Aktar dokumenti tal-Konċilju
Ekumeniku Vatikan II u ta'
Konċilji oħra ...
DIGRIET
TAL-KONĊILJU VATIKAN II
DWAR
IT-TIĠDID U L-ADDATTAMENT TAL-ĦAJJA
RELIĠJUŻA
"PERFECTAE CARITATIS"
28
ta' Ottubru 1965
WERREJ
1 Daħla
2 Prinċipji ġenerali tat-tiġdid
u tal-addattament'
3 Kriterji prattiċi
għat-tiġdid
4 Min għandu jqiegħed
fil-prattika dan it-tiġdid
5 Elementi komuni għal
kull għamla ta' ħajja reliġjuża
6
Kobor tal-ħajja reliġjuża
7 L-istituti
kontemplattivi
8 L-istituti ta' ħajja
appostolika
9 Il-fedeltà għall-ħajja
monastika u konventwali.
10 Il-ħajja reliġjuża
lajkali
11 L-istituti sekulari
12 Il-Kastità
13 Il-faqar
14 L-ubbidjenza
15 Il-ħajja komuni
16
Il-Klawsura tas-sorijiet
17
Il-libsa reliġjuża
18
Il-formazzjoni
19
Twaqqif ta' Istituti ġodda
20
Il-ħidmiet tal-Istituti
21
Istituti u monasteri li qed
jispiċċaw
22
L-unjoni bejn ll-istituti
reliġjużi
23
Il-Konferenzi tas-Superjuri
Maġġuri
24
Il-vokazzjonijiet reliġjużi
25
Egħluq
DIGRIET DWAR IT-TIĠDID U L-ADDATTAMENT
TAL-ĦAJJA RELIĠJUŻA
"PERFECTAE CARITATIS"
Daħla
1
Fil-Kostituzzjoni li tibda'
bil-kliem "Id-Dawl tal-ġnus",
il-Konċilju Mqaddes diġa' wera
li l-ħajja li tfittex tilħaq
il-karità perfetta permezz
tal-kunsilli evanġeliċi għandha
l-oriġni tagħha fit-tagħlim u l-eżempji
ta' l-Imgħallem divin, u hi
ħajja li tidher quddiemna bħala
sinjal mill-isbaħ tas-Saltna
tas-sema. Issa l-Konċilju fi
ħsiebu jitħaddet dwar il-ħajja u
d-dixxiplina ta' l-Isitituti li
fihom il-membri jagħmlu l-voti
tal-kastita', faqar u ubbidjenza,
u jaħsbilhom għall-ħtiġiet
tagħhom skond ma jitolbu
żminijietna.
Sa mill-bidunett tagħha,
fil-Knisja kien hawn irġiel u
nisa li, bit-taħriġ tagħhom
fil-kunsilli evanġeliċii,
fittxew li jimxu f'libertà akbar
wara Kristu u jsiru jixbħuh
aktar mill-qrib; kull wieħed u
waħda minnhom, skond il-mod
proprju tagħhom, għaddew ħajja
mogħtija lil Alla u ħafna
minnhom, bid-dawl li tahom l-Ispirtu
s-Santu, għexu ħajja solitarja
jew waqqfu familji reliġjużi li
mbagħad il-Knisja bl-awtorità
tagħha, laqgħethom bil-qalb u
approvathom. B'hekk ġara li,
skond il-pjan ta' Alla, kibret
varjetà tal-għaġeb ta'
komunitajiet reliġjużi li għenet
ħafna biex il-Knisja mhux biss
ikollha l-mezzi għal kull ħidma
tajba (cf. 2Tim 3,17) u tkun
imrawma għax-xogħol
tal-ministeru għall-bini
tal-Ġisem ta' Kristu (cf. Ef
4,12) iżda wkoll tkun tidher
mogħnija bil-ħafna xorta ta'
doni f'uliedha, bħal għarusa
mżejna għall-għarus tagħha (cf.
Apk 21,2), u permezz tagħha
jkun imgħarraf l-għerf ta' Alla,
għerf ta' kull xorta ta' mezzi
(cf. Ef 3,10).
F'din id-diversità kollha ta'
doni, dawk kollha li Alla
jsejħilhom għall-ħajja
tal-kunsilli evanġeliċi u li
jipprofessawhom fedelment,
jikkonsagraw irwieħhom
lill-Mulej b'mod speċjali billi
jimxu wara Kristu, li kien
verġni u fqir (cf. Mt 8,20; Lq
9,58) u li bl-ubbidjenza tiegħu
sal-mewt tas-salib (cf. Fil 2.8)
feda u qaddes lill-bnedmin. U
hekk, imqanqlin mill-karità li
l-Ispirtu s-Santu jsawwab fi
qlubhom (cf. Rum 5,5) huma
jgħixu dejjem iżjed għal Kristu
u għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja
(cf. Kol 1,24). Mela aktar ma
jingħaqdu bil-ħeġġa ma' Kristu
b'din il-għotja tagħhom infushom
li tiġbor fiha l-ħajja kollha
tagħhom, aktar il-ħajja
tal-Knisja ssir għammiela u l-appostolat
tagħha jikber u jagħti l-frott.
Biex il-valur kbir tal-ħajja
ikkonsagrata 'l Alla
bil-professjoni tal-kunsilli, u
l-missjoni importanti tagħha,
ikunu ta' ġid akbar għall-Knisja
fiċ-ċirkustanzi tal-lum, dan is-Sinodu
Mqaddes qiegħed jistabbilixxi
dan li ġej li jmiss biss
il-prinċipji ġenerali tat-tiġdid
u tal-addattament li għandu jsir
fil-ħajja u fid-dixxiplina
tal-ordnijiet reliġjużi u,
dejjem skond il-karattru proprju
tagħhom, tas-soċjetajiet li
jgħixu ħajja komuni mingħajr
rabta ta' voti, u tal-Istituti
sekulari. Mbagħad wara l-Konċilju
l-awtorità kompetenti
tiddetermina normi partikolari
biex dawn l-istess prinċipji
ġenerali jitfissru u jkunu
applikati kif imiss.
Prinċipji ġenerali tat-tiġdid u
tal-addattament'
2.
It-tiġdid u l-addattament
tal-ħajja reliġjuża jimplika
f'ħin wieħed kemm illi jkun hemm
ritorn kostanti lejn l-egħjun
tal-ħajja nisranija kolha u
għall-ispirtu li kien nebbaħ
il-ħajja ta' l-istituti fil-bidu
tagħhom, kemm ukoll li jsirilhom
aġġornament skond
il-kondizzjonijiet mibdula
tal-lum. Dan it-tiġdid, li
għandu jsir taħt it-tqanqil
tal-Ispirtu s-Santu u tmexxija
tal-Knisja, irid jinħadem skond
dawn il-prinċipji:
a) Billi n-norma fundamentali
tal-ħajja reliġjuża hi li wieħed
jimxi wara Kristu fit-triq
imfassla fl-Evanġelju, l-istituti
kollha għandhom iżommuha bħala
l-ogħla regola tagħhom.
b) Jiswa għall-ġid tal-istess
Knisja li l-istituti jkollhom
karattru u ħidma proprji tagħhom.
Għalhekk għandhom ikunu magħrufa
u mħarsa sewwa u bil-fedeltà
kollha l-ispirtu u l-iskopijiet
proprji ta' kull Fundatur u
wkoll it-tradizzjonijiet tajba
li flimkien isawru l-wirt ta'
kull istitut.
ċ) L-istituti kollha għandhom
jieħdu sehem fil-ħajja
tal-Knisja, iqisu bħallikieku
tagħhom l-inizjativi u l-pjanijiet
tagħha fil-qasam bibliku,
liturġiku, dommatiku, pastorali,
ekumeniku, missjunarju u
soċjali,u ħabirku għalihom kemm
jistgħu skond il-karattru
proprju tagħhom.
d) L-istituti għandhom ifittxu
li l-membri tagħhom ikollhom
tagħrif sewwa dwar
il-kondizzjonijiet tal-bnedmin u
taż-żminijiet, u tal-ħtiġiet
tal-Knisja, hekk li fid-dawl
tal-fidi jkunu jafu jagħrblu
bl-għerf iċ-ċirkustanzi fid-dinja
tal-lum u, mħeġġa bi ħrara
appostolika, iseħħilhom jagħtu
għajnuna aktar effikaċi
lill-bnedmin.
e) Billi l-ħajja reliġjuża
qiegħda fuq kollox biex
il-membri jimxu wara Kristu u
jingħaqdu ma' Alla permezz
tal-professjoni tal-kunsilli
evanġeliċi, wieħed għandu jżomm
sewwa quddiem għajnejh li kull
aġġornament skond il-ħtiġiet
tal-lum, imqar jekk ikun mill-aħjar,
jibqa bla frott jekk ma jkunx
animat minn tiġdid spiritwali.
Fit-tħabrik għall-opri esterni
dan it-tiġdid spiritwali għandu
jingħata wkoll l-ewwel post.
Kriterji prattiċi għat-tiġdid
3.
Il-mod kif igħixu, jitolbu u
jaħdmu l-membri ta' istitut
reliġjuż għandu jwieġeb
kullimkien għall-kondizzjonijiet
fiżiċi u psikiċi tagħhom illum
u, safejn jippermeti l-karattru
ta' kull istitut, għall-ħtiġiet
tal-appostolat, tal-esiġenzi
tal-kultura u taċ-ċirkustanzi
soċjali u ekonomiċi ta' kull
pajjiż fejn ikunu iżda b'mod
speċjali fl-artijiet
tal-missjoni.
Il-mod kif ikunu mmexxija l-istituti
reliġjużi għandu jkun eżaminat
bl-istess kriterji.
Għalhekk għandha ssir reviżjoni
xierqa tal-kostituzzjonijiet,
tad-"direttorji", tal-kotba
tal-użanzi, tat-talb u
taċ-ċerimonji u ta' kodiċijiet
oħra bħalhom; jitneħħew minnhom
il-preskrizzjonijiet kollha li
l-lum m'għadhomx jgħoddu, u
jitbiddlu skont kif igħidu
d-dokumenti ta' dan il-Konċilju
Mqaddes.
Min għandu jqiegħed fil-prattika
dan it-tiġdid
4
Ebda tiġdid li jħalli frott u
ebda aġġornament veru ma jista'
jintlaħaq jekk il-membri kollha
tal-istitut ma jaħdmux id f'id
għal dan l-iskop.
Madankollu imiss biss
lill-awtoritajiet kompetenti, u
l-aktar lill-Kapitli ġenerali,
jiddeterminaw kif għandu jsir
dan l-aġġornament u jfasslu
liġijiet għalih, u wkoll li
jiddeċiedu t-tul taż-żmien li
jkun biżżejjed biex isir
esperiment bil-għaqal. Mbagħad,
jekk xi tibdil ikun jenħtieġ l-approvazzjoni
tas-Santa Sede jew tal-ordinarju
tal-post, din għandha tintalab
skond il-liġi. Iżda fil-ħwejjeġ
li jinteressaw l-istitut kollu,
is-superjuri għandhom
jikkonsultaw il-membri u
jisimgħuhom kif jixraq.
Għat-tiġdid u l-addattament
tal-monasteri tal-klawsura tar-reliġjużi
nisa jistgħu jintalbu wkoll
il-voti u l-konsultazzjoniet
tal-laqgħat tal-federazzjonijiet
tagħhom jew ta' laqgħat oħra
msejħin skond il-liġi.
Iżda kulħadd għandu jżomm
quddiem għajnejh li fil-ħidma
għat-tiġdid wieħed għandu
jserraħ it-tama tiegħu aktar fuq
il-ħarsien iżjed fidil tar-regola
u l-kostituzzjonijiet milli fuq
iż-żjieda tal-liġijiet.
Elementi komuni għal kull għamla
ta' ħajja reliġjuża
5
Qabel xejn il-membri ta' kull
istitut għandhom jiftakru li
huma, bil-professjoni
tal-kunsilli evanġeliċi, wieġbu
għas-sejħa ta' Alla hekk illi
mhux biss ikunu mejtin għad-dnub
(cf. Rum 6,11) iżda wkoll jiċħdu
d-dinja u hekk jgħixu biss għal
Alla. Huma taw ħajjithom kollha
biex jaqdu lilu, u din il-għotja
hija konsagrazzjoni speċjali li
għandha għeruqha 'l gewwa
fil-konsagrazzjoni li ħadu
bil-magħmudija, li tagħha hija
tifsira aktar sħiħa.
U għandhom ikunu jafu li,
ladarba din l-għotja tagħhom
infushom ġiet aċċettata mill-Knisja,
huma ngħataw ukoll għas-servizz
tagħha.
Dan is-servizz tagħhom, lil Alla
għandu jqanqalhom u jħeġġiġhom
biex jitħarrġu fil-virtujiet, l-aktar
fl-umilta', fl-ubbidjenza,
fil-qawwa u fil-kastità,
virtujiet li bhom ikollhom sehem
fl-att li bih Kristu xejjen lilu
nnifsu (cf. Fil 7-8) u jaqsmu
miegħu l-ħajja fl-Ispirtu (cf.
Rum 8,1-13).
Mela r-reliġjużi, fidili
għall-professjoni tagħhom, waqt
li jiċċaħdu minn kollox
minħabba fi Kristu (cf. Mk
10,28), għandhom jimxu warajh
(cf. Mt 19,21) bħala dak li
waħdu biss hu meħtieg (cf. Lq
10,42), u joqogħdu jisimgħu
kliemu (cf, Lq 10,39), ħsiebhom
f'dak li hu tiegħu (cf.1
Kor.7,32)
Għalhekk jeħtieġ li l-membri ta'
kull istitut, waqt li jfittxu
fuq kollox 'l Alla u lilu biss,
għandhom jgħaqqdu l-kontemplazzjoni
tagħhom, li biha jsiru ħaġa
waħda ma' Alla fir-ruħ u l-qalb,
mal-ħeġġa tagħhom
għall-appostolat li bih
jissieħbu miegħu fl-opra
tal-fidwa u fit-tixrid ta'
Saltnatu.
Kobor tal-ħajja reliġjuża
6
Dawk li jipprofessaw il-kunsilli
evanġeliċi għandhom qabel kollox
ifittxu u jħobbu lil Alla li
ħabb hu l-ewwel lilna (cf.1Ġw
4,10), u fiċ-ċirkustanzi kollha
taghħom iħabirku biex igħixu
ħajja moħbija flimkien ma' Krisu
f'Alla (cf.Kol,3,3), ħajja li
minnha titnissel u titkebbes l-imħabba
tal-proxxmu għas-salvazzjoni
tad-dinja u għall-bini
tal-Knisja. Minn din l-imħabba
tieħu l-ħajja u titmexxa l-istess
prattika tal-kunsilli evanġeliċi.
Għalhekk il-membri tal-istituti
għandhom jitħarrġu bil-ħerqa fl-ispirtu
tat-talb u fit-talb innifsu
billi jixorbu ta' spiss
milll-għejun ġenwini ta' l-ispirtwalità
nisranija. U l-ewwelnett għandu
jkollhom kuljum f' idejhom l-Iskrittura
Mqaddsa biex mill-qari u l-meditazzjoni
ta' din il-kelma miktuba ta'
Alla jitgħallmu jagħrfu lil Ġesu
Kristu, "għarfien li jisboq kull
għerf" (cf.Fil.3, 8). Għandhom
ukoll jiċċelebraw bil-qalb u
bil-fomm il-Liturġija mqaddsa, u
l-aktar il-misteru mqaddes ta'
l-Ewkaristija, kif trid
il-Knisja, u minn din il-għajn
jgħajxu l-ħajja spiritwali
tagħhom.
B' hekk, mitmugħin mill-mejda
tal-liġi ta' Alla u tal-altar
imqaddes, għandhom irabbu mħabba
ta' aħwa għall-membri ta' Kristu,
iweġġħu u jħobbu lir-rgħajja
tagħhom bi spirtu ta' wlied,
igħixu dejjem iżjed mal-Knisja,
jaħsbu u jħossu magħha, u
jingħataw kollhom kemm huma
għall-missjoni tagħha.
L-istituti kontemplattivi
7
Għad li l-ħtieġa ta' l-appostolat
attiv qiegħda ssir urġenti,
madankollu, fil-ġisem mistiku ta'
Kristu, li fih "mhux il-membri
kollha għandhom l-istess xogħol"
(Rum. 12,4), dejjem jibqgħalhom
post ta ġieh l-istituti ta'
ħajja mogħtija kollha kemm hi
għall-kontemplazzjoni. Il-membri
tagħhom ikollhom fi ħsiebhom lil
Alla waħdu ifittxuh
fis-solitudni u fis-skiet,
jitolbuh bla ma jieqfu u f'
penitenza bil-qalb. Huma joffru
lil Alla sagrifiċċju mill-aqwa
ta' tifħir, idawlu l-poplu ta'
Alla b'kotra ta' frott ta'
qdusija, iqanqluh bl-eżempju
tagħhom, u jkabbruh bis-saħħa
għammiela tal-appostolat
misterjuż tagħhom. Għalhekk huma
ta' ġieh għall-Knisja u
nixxiegħa ta' grazzji tas-sema.
B' danakollu l-mod ta' ħajja
tagħhom għandu hu wkoll ikun
rivedut skond il-prinċipji u l-kriterji
tat-tiġdid u ta' addattament li
semmejna aktar 'il fuq, għad li
b' reqqa l-aktar qaddisa
għandhom jibqgħu dejjem imħarsa
l-firda tagħhom mid-dinja u l-eżerċizzji
proprji tal-ħajja tal-ħajja
kontemplattiva.
L-istituti ta' ħajja appostolika
8.
Fil Knisja hemm ħafna istituti,
sew klerikali sew lajkali,
mogħtijin għal diversi ħidmiet
ta' appostolat u li għandhom
doni differenti skond il-grazzja
mogħtija lilhom: fosthom hemm
min jaqdi, bid-don tal-ministeru;
min jgħallem, bid-don tat-tagħlim;
min iħeġġeġ, bid-don tat-tħeġġiġ;
min iqassam, bis-sempliċità; min
iħenn, u dan jagħmlu bil-ferħ (cf.Rum
12,5-8). "Hemm diversi doni,
imma wieħed hu l-Ispirtu" (1Kor,
12,4).
F'dawn l-istituti x-xogħol
tal-appostolat u l-ħidma
karitattiva huma marbuta mal-istess
natura tal-ħajja reliġjuża
tagħhom bħala ministeru mqaddes
u xogħol ta' karità proprju
tagħhom fdat f'idejhom mill-Knisja
biex jagħmluh f'isimha. Ghalhekk
il-ħajja reliġjuża kollha ta'
dawn l-istituti għandha tkun
mimlija bi spirtu appostoliku,
bħalma min-naħa l-oħra l-ħidma
appostolika kollha tagħhom trid
tkun magħġuna bl-ispirtu
reliġjuż. Mela biex dawn
il-membri jkunu jistgħu qabel
xejn iwieġbu għas-sejħa tagħhom
li jimxu wara Kristu u jaqdu 'l
Kristu nnifsu fil-membri tiegħu,
jenħtieġ li l-ħidma appostolika
tagħhom tkun il-frott tal-għaqda
intima tagħhom miegħu. B'hekk
titħeġġeġ l-istess karità
tagħhom lejn Alla u lejn
il-proxxmu.
Għalhekk dawn l-istituti
għandhom isibu mod kif l-osservanzi
u l-użanzi tagħhom jitqabblu
tajjeb mal-ħtiġijiet
tal-appostolat li għalih huma
mogħtijin. Iżda billi l-ħajja
reliġjuża mogħtija għall-ħidmiet
tal-appostolat tista' tkun ta'
għamliet differenti, jenħtieġ li
fit-tiġdid u fl-addattament
tagħhom wieħed quddiem għajnejh
din id-diversità u jfittex li,
fid-diversi istituti, il-ħajja
tal-membri għas-servizz ta'
Kristu ssib għajnuna siewja
b'mezzi proprji addattati
għalihom.
Il-fedeltà għall-ħajja monastika
u konventwali.
9.
Il-ħajja monastika hija
istituzzjoni venerabbli li matul
is-sekli kisbet merti kbar, kemm
fil-Knisja u kemm fis-soċjetà
tal-bnedmin. Hija għandha
tinżamm bil-fedeltà u tibqa'
tidher f'għajnejn kulħadd fl-ispirtu
awtentiku tagħha sew fil-Lvant
sew fil-Punent. L-uffiċċju
ewlieni ta' dawk li jgħixu l-ħajja
monastika huwa dak li minn fost
il-ħitan stess tal-monasteri
tagħhom jagħtu servizz umli u
fl-istess ħin nobbli lill-kobor
ta' Alla. Dan is-servizz jagħtuh
kemm jekk jagħtu rwieħhom
kollhom kemm huma għall-kult
divin f'ħajja moħbija u kemm
jekk leġittimament jidħlu għal
xi ħidmiet ta' appostolat jew ta'
karità nisranija. Għalhekk,
dejjem skond il-karattru proprju
ta' l-istituzzjoni tagħhom, huma
għandhom iġeddu t-tradizzjonijiet
antiki li jagħmlu daqshekk ġid u
jaddattawhom għall-ħtigiet
attwali tal-erwieħ b'mod illi l-monasteri
jkunu bħal
għelieqi fejn jinżara' u jikber
il-poplu nisrani.
Hekk ukoll l-istituti reliġjużi
li mir-regola jew mill-iskopijiet
tat-twaqqif tagħhom jgħaqqdu l-ħajja
appostolika mal-uffiċċju korali
u l-osservanzi monastiċi,
għandhom ifittxu li l-mod kif
jgħaddu ħajithom ikun iwieġeb
għall-esiġenzi tal-appostolat
addattat għalihom hekk li l-ħarsien
bil-fedeltà tal-għamla tal-ħajja
tagħhom iservi ta' ġid tassew
kbir għall-Knisja.
Il-ħajja reliġjuża lajkali
10.
Il-ħajja reliġjuża lajkali, kemm
ta' rġiel u kemm ta' nisa. hija
stat fih innifsu sħiħ ta'
professjoni tal-kunsilli
evanġeliċi. Din ix-xorta ta'
ħajja hija ta' siwi kbir
għall-Knisja fl-uffiċċju
pastorali tagħha tal-edukazzjoni
taż-żgħażagħ, tal-kura tal-morda
u ta' ministeri oħra. Għalhekk
dan is-Sinodu Mqaddes jagħti
importanza kbira lil dawn l-istituti,
jagħmel il-qalb lill-membri
tagħhom fis-sejħa tagħhom u
jħeġġiġhom biex jaddattaw
ħajjithom skond il-ħtiġiet
tal-lum.
Il-Konċilju Mqaddes jiddikjara
li, sakemm ma jintmessx
il-karattru lajkali tal-istess
istituti, xejn ma hemm xi jżomm
milli xi membri minn dawn
il-komunitajiet tar-rġiel ikunu
aċċettati għall-Ordnijiet sagri,
skond ma jiddeterminaw
il-kapitili ġenerali tagħhom,
biex ilaħħqu mal-ħtiġiet
tal-ministeru saċerdotali fid-djar
tagħhom.
L-istituti sekulari
11.
L-istituti sekulari m'humiex
istituti reliġjużi; b'danakollu,
waqt li jaħdmu fid-dinja l-membri
tagħhom jagħmlu tassew
professjoni sħiħa tal-kunsilli
evanġeliċi li għandha l-għarfien
mill-Knisja. Din il-professjoni,
lill-irġiel u lin-nisa,
lill-lajċi u lill-kjeriċi, li
jibqgħu jgħixu fid-dinja,
tagħtihom konsagrazzjoni.
Għalhekk dawn il-membri għandhom
fuq kollox jagħmluh skop tagħhom
fil-ħajja li jingħataw kollhom
lil Alla b'karità perfetta. Min-naħa
tagħhom l-istituti infushom
għandhom iżommu l-karattru
proprju u partikolari tagħhom,
jiġifieri dak tal-istituti
sekulari. B'hekk iseħħilhom
jagħmlu bi frott u kullimkien
dak l-appostolat li nħolqu biex
jagħmlu fid-dinja bħallikieku
qed tagħmlu d-dinja stess.
Iżda għandhom ikunu jafu tajjeb
li huma ma jistgħux jaqdu
uffiċċju hekk kbir jekk
il-membri tagħhom ma jkunu
imħarrġin bir-reqqa fil-ħwejjeġ
divini u umani u b'hekk ikunu
tassew ħmira tad-dinja biex
jissaħħaħ u jikber il-Ġisem ta'
Kristu. Għalhekk dawk li jmexxu
għandhom jieħdu ħsieb sewwa li
tingħata formazzjoni, l-aktar
dik spiritwali, lill-membri
tagħhom u jieħdu ħsieb ukoll li
din il-formazzjoni tissokta
maż-żmien.
Il-Kastità
12.
Il-kastità "minħabba fis-Saltana
tas-Smewwiet" (Mt 19,21), kif
jipprofessawha r-reliġjużi,
għandha titqies bħala don mill-isbaħ
tal-grazzja. B''don li ma bħalu
hija teħles qalb il-bniedem
(cf.1 Kor.7,32-35) biex aktar
titħeġġeġ bil-karità lejn Alla u
lejn il-bnedmin kollha; u
għalhekk hija sinjal speċjali
tal-ġid tas-sema u mezz mill-aħjar
biex ir-reliġjużi jingħataw minn
qalbhom għas-servizz ta' Alla u
għall ħidmiet ta' l-appostolat.
B'hekk huma jfakkru lill-fidili
kollha b'dak iż-żwieġ tal-għaġeb,
imwaqqaf minn Alla u li għad
jidher bis-sħiħ fil-ħajja li
ġejjja, li bih il-Knisja
tingħaqad ma' Kristu, għarus
waħdani tagħha.
Jenħtieġ mela li r-reliġjużi
jfittxu li jkunu fidili mal-professjoni
tagħhom, jemmnu kliem il-Mulej,
jorbtu fuq l-għajnuna ta' Alla
bla ma jafdaw iżżejjed fuq
il-forzi tagħhom, jitħarrġu bit-tgħakkis
u l-għassa tas-sensi. Anqas ma
għandhom jittraskuraw dawk
il-mezzi naturali li jiswew ta'
ġid għas-saħħa mentali u fiżika.
B'hekk jiġri li huma ma
jiddakkrux minn xi tagħlim
qarrieq li jrid ipinġi l-kontinenza
perfetta bħala ħaġa li ma tistax
tintlaħaq jew li tagħmel ħsara
lill-iżvilupp tal-bniedem;
qishom b'istint spiritwali huma
jwarrbu dak kollu li jista'
jqiegħed is-safa tagħhom fit-tiġrib.
Kulħadd imbagħad għandu jiftakar,
u l-aktar is-superjuri, illi l-kastita'
titħares aktar fiż-żgur jekk
il-membri jgħixu l-ħajja komuni
b'imħabba tabilħaqq ta' aħwa.
Il-ħarsien tal-kontinenza
perfetta għandu x'jaqsam sfieq
mal-ġibdiet l-aktar profondi
tan-natura umana. Għalhekk
jenħtieġ li l-kandidati
għall-professjoni tal-kastità la
jersqu biex jagħmluha lanqas
jitħallew jagħmluha jekk mhux
wara prova tassew suffiċjenti u
wara li jkunu laħqu l-maturità
psikolġika u affettiva meħtieġa.
Għalhekk wieħed għandu mhux biss
iwissihom dwar il-perikli li
jġarrbu l-kastità iżda wkoll
iħarriġhom biex jaċċettaw
iċ-ċelibat mogħti lil Alla bħala
ħaġa li tagħmel il-ġid
lill-personalità kollha tagħhom.
Il-faqar
13.
In-nies, l-aktar dawk tal-lum,
japprezzaw ħafna l-faqar li
wieħed iħaddan minn rajh biex
jimxi wara Kristu. Huma jqisu l-faqar
bħala sinjal illi juri li wieħed
ikun għażel li jimxi wara Kristu.
Ir-reliġjużi għandhom iħaddnuh
bir-reqqa u, jekk jenħtieġ,
ifittxu għamliet ġodda biex it-tifsira
tiegħu tidher aħjar. Permezz
tiegħu wieħed jissieħeb
fil-faqar ta' Kristu li minħabba
fina hu, li kien għani, ftaqar
biex fil-faqar tiegħu nistagħnu
aħna.(cf. 2 Kor.8,9; Mt 8,20).
Għal dak li hu faqar reliġjuż
m'huwa xejn biżżejjed li wieħed
jagħmel użu mill-ġid temporali
skond kif igħidu s-Superjuri;
jenħtieġ ukoll li r-reliġjużi
jkunu foqra bil-fatti u fl-ispirtu
u jġemmgħu għalihom teżori
fis-sema (cf. Mt 6,20).
Ir-reliġjużi, fil-qadi ta' l-uffiċċju
tagħhom, għandhom iħossu
rwieħhom marbuta bil-liġi komuni
tax-xogħol. B'hekk, waqt li
b'dan il-mod jiksbu l-flus
meħtieġa għal dak kollu li hu
meħtieġ għall-għajxien u l-ħidma
tagħhom, għandhom iwarrbu
minnhom infushom kull ħsieb u
inkwiet żejjed u jintelqu
f'idejn il-Providenza
tal-Missier tas-sema (cf.
Mt.6,25).
Il-Kongregazzjonijiet reliġjużi
jistgħu jippermettu
bil-kostituzzjonijiet tagħhom li
l-membri tagħhom jirrinunzjaw
għall-ġid patrimonjali li
akkwistaw jew li għad jistgħu
jakkwistaw.
L-istituti stess għandhom
ifittxu li, skond
il-kondizzjonijiet tal-post li
jkunu fih, jagħtu xhieda kważi
kollettiva tal-faqar u għandhom
minn qalbhom jikkontribuwixxu
mill-ġid li għandhom
għall-ħtiġiet tal-Knisja u l-għajnuna
tal-foqra li r-reliġjużi kollha
għandhom iħobbu bil-ħerqa ta'
Kristu nnifsu (cf Mt.19,21;
25,34-36; Ġak.2,15-16;Ġw 3,17).
Il-provinċji ta l-istitituti
reliġjużi u djar oħra għandhom
jaqsmu ma' l-oħrajn il-ġid
temporali b'mod illi dawk li
għandhom iżjed igħinu
lill-oħrajn li jbatu min-nieqes.
Għalkemm l-istituti reliġjużi,
sakemm jippermettu r-regoli u l-kostituzzjonijiet
tagħhom, għandhom il-jedd li
jkollhom kull ma jenħtieġ
għall-ħajja temporali u
għall-ħidma tagħhom madanakollu
huma għandhom jevitaw kull
għamla ta' lussu, ta' qligħ bla
rażan u ta' tgeddis ta' ġid.
L-ubbidjenza
14
Bil-professjoni ta' l-ubbidjenza
r-reliġjużi joffru lil Alla l-għotja
sħiħa tar- rieda tagħhom bħala
sagrifiċċju tagħhom infushom li
bih b'mod aktar dejjiemi u żgur
jingħaqdu mar-rieda ta' Alla li
issalva 'l bniedem. Ġesu Kristu
ġie biex jagħmel ir-rieda ta'
Missieru (cf. Ġw.4,34; 5.30;
Lhud 10, 7; S.39,9) u "ħa n-natura
ta' lsir" (Fil 2,7) u, minn dak
li bata hu nnifsu, ġarrab x'inhi
l-ubbidjenza (cf. Lhud 5,8).
Hekk ukoll ir-reliġjużi, mqanqla
mill-Ispirtu s-Santu, fi spirtu
ta' fidi joqogħdu għas-superjuri
li jagħmluha flok Alla u permezz
tagħhom jitqiegħdu għas-servizz
ta' l-aħwa kollha fi Kristu
bħalma Kristu nnifsu, biex
joqgħod għar-rieda tal-Missier,
qeda lill-aħwa u ta' ħajtu
b'fidwa għal kulħadd (cf. Mt
29,28; Ġw 10,14-18). B'hekk
ir-reliġjużi jintrabtu aktar
sfieq mas-servizz tal-Knisja u
jisfurzaw biex jaslu fl-għomor
ta' raġel magħmul, fil-milja
kollha ta' Kristu (cf. Ef 4.13).
Għalhekk ir-reliġjużi, fi spirtu
ta' fidi u mħabba għar-rieda ta'
Alla, għandu jkollhom
sottomissjoni umli lejn is-superjuri
tagħhom skond ir-regola u l-kostituzzjonijiet.
Huma u jobdu l-ordnijiet tagħhom
u jaqdu d-dmirijiet li
jafdawlhom, għandhom iqiegħdu
għad-dispożizzjoni tagħhom l-enerġiji
tal-intelligenza u tar-rieda u
d-doni tan-natura u tal-grazzja
li jkollhom; huma jafu li b'hekk
ikunu qegħdin jaħdmu għall-bini
tal-ġisem ta' Kristu skond
il-pjan ta' Alla. B'dan il-mod
l-ubbidjenza reliġjuża mhux biss
ma tnaqqas xejn mid-dinjità'
tal-persuna umana iżda talli
twessa' l-libertà li għandhom
ulied Alla u twassalha
għall-maturita'.
Is-superjuri, mbagħad, li għad
iridu jagħtu kont tal-erwieħ
fdati lilhom (cf. Lhud
13,17),għandhom joqogħdu
bil-ħlewwa għar-rieda ta' Alla
fil-qadi ta' dmirhom; is-setgħa
tagħhom għandhom iħaddmuha fi
spirtu ta' servizz lill aħwa
bħala esperessjoni tal-karità li
biha jħobbhom Alla. Lis-sudditi
tagħhom għandhom imexxuhom bħala
wlied Alla, jirrispettawhom
bħala persuni umani u jiġbduhom
biex jagħtu s-sottomissjoni
volontarja tagħhom. Għalhekk
għandhom iħallulhom b'mod
speċjali l-libertà meħtieġa
f'dak li għandu x'jaqsam
mas-sagrament tal-penitenza u d-direzzjoni
tal-kuxjenza. Huma għandhom
iwiasslu lis-sudditi biex
jikkkoperaw b'ubbidjenza attiva
u responsabbli fil-qadi ta'
dmirijiethom u fl-inizjattivi li
jieħdu. Għalhekk is-Superjuri
għandhom jagħtu widen bil-qalb
lis-sudditi u jħeġġu l-koperazzjoni
attiva tagħhom għall-ġid ta' l-istess
istitut tagħhom u tal-Knisja.
Il-Kapitli u l-Kunsilli għandhom
jaqdu bil-fedeltà d-dmir tat-tmexxija
fdat lilhom; kull wieħed minnhom
skond il-mod proprju tiegħu
għandu jkun l-espressjoni
tas-sehem u l-interess li l-membri
kollha għandhom jieħdu għall-ġid
tal-komunità kollha.
Il-ħajja komuni
15
Fuq l-eżempju tal-Knisja fl-ewwel
żminijiet, meta l-kotra
tal-fidili kienu jgħixu qalb
waħda u ruħ waħda (cf. Atti
4,32), il-ħajja komuni tar-reliġjużi
għandha ssib l-għajxien tagħha
fit-tagħlim tal-Evanġelju,
fil-Liturġija u l-aktar fl-Ewkaristija
u b'hekk tippersevera fit-talb u
fl-għaqda ta' l-istess spirtu
f'kullħadd (cf, Att 2,42). Bħala
membri ta' Kristu r-reliġjużi li
jgħixu flimkien bħal aħwa
għandhom iqisu lil xulxin ogħla
fil-ġieħ (cf. Rum 12,10) u
jerfgħu t-tagħbija ta' xulxin
(cf. Gal.6,2). Għax ladarba l-imħabba
ta' Alla ssawbet fil-qlub
permezz ta' l-Ispirtu s-Santu
(cf. Rum,5,5), il-komunità, bħal
familja vera miġbura f'isem
il-Mulej, tifraħ li Alla hu
f'nofsha (cf. Mt 18,20) Il-karita'
hija tabilħaqq il-milja tal-liġi
(cf. Rum 13.10) u l-qofol
tal-perfezzjoni (cf. Kol.3,14) u
biha nafu li għaddejna mill-mewt
għall-ħajja (cf. Ġw 3,14). Anzi
l-għaqda ta' l-aħwa turi bid-dieher
il-miġja ta' Kristu
(cf. Ġw 13,35; 17,21) u minnha
toħroġ forza appostolika kbira.
Biex ir-reliġjużi jintrabtu
aktar sfieq bejniethom bħal aħwa,
dawk li jissejħu konversi jew
kooperaturi jew għandhom xi isem
ieħor għandhom jixxierku sħiħ
mal-ħajja u l-ħidmiet
tal-komunità. Sakemm
iċ-ċirkustanzi ma jkunux
jikkonsiljaw tassew mod ieħor,
għandhu jittieħed ħsieb li
fil-komunitajiet tan-nisa jkun
hemm kategorjia waħda ta'
sorijiet u fosthom tinżamm biss
dik id-distinzjoni li hi mitluba
mid-diversità ta' ħidmiet li
għalihom is-sorijiet ikunu
destinati b'sejħa speċjali ta'
Alla jew għax ikunu jinqalgħu
iżjed għalihom.
Iżda l-monasteri ta' l-irġiel u
ukoll l-istituti li min-natura
tagħhom m'humiex purament
lajkali jistgħu, skont kif ikunu
jgħidu l-kostituzzjonijiet
tagħhom, jibqgħu jilqgħu fosthom
kjeriċi u jagħtuhom l-istess
trattament bl-istess jeddijiet u
dmirijiet barra minn dawk li
jitnisslu mill-ordni sagri.
Il-Klawsura tas-sorijiet
16
Għas-sorijiet ta' ħajja
għalkollox kontemplattiva l-klawsura
papali għandha tibqa' tinżamm,
biss tkun adattata
għaċ-ċirkostanzi taż-żmien u tal-post
u jitneħħew l-użanzi li
m'għadhomx igħoddu aktar; dan
isir wara konsultazzjoni mal-monasteri
nnifishom.
Sorijiet oħrajn tal-klawsura, li
mir-regola tagħhom huma mogħtija
wkoll għal xi opri esterni
tal-appostolat, għandhom ikunu
eżenti mill-klawsura papali biex
iseħħilhom ilaħħqu aħjar mal-impenn
tal-appostolat fdat lilhom;
madankollu tibqa' tkun imħarsa
dik il-klawsura li hi mitluba
mill-kostituzzjonijiet tagħhom.
Il-libsa reliġjuża
17
Il-libsa tar-reliġjużi, bħala
sinjal tal-konsagrazzjoni
tagħhom, għandha tkun sempliċi u
modesta, fqira imma fl-istess
ħin xierqa. Barrra min dan, hija
għandha tkun tajba
għall-ħtiġijiet tas-saħħa fiżika
u addattata għaċ-ċirkustanzi
taż-żmien u tal-post u
għall-bżonnijiet tal-minsteru.
Jekk il-libsa, sew tar-rġiel u
sew tan-nisa, ma tkunx taqbel
ma' dawn in-normi hija għandha
tiġi mibdula.
Il-formazzjoni
18.
It-tiġdid u l-addattament
tal-isitituti jiddependi l-iżjed
mill-formazzjoni li tingħata
lill-membri. Għalhekk sew
il-membri mhux kjeriċi sew is-sorijiet
m'għandhomx jingħataw ħidmiet ta'
appostolat minnufih wara n-novizzjat;
il-formazzjoni tagħhom reliġjuża
u appostolika, dottrinali u
teknika, għandha titkompla fi
djar apposta u ddum kemm ikun
meħieġ sa ma jiksbu wkoll titoli
xierqa.
Iżda jeħtieġ li l-addattament
tal-ħajja reliġjuża
għall-esiġenzi ta' żmienna ma
jkunx ħaġa tal-qoxra biss;
jeħtieġ ukoll li dawk li, kif
jippermettu r-regoli tagħhom,
jingħataw għall-appostolat
estern ma jkunux nieqsa mill-preparazzjoni
meħtieġa biex jaqdu dmirijiethom.
Għalhekk jenħtieġ li
jingħatalhom tagħlim xieraq dwar
id-drawwiet morali, l-imġieba
emozzjonali u l-mentalità
tal-ħajja soċjali tal-lum skond
id-doni intelletwali u t-tendenzi
personali li jkollhom. It-taħriġ
għandu jkun koordinat b'mod illi
l-elementi kollha tiegħu
jintisġu flimkien f'armonija
bejniethom u jservu biex isaħħaħ
l-unità tal-ħajja tal-membri.
Tul ħajjithom kollha r-reliġjużi
għandhom ifittxu li
jipperfezzjonaw sewwa din
il-kultura spiritwali,
dottrinali u teknika, u s-superjuri
għandhom jagħmlu li jistgħu biex
jagħtuhom l-opportunità, l-għajnuna
u ż-żmien biex dan l-iskop
jilħquh.
Huwa wkoll dmir tas-superjuri li
jaraw illi r-Retturi, id-diretturi
spiritwali u l-professuri
jintgħażlu bl-aħjar mod u
jitħejjew bis-serjetà.
Twaqqif ta' Istituti ġodda
19.
Fit-twaqqif ta' istituti ġodda
wieħed għandu jqis bir-reqqa
jekk dawn l-istituti jkunux
meħtieġa jew għallanqas siewja
ħafna, u wkoll jekk 'il quddiem
ikunux jistgħu jiżviluppaw, li
ma jmorrux jitnisslu, ħtija tan-nuqqas
ta' ħsieb, istituti għalxejn jew
li ma jkunux sodi biżżejjed.
B'mod speċjali f'dawk
il-postijiet fejn il-Knisja tkun
għadha fil-bidu tagħha għandhom
ikunu mħeġġin u żviluppati
għamliet ta' ħajja reliġjuża li
jkunu jaqblu mal-karattru u d-drawwiet
tan-nies tal-post u mal-użanzi u
l-kondizzjonijiet tal-pajjiż.
Il-ħidmiet tal-Istituti
20.
L-istituti għandhom iżommu u
jagħmlu bil-fedeltà l-ħidmiet
proprji tagħhom. Waqt li jżommu
quddiem għajnejhom is-siwi ta'
dawn il-ħidmiet għall-Knisja
kollha u għad-djoċesijiet, huma
għandhom jaddattawhom skond
il-ħtieġa taż-żmien u tal-post
billi jinqdew b'mezzi tajba u
wkoll ġodda u jneħħu dawk
il-ħidmiet li llum m'għadhomx
jaqblu wisq mal-ispirtu
tal-istitut u x-xeħta awtentika
tiegħu.
Fl-istituti reliġjużi għandu
jinżamm bis-sħiħ l-ispirtu
missjunarju u jkun, skond
il-karattru ta' kull istitut,
addattat għall-kondizzjonijiet
tal-lum b'mod illi x-xandir
tal-Evanġelju fost il-ġnus
iħalli iżjed frott.
Istituti u monasteri li qed
jispiċċaw
21.
Jekk is-Santa Sede, wara li
tisma' l-parir tal-ordinarji
lokali interessanti, tiġġudika
li xi istituti u monasteri ma
jagħtux wisq tama li jistgħu
jiżviluppaw, dawn m'għandhomx
jitħallew jaċċettaw iżjed
novizzi. Jekk il-ħaġa tista'
tkun, huma għandhom jingħaqdu
ma' xi istitut jew monasteru
ieħor li ma jkunx wisq
differenti minnhom fl-iskop u
fl-ispirtu.
L-unjoni bejn ll-istituti
reliġjużi
22.
L-istituti u l-monasteri sui
juris għandhom iħabirku biex,
meta jkun f'waqtu u
bl-approvazzjoni tas-Santa Sede,
iwaqqfu federazzjoni bejniethom
jekk b'xi mod huma jagħmlu sehem
mill-istess familja reliġjuża;
jew iwaqqfu unjonijiet jekk
għandhom kostituzzjoniet u
drawwiet kważi l-istess u huma
animati mill-istess spirtu
reliġjuż, u dan l-iżjed meta l-għadd
tal-membri tagħhom ikun żgħir
ħafna; jew jiffurmaw
assoċjazzjonijiet jekk huma
mogħtija għall-istess opri
esterni jew ħidmiet li jixxiebħu.
Il-Konferenzi tas-Superjuri
Maġġuri
23.
Il-Konferenzi jew Kunsilli
tas-Superjuri Maġġuri mwaqqfin
mis-Santa Sede għandhom
jingħataw inkoraġġiment. Huma
jistgħu jkunu ta' ġid kbir biex
jintlaħaq aktar bis-sħiħ l-iskop
ta' kull istitut, ikun hemm
koordinament aktar għall-ġid
tal-Knisja, jitqassmu aħjar, u
b'mod iżjed ġust f'territorju
partikolari l-ħaddiema
tal-Evanġelju, ħwejjeġ ta'
interess komuni għar-reliġjużi
jistgħu jkunu ttrattati f'dak li
għandu x'jaqsam mat-taħriġ ta'
l-appostolat, ikun hemm
koordinament u kooperazzjoni
mal-konferenzi episkopali.
Konferenzi bħal dawn jistgħu
jitwaqqfu wkoll għall-istituti
sekulari.
Il-vokazzjonijiet reliġjużi
24.
Is-saċerdoti u l-edukaturi nsara
għandhom jagħmlu sforzi serji
biex, permezz ta' vokazzjonijiet
reliġjużi fost żgħażagħ
magħżulin kif jixraq u bir-reqqa,
il-Knisja tikber u toktor kif
jitolbu l-ħtiġiet li għandha.
Fil-predikazzjoni ordinarja
wkoll wieħed għandu jitkellem
iżjed dwar il-kunsilli
evanġeliċi u l-għażla ta' l-istat
reliġjuż. Il-ġenituri, huma u
jagħtu trobbija nisranija lil
uliedhom, għandhom jinkoraġġixxu
u jħarsu fi qlubhom
il-vokazzjoni reliġjuża.
L-istituti għandhom il-jedd
li,biex iġibu 'l quddiem
il-vokazzjoniiet, ixerrdu
tagħrif fuqhom infushom u
jfittxu l-kandidati basta dan
jagħmluh bil-prudenza meħtieġa u
skond in-normi mogħtija mis-Santa
Sede u mill-ordinarju tal-post.
Iżda l-membri tal-istituti
għandhom jiftakru li l-aħjar
rakkomandazzjoni għall-istitut
tagħhom u l-aħjar stedina
għall-ħajja reliġjuża huwa l-eżempju
ta' ħajjithom.
Egħluq
25.
L-istituti li għalihom qed isiru
dawn in-normi ta' aġġornament u
ta' tiġdid tal-ħajja reliġjuża
għandhom iwieġbu minn qalbhom
għas-sejħa divina u għad-dmir li
għandhom f'dawn iż-żminijiet
fil-Knisja. Is-Sinodu Mqaddes
jagħti importanza kbira
lill-għamla ta' ħajja li huma
jgħixu fil-verġnità, fil-faqar u
fl-ubbidjenza, għamla ta' ħajja
li Kristu l-Mulej innifsu huwa
l-mudell tagħha. Il-Konċilju
għandu tama qawwija fil-ħidma
tagħhom li, kemm jekk hi
magħrufa u kemm jekk hi moħbija,
tagħti daqshekk frott. Għalhekk
ir-reliġjużi kollha għandhom
ixerrdu l-Bxara t-Tajba ta'
Kristu b'fidi sħiħa, bil-karità
lejn Alla u l-proxxmu,
bl-imħabba tas-salib u bit-tama
fil-ħajja li ġejja sabiex
kulħadd jara x-xhieda tagħhom u
jagħti glorja lill-Missier li hu
fis-smewwiet (cf. Mt 5,16).
B'hekk, bit-talb tal-Verġni l-aktar
ħelwa Marija, Omm Alla, "li l-ħajja
tagħha hija regola għal kulħadd"
huma jiżdiedu ta' kuljum
fil-għadd u jagħtu frott iżjed
kotran ta' salvazzjoni.
28 ta' Ottubru 1965
Il-votazzjoni fuq dan id-dokument
kienet hekk:
Iva 2321; Le 4
(total 2325).
|