Laikos

 

Aktar dwar il-Madonna

Tifkira Devozzjonali

tal-Imqaddsa Verġni Marija tad-Duluri

VIA MATRIS

 Introduzzjoni

Eżortazzjoni

F’dan il-jum tant għażiż, inġbarna flimkien biex nagħmlu din il-mixja ma’ Marija – mhux tant b’riġlejna, imma b’moħħna u b’qalbna.

Marija hija oħtna, u bħalna għaddiet minn bosta ġrajjiet ta’ uġigħ u tbatija.

Marija hija ommna, u fit-tbatija tagħna trid tweżinna, tfarraġna, u tkun għalina sinjal tat-tama.

Waqt li llejla nħossu ma’ Marija fit-tbatijiet tagħha, nimtlew bil-fiduċja li hija qed tħoss ukoll magħna, uliedha, fit-tbatijiet tagħna, bl-istess imħabba li ġegħlitha tħoss f’qalbha l-uġigħ ta’ Binha Ġesù.

Bil-għajnuna ta’ xi ħsibijiet tal-Papa Franġisku, ejjew nikxfu l-feriti tagħna, it-tbatija tagħna, quddiem it-Tabib tagħna Ġesù, li twieled, bata u miet għall-imħabba tagħna u hekk ta sens lil kull mument tal-ħajja tagħna fuq din l-art.

Kant tal-bidu

V. Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

R. Ammen.

V. Il-Mulej magħkom.

R. U miegħek ukoll.

Nitolbu.

O Alla, meta Ibnek intrefa’ fuq is-salib,

int ridt li Ommu tieqaf ħdejh u tbati miegħu;

agħti lill-Knisja tiegħek

li tissieħeb mal-Verġni Marija fil-passjoni ta’ Kristu,

biex flimkien magħha tiegħu sehem ukoll fil-qawmien

tal-istess Ibnek Ġesù Kristu Sidna,

li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.

R. Ammen.

I

L-ewwel dulur

Marija tisma’ l-profezija ta’ Xmun fil-preżentazzjoni ta’ Ġesù

V. Inqimuk, o Marija, u nberkuk.

R. Għax bid-duluri tiegħek inti sirt l-omm tagħna.

Mill-Evanġelju skont San Luqa (2:27-35)

[Xmun] 27mar fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, 28huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:

29“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek

imur fis-sliem, skont kelmtek,

30għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek

31li int ħejjejt għall-popli kollha,

32dawl biex idawwal il-ġnus,

u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”

33Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. 34Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, 35– u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”

 

Riflessjoni

Il-Papa Franġisku jgħid: “[Marija] mhix mara li taqta’ qalbha quddiem l-inċertezzi tal-ħajja, speċjalment meta donnu xejn ma jidher sejjer tajjeb. Lanqas mhi mara li tipprotesta bil-qawwa, li teħodha qatta’ bla ħabel kontra d-destin tal-ħajja li spiss jidher ostili. Imma hi mara li tisma’: tinsewx li dejjem hemm rabta kbira bejn it-tama u s-smigħ, u Marija hi mara li tisma’. Marija tilqa’ l-ħajja kif tasal għandna, bil-jiem hienja tagħha, imma anki bit-traġedji tagħha li ma nkunux xtaqniehom. Sa dak il-lejl l-aktar għoli ta’ Marija, meta Binha jiġi msammar mal-għuda tas-salib.” (Katekeżi 10 ta’ Mejju 2017)

Ħafna drabi ninħasdu quddiem ċerta affarijiet li jiġru lilna jew lil dawk ta’ madwarna; ninħasdu u ninfixlu, ma nkunux nafu kif għandna nġibu ruħna. Fil-mument tal-ħasda tagħha, Marija tisma’, tistgħaġeb b’dak li qed tisma’, tibqa’ tgħożż f’qalbha l-kelmiet li jaslulha mingħand Alla, u tobdi. Hija ċerta li Alla jaf x’inhu jagħmel, u qed imexxi kollox skont il-providenza tiegħu bla tarf.

 

Litanija

R. Idħol għalina.

Verġni Marija, li obdejt il-Liġi ta’ Mosè u ppreżentajt lil Ibnek Ġesù fit-tempju.

Verġni Marija, li smajt il-profezija ta’ Xmun u bqajt mistagħġba b’dak li qal dwar Ibnek.

Verġni Marija, li bqajt taħseb dwar dawn il-ġrajjiet u taħseb fuqhom bejnek u bejn ruħek.

Verġni Marija, li qdejt lil Ġesù fit-trobbija li tajtu hu u jikber u jissaħħaħ mimli bl-għerf.

Intenzjoni ta’ talb

Waqt li nimmeditaw il-ġrajja ta’ dan l-ewwel dulur, nippreżentaw lil Marija lil dawk il-persuni li għandhom kif irċevew aħbar ħażina ta’ mewt, ta’ mard jew ta’ tifrik fil-familji. Nitolbuha biex, bl-għajnuna tagħha ta’ Omm u bil-grazzja ta’ Binha Ġesù, dawn il-mumenti jkunu mhux biss ta’ waqa’ imma anki ta’ qawmien; mumenti ta’ smigħ u tama.

Il-ġemgħa titlob posta tar-rużarju (Missierna, 10 Sliem għalik, Glorja)

 

Kant

Wieqfa kienet, imbikkija,

l-Omm ħdejn Binha

fit-tbatija, fuq salib imdendel.

Ta’ din l-Omm il-qalb maqsuma

F’dak l-imrar bl-uġigħ mitmuma,

nifed sejf in-niket.

 

II

It-tieni dulur

Marija flimkien ma’ Ġużeppi u ma’ Binha Ġesù jaħarbu lejn l-Eġittu

V. Inqimuk, o Marija, u nberkuk.

R. Għax bid-duluri tiegħek inti sirt l-omm tagħna.

Mill-Evanġelju skont San Mattew (2:13-15)

13Meta telqu [l-maġi], deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu.” 14Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ’l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu, 15u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal, ‘Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.’

 

Riflessjoni

Il-Papa Franġisku qal: “Il-paċi aħna rridu nagħżluha, ma timponix ruħha fuqna u lanqas se nsibuha b’kumbinazzjoni. Waqt li jitbiegħed mill-għeluq morr ta’ qalbu, il-bniedem għandu bżonn jagħmel paċi ma’ dak li minnu qed jaħrab. Hemm bżonn nirrikonċiljaw ruħna mal-istorja tagħna, bil-fatti li ma nistgħux naċċettaw, bil-partijiet diffiċli ta’ ħajjitna.” (Katekeżi 5 ta’ Settembru 2018)

Marija ma kellhiex ħajja ward u żahar, imma b’daqshekk ma kellhiex ħajja kerha. F’kull mument tal-ħajja tagħha, f’dawk il-ġrajjiet diffiċli li għaddiet minnhom, xorta għażlet il-paċi tal-qalb. Għax kif ikompli jgħid il-Papa Franġisku, “il-paċi vera mhix qiegħda f’li nibdlu l-istorja tagħna, imma f’li nilqgħuha, nagħtuha valur, hekk kif ġrat. [...] Il-ħajja ssir sabiħa meta niftħu qalbna għall-Providenza u niskopru kemm huwa minnu dak li jgħid is-Salm: F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi (62:2).”

Hekk għamlet Marija: Waqt li ħarbet lejn l-Eġittu ma ħarbitx mit-tbatijiet tal-ħajja tagħha, imma sabet il-mistrieħ tagħha f’Alla.

 

Litanija

R. Idħol għalina.

Verġni Marija, li għaddejt mill-uġiegħ tat-theddid u mit-tbatija tal-ħarba lejn l-Eġittu.

Verġni Marija, li fil-mument tal-ħarba lejn l-Eġittu berikt lil Alla li jieħu ħsieb l-imsejknin.

Verġni Marija, li anki jekk ma fhimtx kollox aċċettajt kollox bil-fiduċja f’Alla.

Verġni Marija, li qsamt ma’ Ġużeppi u ma’ Ibnek Ġesù t-toqol tal-ħajja ta’ kuljum.

 

Intenzjoni ta’ talb

Nikkontemplaw it-tieni dulur u inqegħdu fi ħdan Marija lill-migranti kollha, lil dawk li minħabba theddid qed jgħixu f’ansjetà kontinwa, u lil dawk li qed jaħarbu mill-passat tagħhom, lil dawk li ma jistgħux jagħmlu paċi magħhom infushom. Nitolbu biex fil-ħajja tagħhom jixref raġġ ta’ tama u biex, skont il-pjan providenzjali ta’ Alla, isibu l-ħelsien, il-paċi u s-serħan.

Il-ġemgħa titlob posta tar-rużarju (Missierna, 10 Sliem għalik, Glorja)

 

Kant

Kemm tbatija f’qalb muġugħa,

liema dwejjaq li jifnuha

ħasset l-Omm imbierka!

X’weġgħa ġarrbet u x’kefrija

meta ratu fit-tbatija

l-Omm lil Binha, Alla!

 

 

 

 

 

 

 

III

It-tielet dulur

Marija titlef lil Binha Ġesù u tfittxu ma’ Ġużeppi għal tlitt ijiem

V. Inqimuk, o Marija, u nberkuk.

R. Għax bid-duluri tiegħek inti sirt l-omm tagħna.

Mill-Evanġelju skont San Luqa (2:41-50)

41Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. 42Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skont id-drawwa ta’ dik il-festa. 43Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. 44Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, 45ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.

46Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; 47u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. 48Kif rawh, instamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” 49U hu qalilhom: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” 50Iżda kliemu ma fehmuhx.

 

Riflessjoni

Ġużeppi u Marija jfittxu b’qalbhom maqsuma lil Binhom Ġesù, li baqa’ f’dak li hu ta’ Missieru. Marija taf li l-ħajja tagħha mhix l-istess b’Ġesù u mingħajru; ma tistax tmur lura Nażaret mingħajr Ġesù. Għalhekk, għal tlitt ijiem, Marija hija bla kwiet u ma tieqafx qabel ma ssibu.

“Dan it-tħassib qaddis, li jqum fuq kollox fi żmien iż-żgħożija, jibqa’ l-karatteristika ta’ kull qalb li żżomm ruħha żagħżugħa, disponibbli, miftuħa. Il-vera paċi interjuri tgħix ma’ dan in-nuqqas profond ta’ sodisfazzjon. Santu Wistin kien jgħid: Mulej, inti għamiltna għalik, u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx fik.” (Franġisku, Christus Vivit, 138)

 

Litanija

R. Idħol għalina.

Verġni Marija, li ta’ kull sena kont titla’ bil-ferħ Ġerusalemm biex tfaħħar isem il-Mulej.

Verġni Marija, li erġajt lura Ġerusalemm u għal tlitt ijiem fittixt b’qalbek maqsuma lil Ibnek Ġesù.

Verġni Marija, li lqajt bl-umiltà t-tweġiba misterjuża ta’ Ibnek.

Verġni Marija, li għożżejt lil Ġesù mhux biss f’darek imma wkoll f’qalbek.

 

 

Intenzjoni ta’ talb

Waqt li nimmeditaw lil Marija tfittex b’qalbha maqsuma lil Binha Ġesù, niftakru f’dawk kollha li qed jaraw li ħajjithom hi bla sens, niftakru fiż-żgħażagħ li ma jafux xi triq se jaqbdu f’ħajjithom, u wkoll f’dawk kollha li qed jiddubitaw mill-vokazzjoni tagħhom. Nitolbuha biex bħala omm tagħhom turihom, wara dan iż-żmien ta’ fixla, lil Ġesù, frott imbierek tal-ġuf tagħha.

Il-ġemgħa titlob posta tar-rużarju (Missierna, 10 Sliem għalik, Glorja)

 

Kant

Omm u għajn ta’ mħabba għalija,

ġagħalni nħoss dik it-tbatija,

biex jien nibki miegħek.

Kebbes f’qalbi nar ta’ mħabba,

la tħalliha qatt tittabba’

imħabbti għal Kristu.

 

IV

Ir-raba’ dulur

Marija tiltaqa’ ma’ Binha Ġesù jġorr is-salib fi triqtu lejn il-Golgota

V. Inqimuk, o Marija, u nberkuk.

R. Għax bid-duluri tiegħek inti sirt l-omm tagħna.

Mill-Evanġelju skont San Luqa (23:26-31)

26Huma u sejrin [b’Ġesù biex isallbuh], qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba’, u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù. 27Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. 28Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: “Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. 29Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, ‘Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda’! 30Imbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, ‘Aqgħu fuqna!’, u lill-għoljiet, ‘Ordmuna!’ 31Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?”

 

Riflessjoni

Fl-aħħar Enċiklika tiegħu, il-Papa Franġisku jimmedita fit-tul fuq il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb. Hu jgħid: “Din il-parabbola hija xbieha li ddawwal, u li għandha l-ħila turi ċar l-għażla ewlenija li jeħtieġ nieħdu biex nibnu mill-ġdid din id-dinja msejkna. Quddiem tant uġigħ, tant ġrieħi, l-unika soluzzjoni hija li nkunu bħas-Samaritan it-tajjeb. Kull għażla oħra tieħu jew biex inkunu bħall-ħallelin [tal-parabbola] jew bħal dawk li jgħaddu minn maġenb ir-raġel ferut mal-ġenb tat-triq bla ma tiġihom ħasra mill-uġigħ tiegħu.” (Franġisku, Fratelli Tutti, 67)

Marija tgħaddi minn maġenb Binha ferut, u tħoss għalih; mhux biss għax dak kien Binha. Hija għamlet dan mal-għarajjes fit-tieġ ta’ Kana: meta rat li l-festa kienet se tisfaxxa, la kompliet tgħawwar fil-ferita u lanqas għamlet tabirruħha li ma rat xejn. Marija hija fost dawk “l-irġiel u n-nisa – li jsemmi l-Papa – li jagħmlu tagħhom id-dgħufija tal-oħrajn, li ma jħallux li tinbena soċjetà li teskludi, imma li jsiru proxxmu u jerġgħu jqajmu u jerġgħu jagħtu ħila lill-bniedem li waqa’.”

 

Litanija

R. Idħol għalina.

Verġni Marija, li rajt il-falliment tal-għarajjes ta’ Kana u dħalt għalihom quddiem Ibnek Ġesù.

Verġni Marija, li bqajt mal-Appostli għatxana għall-kuraġġ tal-Ispirtu s-Santu.

Verġni Marija, li tul l-istorja qatt ma nstema’ li xi ħadd talbek l-għajnuna u int ma għentux.

Verġni Marija, li bkejt mhux lilek innifsek, imma lilna wliedek midinbin.

 

Intenzjoni ta’ talb

Waqt li nimmeditaw il-mixja ta’ Marija maġenb Binha mgħobbi bis-salib, nippreżentaw lil Marija lil dawk il-ġenituri li qed jassistu lil uliedhom morda, bi bżonnijiet speċjali, bi problemi ta’ saħħa mentali, jew li waqgħu f’xi vizzju li qed jeqridhom. Nitolbuha taqlgħalhom mingħand Alla l-qawwa meħtieġa biex iġorru ma’ wliedhom dan is-salib.

Il-ġemgħa titlob posta tar-rużarju (Missierna, 10 Sliem għalik, Glorja)

 

Kant

Qalb kull bniedem tħoss għaliha

lil Omm Kristu, u kemm tibkiha

x’ħin tarah f’dil-ħasra!

Min ma jħossx id-dwejjaq tagħha

x’ħin ta’ Kristu l-Omm jilmaħha

f’niket kbir ma’ Binha?

 

 

 

 

 

 

V

Il-ħames dulur

Marija wieqfa ħdejn is-salib tara lil Binha Ġesù jiġi msallab u jmut

V. Inqimuk, o Marija, u nberkuk.

R. Għax bid-duluri tiegħek inti sirt l-omm tagħna.

Mill-Evanġelju skont San Ġwann (19:25-30)

25Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. 26Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.” 27Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

28Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal: “Għandi l-għatx!” 29Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża bil-ħall, waħħluha ma’ qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. 30Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: “Kollox hu mitmum!” Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu.

 

Riflessjoni

It-tbatija u l-uġigħ huma diġà piż tqil biex iġġorru; imma jsiru saħansitra itqal meta tħoss li ma tista’ tagħmel xejn biex ittaffih. Quddiem il-problemi u d-diffikultajiet, aħna nippruvaw insibu s-soluzzjonijiet, u meta ma nsibuhomx, inħossuna żarmati, bħal naqgħu bla saħħa mal-art.

Marija mhux hekk. “Il-vanġeli huma ta’ ftit kliem, – jgħid il-Papa – u diskreti ħafna. B’sempliċi verb ifissru l-preżenza tal-Omm: “kien hemm wieqfa” (Ġw 19:25), hi kienet hemm. [...] Marija “kienet” hemm, sempliċement kienet hemm. [...] Marija “kienet” tinsab fl-eħxen dalma, imma hemm “kienet”. Ma telqitx. Marija tinsab hemm, fedelment preżenti, kull darba li hemm bżonn iżżomm xemgħa mixgħula f’post iċ-ċpar u s-sħab.” (Katekeżi 10 ta’ Mejju 2017)

Anki jekk m’hemmx soluzzjoni għal kull problema u tbatija, dejjem hemm salvazzjoni; għax l-istorja tal-poplu ta’ Alla hija mmexxija minn Alla, hija storja ta’ salvazzjoni.

 

Litanija

R. Idħol għalina.

Verġni Marija, li bqajt wieqfa taħt is-salib ta’ Ibnek Ġesù.

Verġni Marija, li żammejt tixgħel il-fjamma tat-tama fis-siegħa tad-dlam tal-Golgota.

Verġni Marija, li bqajt temmen li għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir.

Verġni Marija, li bħal Ibnek Ġesù ntlaqt kollok kemm int f’dirgħajn il-Missier.

 

Intenzjoni ta’ talb

Waqt li nimmeditaw dan id-dulur, inpoġġu fil-qalb ta’ Marija, l-għoqiedi kollha li aħna ma nafux kif se nħolluhom: il-firdiet bejn il-miżżewġin u bejn l-aħwa, is-sens ta’ ħtija minħabba żbalji tal-passat, in-nuqqas ta’ ħila biex nafdaw fl-oħrajn, id-delużjonijiet fil-ħajja u fl-imħabba. Nitolbu lil Marija, omm it-tama, biex tqiegħed f’qalbna ċ-ċertezza li l-mewt u d-dlam m’għandhomx l-aħħar kelma.

Il-ġemgħa titlob posta tar-rużarju (Missierna, 10 Sliem għalik, Glorja)

 

Kant

Għad-dnubiet tal-poplu l-ħati,

lil Ġesù hi ratu jbati

taħt is-swat bla ħniena.

Rat lil Binha u baqgħet miegħu

F’dak l-imrar tal-mewta tiegħu

waqt li ħarġet ruħu.

 

VI

Is-sitt dulur

Marija taħt is-salib tirċievi l-ġisem mejjet ta’ Binha Ġesù

V. Inqimuk, o Marija, u nberkuk.

R. Għax bid-duluri tiegħek inti sirt l-omm tagħna.

Mill-Evanġelju skont San Mattew (27:50.55-59)

50Ġesù reġa’ għajjat għajta kbira u radd ruħu.

55Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill-bogħod, dawk stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh sa minn meta kien għadu fil-Galilija: 56fosthom kien hemm Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu u Ġużeppi u omm ulied Żebedew.

57Xħin sar filgħaxija, ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li hu wkoll kien sar dixxiplu ta’ Ġesù; 58mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù. Imbagħad Pilatu ordna li jingħatalu. 59Ġużeppi ħa l-ġisem u keffnu f’liżar nadif.

 

Riflessjoni

Marija għaddiet mid-dulur tal-luttu. Dwar dan tkellem il-Papa; qal: “Il-mewt hi esperjenza li tolqot il-familji kollha, bla ebda eċċezzjoni.  Tagħmel parti mill-ħajja; madankollu, meta tmiss ir-relazzjonijiet fil-familja, il-mewt qatt ma jirnexxielna narawha bħala ħaġa naturali.  Għall-ġenituri, li uliedhom imutu qabilhom hi ħaġa ta’ tbatija kbira, li tmur kontra n-natura bażika tar-relazzjonijiet li jagħtu sens lill-istess familja.  It-telfa ta’ iben jew ta’ bint hi bħallikieku ż-żmien waqaf.

“[... Madanakollu] l-imħabba hi aqwa mill-mewt.  Għalhekk it-triq li rridu nimxu hi dik li nkabbru l-imħabba, insaħħuha, u l-imħabba tħarisna hi sa dak il-jum li fih kull demgħa tiġi xxuttata, meta ‘ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed’ (Apok 21:4).”

U l-Papa jikkonkludi: “Jekk nitwieżnu b’din il-fidi, l-esperjenza ta’ luttu tista’ toħloq solidarjetà akbar tar-rabtiet familjari, ftuħ ġdid għat-tbatija tal-familji l-oħra, fraternità ġdida mal-familji li jitwieldu mill-ġdid fit-tama.” (Katekeżi 17 ta’ Ġunju 2015) Hekk għexet it-tbatija tagħha Marija: waqt li ħaddnet magħha lil Binha mejjet, bl-istess tenerezza ta’ omm, ħaddnet lid-dixxiplu l-maħbub u ħabbitu bħala binha tassew.

 

Litanija

R. Idħol għalina.

Verġni Marija, Omm l-Iben ta’ Alla li sar bniedem fil-ġuf tiegħek u tmantna mis-sider tiegħek.

Verġni Marija, Omm id-dixxiplu l-maħbub u l-aħwa kollha ta’ Ibnek Ġesù.

Verġni Marija, Omm l-ommijiet kollha u l-imbierka fost in-nisa.

Verġni Marija, Omm il-Knisja u ħarriesa tal-imħabba bejn l-aħwa.

 

Intenzjoni ta’ talb

Waqt li nimmeditaw lil Marija li tilqa’ fi ħdanha lil Binha mejjet, ejjew inpoġġulha fi ħdanha wkoll lil dawk il-ġenituri li tilfu lil xi ħadd minn uliedhom, lill-ġenituri li għaddew mill-esperjenza ta’ korriment fil-ġuf, lil dawk il-persuni li ma jistax ikollhom tfal, u lil dawk il-ġenituri li għamlu abort. Nitolbuha tfejjaq il-feriti tagħhom bid-duwa tal-ħniena u tal-maħfra tal-Mulej.

Il-ġemgħa titlob posta tar-rużarju (Missierna, 10 Sliem għalik, Glorja)

 

Kant

Omm qaddisa, isma’ talbi:

dawk il-pjagi qegħedli f’qalbi

t’Ibnek Ġesù msallab.

Aqsam miegħi dit-tbatija

għal Ġesù, li mħabba fija

xerred demmu kollu.

 

 

 

 

VII

Is-seba’ dulur

Marija tassisti għad-difna ta’ Binha Ġesù

V. Inqimuk, o Marija, u nberkuk.

R. Għax bid-duluri tiegħek inti sirt l-omm tagħna.

Mill-Evanġelju skont San Ġwann (19:40-42)

40[Ġużeppi minn Arimatija u Nikodemu] ħadu l-ġisem ta’ Ġesù u kebbewh bil-faxex tal-għażel bil-fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l-Lhud qabel id-difna.

41Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u f’dan il-ġnien kien hemm qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd. 42Hemm qiegħdu lil Ġesù, għax kien Jum it-Tħejjija għal-Lhud, u għax il-qabar kien fil-qrib.

 

Riflessjoni

Ġesù, l-Iben ta’ Marija, kien maqtul għax hekk kien jaqbel: kien jaqbel li bniedem wieħed imut milli tqum xi rewwixta u jmut poplu sħiħ – hekk kien ħabbar Kajfa. L-għan kien tajjeb, imma l-mezz kien kiefer. “Kemm drabi fl-istorja l-bnedmin jaħsbu biex jagħmlu gwerra, huma konvinti li sa jġibu dinja ġdida, huma konvinti li ħa jġibu “rebbiegħa”. U tispiċċa tiġi xitwa, kerha, kiefra, bis-saltna tal-biża’ u tal-mewt.” (Franġisku, Omelija, 2 ta’ Novembru 2017)

Kemm drabi aħna stess ħsibna li bl-egoiżmu tagħna se nibnu dinja aħjar, bir-rebgħa u r-rabja tagħna se niżguraw ir-rispett tal-oħrajn, biż-żina u bl-għażż tagħna se nsibu l-mistrieħ u nġibu l-għaqda. Kemm bluha; u kemm tbatija ġibna fil-ħajja tagħna u tal-oħrajn.

Imma tassew, kif qal Kajfa, il-mewt ta’ Ġesù sfat ta’ ġid: mill-ġrieħi tiegħu, fiqna aħna; hu li kien ġust miet għalina l-midinbin, biex il-maħfra tiegħu ddewwi l-ġrieħi kollha. U b’dan sabet il-faraġ anki Marija: it-tbatija tagħha kienet parti minn dan il-pjan ta’ salvazzjoni u maħfra.

 

Litanija

R. Idħol għalina.

Verġni Marija, li keffint lil Ibnek u titlob għalina biex ninħallu minn dnubietna.

Verġni Marija, li meddejt lil Ibnek fil-qabar u titlob għalina biex inqumu wara kull waqgħa.

Verġni Marija, li ħallejt lil Ibnek wara l-blata u titlob għalina biex nirċievu qalb tal-laħam.

Verġni Marija, li stennejt il-qawmien ta’ Ibnek u titlob għalina biex nemmnu fil-ħniena tiegħu.

 

 

 

Intenzjoni ta’ talb

Waqt li nimmeditaw dan l-aħħar dulur, nippreżentaw lil Marija lilna kollha, midinbin, u lil dawk li batew u qed ibatu minħabba d-dnubiet tagħna. Nitolbuha tidħol għalina quddiem Binha Ġesù, issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna.

Il-ġemgħa titlob posta tar-rużarju (Missierna, 10 Sliem għalik, Glorja)

 

Kant

Ħdejn Ġesù nibki dnubieti,

fis-salib nara ħtijieti

sakemm ngħix dil-ħajja.

Kemm nixtieqni nibqa’ miegħek

mas-salib, u fid-dmugħ tiegħek

nissieħeb minn qalbi.

 

Għeluq

Skont il-fehma tal-Papa (Missierna, Sliem għalik, Glorja)

Kant

Salve, Regína, mater misericórdiæ;

vita, dulcédo et spes nostra, salve.

Ad te clamámus, éxsules fílii Evæ.

Ad te suspirámus, geméntes et flentes

in hac lacrimárum valle.

Eia ergo, advocáta nostra,

illos tuos misericórdes óculos

ad nos convérte.

Et Iesum, benedíctum fructum ventris tui,

nobis post hoc exsílium osténde.

O clemens, o pia, o dulcis Virgo María.

Litanija ta’ Marija Addolorata

Mulej, ħniena.                         R. Mulej, ħniena.

Kristu, ħniena.                         R. Kristu, ħniena.

Mulej, ħniena.                         R. Mulej, ħniena.

Kristu, ismagħna                     R. Kristu, ismagħna.

Kristu, ilqa’ t-talb tagħna         R. Kristu, ilqa’ t-talb tagħna.

Missier etern Alla.                   R. Ħenn għalina.

Iben Alla li fdejt id-dinja.

Spirtu Qaddis Alla.

Trinita’ Qaddisa Alla wieħed.

Imqaddsa Marija Omm Alla.   R. Itlob għalina.

Imqaddsa Verġni tal-verġni.

Omm tal-Imsallab.

Omm imnikkta.

Omm imbikkija.

Omm titniegħed.

Omm imweġġa’.

Omm abbandunata.

Omm deżolata.

Omm l-iktar qalbek sewda.

Omm imġarrba bid-dwejjaq.

Omm mifnija bin-niket.

Omm minfuda bis-sejf.

Omm imsallba fil-qalb tiegħek.

Omm li ġarrabt il-mewt ta’ Ibnek.

Omm tad-duluri.

Ħamiema titniegħed.

Għajn tad-dmugħ.

Baħar ta’ mrar.

Kamp tat-tribulazzjoni.

Kotra ta’ tbatija.

Mera tas-sabar.

Blata ta’ fedeltà.

Rimedju fit-taħwid.

Ferħ tal-imnikktin.

Arka tal-mitluqin.

Kenn tal-abbandunati.

Tarka tal-maħqurin.

Rebbieħa ta’ dawk li ma jemmnux.

Faraġ ta’ dawk b’qalbhom sewda.

Duwa tal-morda.

Għajnuna tal-beżżiegħa.

Saħħa tad-dgħajfin.

Protettriċi ta’ dawk li jitqabdu.

Port ta’ dawk li jġarrbu l-għarqa.

Li ssikket it-tempesti.

Sieħba tal-imnikktin.

Irtirar għal dawk li jokorbu.

Biża’ tal-qarrieqa.

Mudell għall-martri.

Teżor tal-fidili.

Dawl għall-konfessuri.

Ġawhra tal-verġni.

Faraġ tar-romol.

Ferħ tal-qaddisin kollha.

Sultana tal-qaddejja tiegħek.

Qaddisa Marija, li ħadd ma jista’ jkun bħalek.

 

V. Itlob għalina Verġni l-aktar mnikkta.

R. Biex ikun jistħoqqilna dak li wegħdna Kristu.

Nitolbu

O Alla, li fil-passjoni tiegħek, skont il-profezija ta’ Xmun,

sejf ta’ niket nifed il-Qalb l-iktar ħelwa

tal-glorjuża l-imqaddsa Verġni Marija Omm tiegħek;

agħtina, lilna li qed niċċelebraw t-tifkira tas-seba’ Duluri tagħha,

li niksbu l-frott hieni tal-passjoni tiegħek.

Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.

R. Ammen.

Kant tal-għeluq