LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

2

L-awtorità pubblika għandha d-dmir li tħares iż-żwieġ bejn raġel u mara

 

Il-Kardinal Jorge Mario Bergoglio, il-lum il-Papa Franġisku, meta kien għadu Arċisqof ta’ Buenos Aires, ikkundanna pubblikament il-proposta ta’ liġi biex tiġi diskussa fis-Senat Arġentin dwar il-leġislazzjoni taż-żwieġ u ta’ l-adozzjonijiet omosesswali.  Kiteb ittri u appelli, sejjaħ mixja kontra ż-żwieġ omosesswali nhar il-Ħadd 11 ta’ Lulju 2010, u ordna li jinqara fil-knejjes kollha, waqt il-Quddies, dan il-messaġġ qawwi:-

Lill-poplu ta’ Alla u lill-irġiel u nisa kollha ta’ rieda tajba,

 

1. Alla jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu għall-għarfien sħiħ tal-verità (ara 1 Tim 2:4).  Għalhekk permezz tal-bniedem hu waqqaf djalogu ta’ salvazzjoni, li laħaq il-milja tiegħu fil-laqgħa ma’ Ġesù Kristu, l-Imgħallem u sieħeb fil-mixja tagħna.  Il-Knisja hi msejħa biex twessa’ dan id-djalogu għall-ġemgħa kollha tal-bnedmin.  Imma d-djalogu, jekk irridu li jħalli l-frott, irid ikun ċar, seren, sempliċi u kredibbli.  Dan kollu jimplika r-rispett dovut lejn min jgħix, iħoss u jaħseb b’mod differenti.  Ilkoll aħna msejħin għall-imħabba ta’ Alla.  Imma biex id-djalogu jkun ċar hi meħtieġa l-ħila għad-dixxerniment li jwassal għall-istqarrija tal-verità, li dwarha r-Rgħajja ma jistgħux jibqgħu siekta.  Dan bl-ebda mod ma jfisser disprezz jew diskriminazzjoni.

 

2. Il-bniedem ġie maħluq fuq ix-xbieha ta’ Alla.  Din ix-xbieha tidher mhux biss f’kull persuna individwali imma anki fil-kumplimentarjetà u fir-reċiproċità tar-raġel u l-mara, fid-dinjità komuni, u fl-għaqda indissolubbli ta’ bejniethom, li sa minn dejjem ġiet imsejħa żwieġ.  Iż-żwieġ hu l-forma ta’ ħajja li fiha titwettaq komunjoni unika ta’ persuni, li tagħti sentiment uman sħiħ lill-eżerċizzju tal-funzjoni sesswali.  Lill-istess natura taż-żwieġ jappartienu l-kwalitajiet diġà msemmija tad-differenza, il-kumplimentarjetà u r-reċiproċità bejn is-sessi, u l-għana kollu ġmiel tal-fertilità tagħhom.  Iż-żwieġ hu don tal-ħolqien.  M’hemmx realtà oħra tixbhu jew daqsu.  M’hux għaqda kwalunkwe bejn persuni, imma għandu karatteristiċi propji u inaljenabbli li jagħmlu miż-żwieġ il-pedament tal-familja u tas-soċjetà.  Hekk għarfuh il-kulturi kbar tad-dinja.  Hekk jagħrfuh it-trattati internazzjonali rikonoxxuti mill-Kostituzzjoni nazzjonali tagħna (art. 75).  Hekk dejjem fehmu l-poplu tagħna.

 

3. L-awtorità pubblika għandha d-dmir li tħares iż-żwieġ bejn raġel u mara permezz tar-rikonoxximent normattiv, biex tiżgura u tiffavorixxi l-funzjoni insostitwibbli tiegħu u l-kontribut tiegħu għall-ġid komuni tas-soċjetà.  Jekk jirrikonoxxi b’mod legali l-għaqda bejn persuni ta’ l-istess sess, jew jiggarantilha għarfien ġuridiku fuq l-istess livell taż-żwieġ u tal-familja, l-Istat ikun qed jaġixxi b’mod illeġittimu u jkun qed jikkontradixxi l-obbligi istituzzjonali tiegħu, għax ikun qed jaqleb il-prinċipji tal-liġi naturali u ta’ l-ordinament pubbliku ta-soċjetà Arġentina.

 

4. L-għaqda bejn persuni ta’ l-istess sess hi nieqsa mill-elementi bijoloġiċi u antropoloġiċi li għandhom iż-żwieġ u l-familja.  Hi nieqsa mid-dimensjoni konjugali u mill-ftuħ għall-ħajja.  Għall-kuntrarju, iż-żwieġ u l-familja mibnija fuqu, jikkostitwixxi l-qalba tal-ġenerazzjonijiet ġodda tal-bnedmin.  Sa mit-tnissil tagħhom l-ulied għandhom id-dritt inaljenabbli li jikbru fil-ġuf ta’ ommhom, li jitwieldu u jitrawmu fl-ambjent naturali taż-żwieġ.  Fil-ħajja tal-familja u fir-relazzjoni mal-missier u l-omm naturali tagħhom, l-ulied jiskopru l-identità tagħhom u jagħrfu liema hi l-awtonomija personali tagħhom.

 

5. L-għarfien ta’ differenza oġġettiva ma jfissirx li qed niddiskriminaw.  In-natura ma tiddiskriminax meta toħloq irġiel u nisa.  Il-kodiċi ċivili tagħna ma jiddiskriminax meta jesiġi r-rekwiżit li tkun raġel jew mara biex tista’ tidħol għaż-żwieġ, imma sempliċement qed jirrikonoxxi realtà naturali.  Is-sitwazzjonijiet ġuridiċi ta’ interess reċiproku bejn il-persuni ta’ l-istess sess jistgħu jiġu mħarsa suffiċjentement permezz tad-dritt komuni.  Għalhekk, tkun diskriminazzjoni inġusta fil-konfront taż-żwieġ u tal-familja jekk wieħed jattribwixxi lill-fatt privat ta’ għaqda bejn persuni ta’ l-istess sess status ta’ dritt pubbliku.

 

6. Nappellaw lill-kuxjenza tal-leġislaturi tagħna biex, huma u jaffrontaw kwistjoni hekk serja, iżommu f’moħħhom dawn il-veritajiet fundamentali, għall-ġid tal-Pajjiż u tal-ġenerazzjonijiet tiegħu tal-ġejjieni.

 

7. Fil-klima Paskwali li qegħdin fiha, u fil-bidu tas-sitt snin tal-biċentinarju ta’ Pajjiżna (2010-2016), neżortaw lill-fidili tagħna biex jitolbu bil-qalb lill-Mulej Alla tagħna ħali jdawwal lill-mexxejja tagħna u speċjalment lil-leġislaturi.  Iżjed minn hekk, nitolbuh li l-fidili ma jibżgħux jipproklamaw il-ħarsien u l-promozzjoni tal-valuri kbar li sawru lin-nazzjon tagħna u li jiffurmaw it-tama tal-Pajjiż.

 

 

Traduzzjoni mill-Ispanjol għat-Taljan ta’ Gianfranco Amato,

miġjuba għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

----------------------------

Traduzzjoni bit-Taljan:- http://www.lanuovabq.it/it/articoli-quando-bergoglio-marciava-contro-le-unioni-gay-6062.htm

 

Ara aktar riżorsi minn jew dwar il-Papa Franġisku.

 

Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                         http://www.laikos.org      

 Link