għamel Pawlu, kif diġà fakkart f’laqgħa tal-Erbgħa ta’ qabel. Imma San Pawl fl-Ittri tiegħu jkellimna fuq l-Ispirtu anki minn anglu ieħor. Hu ma jiqafx jurina biss id-dimensjoni dinamika u operattiva tat-tielet Persuna tat-Trinità Qaddisa, imma jistħarreġ ukoll il-preżenza tagħha fil-ħajja tan-Nisrani, li l-identità tiegħu hi mmarkata minnha. Fi kliem ieħor, Pawlu jirrifletti fuq l-Ispirtu billi juri l-qawwa tiegħu mhux biss fuq l-aġir tan-Nisrani, imma anki fuq l-essri tiegħu. Fil-fatt, hu li jgħid li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fina (ara Rum 8:9; 1 Kor 3:16) u li “Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna” (Gal 4:6). Allura għal Pawlu l-Ispirtu jimmarkana mqar fl-aktar profondità intima u personali tagħna. Dwar dan, hawn xi kliem tiegħu ta’ sinifikat kbir: “Il-liġi tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja fi Kristu Ġesù ħelsitni mil-liġi tad-dnub u tal-mewt… Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: ‘Abba! Missier!’” (Rum 8:2,15), u għax ulied, lil Alla nistgħu ngħajtulu “Missier”. Mela qed naraw ċar li n-Nisrani, qabel ma jagħmel xi ħaġa hu, diġà għandu interjorità għanja u għammiela, mogħtija lilu fis-sagramenti tal-Magħmudija u tal-Griżma, interjorità li ddaħħlu f’rabta oġġettiva u oriġinali ta’ filjazzjoni ma’ Alla. Din hi d-dinjità għolja tagħna: dik li m’aħniex biss xbieha, imma wlied ta’ Alla. U din hi stedina biex ngħixu din il-filjolanza tagħna, biex nagħrfu dejjem iżjed li aħna wlied adottivi fil-familja kbira ta’ Alla. Hi stedina biex nibdlu dan id-don oġġettiv f’realtà suġġettiva, determinanti għall-ħsieb tagħna, għall-aġir tagħna, għal dak li aħna. Alla jqisna b’uliedu, għax għolliena għal dinjità li, imqar jekk mhix ugwali, hi simili għal dik ta’ Ġesù nnifsu, l-Iben veru waħdieni fis-sens sħiħ tal-kelma. Fih ingħatatilna, jew intradditilna lura, il-kundizzjoni filjali u l-libertà fiduċjuża f’relazzjoni mal-Missier.

 

U hekk niskopru li għan-Nisrani l-Ispirtu mhuwiex iżjed biss l-“Ispirtu ta’ Alla”, kif jingħad normalment fit-Testment il-Qadim u jkompli jtenni l-lingwaġġ Nisrani (ara Ġen 41:38; Eż 31:3; 1 Kor 2:11,12; Fil 3:3; eċċ.). U lanqas hu biss “Spirtu Qaddis” fis-sens wiesa’ tal-kelma, skont il-mod kif jesprimi ruħu t-Testment il-Qadim (ara Iż 63:10,11; Salm 51;13), u l-istess Ġudaiżmu fil-kitbiet tiegħġu (Qumràn, rabbiniżmu). Fil-fatt, hi ħaġa speċifika tal-fidi Nisranija l-istqarrija tal-qsim magħna ta’ dan l-Ispirtu min-naħa ta’ Kristu Rxoxt, li sar hu nnifsu “Spirtu li jagħti l-ħajja” (1 Kor 15:45). Proprju għalhekk San Pawl jitkellem direttament fuq l-“Ispirtu ta’ Kristu” (Rum 15:45), fuq l-“Ispirtu tal-Iben” (Gal 4:6) u fuq l-“Ispirtu ta’ Ġesù Kristu” (Fil 1:19). Donnu ried jgħid li mhux biss Alla l-Missier jidher fl-Iben (ara Ġw 14:9), imma li l-Ispirtu ta’ Alla wkoll jesprimi ruħu fil-ħajja u fl-għemil ta’ Kristu mislub u rxoxt!

 

Pawlu jgħallimna wkoll ħaġa oħra importanti: hu jgħid li ma jeżisti l-ebda talb veru mingħajr il-preżenza tal-Ispirtu fina. Fil-fatt jikteb: “Hekk ukoll l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem; u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x’inhi x-xewqa tal-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skont ma jrid Alla” (Rum 8:26-27). Qisu jrid jgħid li l-Ispirtu s-Santu, jiġifieri l-Ispirtu tal-Missier u tal-Iben, issa hu bħar-ruħ tar-ruħ tagħna, il-parti l-iktar intima ta’ dak li aħna, mnejn il-ħin kollu titla’ għal quddiem Alla kotra ta’ talb, li bilkemm nafu nibdew infissru l-kliem tiegħu. Fil-fatt, l-Ispirtu dejjem imqajjem fina, jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet tagħna u joffri lill-Missier il-qima tagħna, flimkien max-xewqat l-iżjed qawwija tagħna. Naturalment dan jitlob livell ta’ komunjoni kbira vitali mal-Ispirtu. Hija stedina biex inkunu dejjem iżjed sensibbli, iżjed attenti għal din il-preżenza tal-Ispirtu fina, biex nibdluha f’talb, biex inħossu din il-preżenza u hekk nitgħallmu nitolbu, nitkellmu mal-Missier bħala wlied fl-Ispirtu s-Santu.

 

Hemm ukoll aspett ieħor tipiku tal-Ispirtu li għallimhulna San Pawl: hija r-rabta tiegħu mal-imħabba. Fil-fatt hekk jikteb l-Appostlu: “U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna” (Rum 5:5). Fl-Ittra enċiklika tiegħi Deus caritas est ikkwotajt frażi elokwenti ħafna ta’ Santu Wistin: “Jekk tara l-karità, inti tara t-Trinità” (n. 19), u komplejt infisser: “Għax l-Ispirtu huwa dik il-qawwa interna li tlaqqa’ l-qlub [ta’ dawk li jemmnu] mal-qalb ta’ Kristu u tqanqalhom biex iħobbu lill-aħwa bħalma ħabbhom Kristu” (ibid.). L-Ispirtu jdaħħalna fl-istess ritmu tal-ħajja divina, li hi ħajja ta’ mħabba, u jagħtina sehem personali fir-relazzjonijiet li hemm bejn il-Missir u l-Iben. Mhux ta’ b’xejn li Pawlu, meta jsemmi l-ħafna frott tal-Ispirtu, iqiegħed fl-ewwel post l-imħabba: “Il-frott tal-Ispirtu huma l-imħabba, l-hena, is-sliem, eċċ…” (Gal 5:22). U, billi minnha nfisha l-imħabba hi dik li tgħaqqad, dan ifisser qabelxejn li l-Ispirtu hu ħallieq tal-komunjoni fi ħdan il-komunità Nisranija, kif ngħidu fil-bidu tal-Quddiesa bl-espressjoni Pawlina: “…u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu [jiġifieri dik li jġib hu] tkun magħkom ilkoll” (2 Kor 13:13). Imma mill-banda l-oħra, hu minnu wkoll li l-Ispirtu jqanqalna biex ninsġu relazzjonijiet ta’ mħabba mal-bnedmin kollha. Ladarba, meta aħna nħobbu nkunu nagħmlu wisa’ lill-Ispirtu, inkunu nippermettulu jesprimi ruħu fil-milja. Hekk nifhmu għaliex Pawlu poġġa ħdejn xulxin fl-istess paġna tal-Ittra lir-Rumani ż-żewġ eżortazzjonijiet: “Tħeġġu fl-ispirtu” u: “Troddu lil ħadd deni b’deni” (Rum 12:11,17).

 

Fl-aħħar nett, l-Ispirtu skont San Pawl hu kapparra ġeneruża li tana Alla nnifsu minn qabel kif ukoll rahan tal-wirt futur tagħna (ara 2 Kor 1:22; 5:5; Efes 1:13-14). Għalhekk minn Pawlu nitgħallmu li l-azzjoni tal-Ispirtu torjenta lil ħajjitna lejn il-valuri għoljin tal-imħabba, tal-ferħ, tal-komunjoni u tat-tama. Issa minna jonqos li ta’ kuljum ngħixuhom billi nagħtu widen għat-tqanqil ġewwieni tal-Ispirtu, megħjuna fid-dixxerniment tagħna mill-gwida kollha dawl tal-Appostlu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard