Aktar dokumenti tal-Konċilju
Ekumeniku Vatikan II u ta'
Konċilji oħra ...
DIGRIET
TAL-KONĊILJU
VATIKAN II
DWAR
IL-MEZZI TA’
KOMUNIKAZZJONI SOĊJALI
“INTER MIRIFICA”
4 ta’ Diċembru
1963
WERREJ
Daħla
KAP I
NORMI GĦALL-UŻU TAL-MEZZI
SOĊJALI TAL- KOMUNIKAZZJONI
3 Dmirijiet tal-Knisja
4 Il-liġi morali
5 Il-jedd għall-informazzjoni
6 Arti u morali
7 Il-ħażen morali
8 L-Opinjoni Pubblika
9 Dmirijiet ta’ dawk li jirċievu
l-komunikazzjoni
10 Dmirijiet tal-ġenituri u
żgħażagħ
11 Dmirijiet tal-awturi
12 Dmirijiet tal-Awtorità Ċivili
KAP II
L-ISTRUMENTI TAL-KOMUNIKAZZJONI
SOĊJALI U L-APOSTOLAT KATTOLIKU
13 Ħidma tar-rgħajja u
tal-fidili
14 Inizjattivi tal-Kattoliċi
15 Formazzjoni tal-awturi
16 Formazzjoni ta’ dawk li
jirċievu l-komunikazzjoi soċjali
17 Mezzi u sussidji
18 Jum tal-Komunikazzjoni
Soċjali ta’ kull sena
19 Uffiċċju tas-Santa Sede
20 Kompetenza tal-Isqfijiet
21 Uffiċċju Nazzjonali
22 Assoċjazzjonijiet
internazzjonali
GĦELUQ
23 Istruzzjoni Pastorali
DIGRIET DWAR
IL-MEZZI TA’
KOMUNIKAZZJONI SOĊJALI
“INTER MIRIFICA”
Daħla
1.
Fost l-invenzjonijiet tekniċi
tal-għaġeb li, fuq kollox fi
żmienna, il-ġenju tal-bniedem,
bl-għajnuna t’Alla, irnexxielu
jsawwar mill-ħwejjeġ maħluqa,
il-Knisja Omm tilqa’ u ssegwi
b’ħerqa partikulari dawk li
għandhom x’jaqsmu b’mod aktar
dirett mal-ispirtu tal-bniedem u
li fetħu toroq ġodda biex wieħed
jgħaddi lil ħaddieħor bl-akbar
ħeffa kull xorta ta’aħbarijiet,
ideat u tagħlim. Fost dawn
l-invenzjonijiet jiġu minn ta’
quddiem dawk l-istrumenti li,
min-natura tagħhom, jiswew biex
jilħqu u jmexxu mhux biss
lill-bnedmin wieħed wieħed iżda
l-ġemgħat infushom u s-soċjetà
umana kollha, bħalma huma
l-istampa, iċ-ċinema, ir-radju,
it-televiżjoni u oħrajn bħalhom
li għalhekk jistgħu jissejħu
bil-jedd kollu strumenti
tal-komunikazzjoni soċjali.
2.
Il-Knisja Omm taf li dawn
l-istrumenti, jekk jitħaddmu
tajjeb, jistgħu joffru
lill-bnedmin għajnuniet ta’ siwi
għaliex jagħtu sehem kbir sabiex
iserrħu u jagħnu l-ispirtu, u
biex jifirxu u jsaħħu s-Saltna
t’Alla; taf ukoll li l-bnedmin
jistgħu iħaddmuhom kontra l-pjan
tal-Ħallieq u jdawruhom
għall-ħsara tagħhom infushom;
anzi l-Qalb tagħha ta’ Omm hi
mnikkta ħtija tal-ħsarat li
ġarrbet sikwit l-umanità bl-użu
ħażin tagħhom.
Għalhekk
dan is-Sinodu Mqaddes, waqt li
jibqa’ sħiħ fil-ħerqa għassiesa
tal-Papiet u tal-Isqfijiet
f’materja ta’ importanza
daqshekk kbira, jgħodd bħala
dmiru li jitratta l-problemi
ewlenin li għandhom x’jaqsmu
mal-istrumenti tal-mezzi ta’
komunikazzjoni soċjali. Jittama
mbagħad li t-tagħlim u n-normi
dixxiplinari li qiegħed jagħti
ma jkunux biss ta’ ġid
għas-saħħa tal-fidili iżda
jiswew ukoll għall-progress
tal-familja umana.
KAP I
NORMI GĦALL-UŻU TAL-MEZZI
SOĊJALI
TAL- KOMUNIKAZZJONI
Dmirijiet tal-Knisja
3.
Il-Knisja Kattolika, billi hija
mwaqqfa minn Kristu l-Mulej biex
twassal is-salvazzjoni
lill-bnedmin kollha u għalhekk
tħoss ruħha mġiegħla mill-ħtieġa
li xxandar l-Evanġelju, tarah
dmirha li tuża wkoll
l-istrumenti ta’ komunikazzjoni
soċjali sabiex ixxandar l-aħbar
tas-salvazzjoni u tgħallem
lill-bnedmin kif iħaddmuhom
tajjeb.
Għalhekk
huwa jedd tal-Knisja mwieled
magħha li tħaddem u li jkollha
dawn l-istrumenti sakemm huma
jkunu meħtieġa jew ta’ siwi
għall-edukazzjoni nisranija u
għax-xogħol kollu tagħha ta’
salvazzjoni tal-erwieħ; hu dmir,
imbagħad, tar-Rgħajja Mqaddsa li
jgħallmu u jmexxu lill-fidili
biex, bl-għajnuna ta’ dawn
l-istrumenti wkoll, jiksbu
s-salvazzjoni u l-perfezzjoni
tagħhom infushom u tal-bnedmin
kollha.
Mill-bqija
huwa dmir l-iżjed tal-lajċi li
jagħtu ħajja bi spirtu nisrani u
uman lil dawn l-istrumenti biex
iwieġbu bis-sħiħ
għall-mistennija kbira
tal-umanità u għall-pjan ta’
Alla.
Il-liġi morali
4.
Biex wieħed juża tajjeb dawn
l-istrumenti, jeħtieġ għalkollox
li dawk li jħaddmuhom ikunu jafu
n-normi tal-ordni morali u
japplikawhom bil-fedeltà f’dan
il-qasam. Għalhekk iżommu
quddiem għajnejhom dak li jiġi
kkomunikat skont in-natura ta’
kull strument; fl-istess ħin,
ukoll, iżommu quddiem għajnejhom
iċ-ċirkustanzi kollha li fihom
issir il-komunikazzjoni nnifisha
bħalma huma l-iskop, il-persuni,
il-post, iż-żmien u l-bqija, u
li dawn kollha jistgħu
jimmodifikaw jew ibiddlulha
għalkollox il-valur morali.
Fosthom jingħadd il-mod
tat-tħaddim proprju ta’ kull
strument, jiġifieri l-qawwa
tas-suġġestjoni ta’ kull wieħed
li tista’ tkun daqshekk kbira,
li l-bnedmin, l-iżjed jekk ma
jkunux imhejjija, tkunilhom bi
tqila li jirnexxilhom jindunaw
biha, jaħkmuha u jekk ikun
meħtieġ, jirrifjutawha.
Il-jedd għall-informazzjoni
5.
L-aktar li jeħtieġ hu li
l-interessati kollha jsawru
għalihom kuxjenza tajba dwar
l-użu ta’ dawn l-istrumenti,
l-aktar għal dak li jmiss xi
kwistjonijiet li llum huma
kontroversi b’mod iżjed aħrax.
L-ewwel
kwistjoni għandha x’taqsam ma’
dik li tissejjaħ l-informazzjoni
jew it-tiftix u x-xandir ta’
aħbarijiet. M’hemmx dubju li
l-informazzjoni, minħabba
l-progress li laħqet is-soċjetà
umana tal-lum u minħabba
r-rabtiet li dejjem jikbru lejn
il-membri tagħha, saret siewja
ħafna u, ħafna drabi meħtieġa;
għaliex il-komunikazzjoni
pubblika u f’waqtha tal-ġrajjiet
u tal-fatti tagħti lill-bnedmin,
wieħed wieħed, tagħrif aktar
sħiħ u kontinwu b’mod li huma
jkunu jistgħu jagħtu sehem li
jiswa għall-ġid komuni u lkoll
imexxu 'l quddiem b’ħeffa akbar
ir-riżq u l-progress tas-soċjetà
kollha. Għalhekk fis-soċjetà
umana hemm il-jedd
għall-informazzjoni dwar dawk
il-ħwejjeġ li jiswew
għall-bnedmin, kemm wieħed
wieħed, kemm magħqudin flimkien,
skont il-kundizzjonijiet
tagħhom. Madankollu t-tħaddim
ta’ dan il-jedd jitlob li, għal
dak li jolqot l-oġġett
tal-informazzjoni, tingħad
dejjem il-verità u, waqt li
jitħarsu l-ġustizzja u l-karità,
il-verità sħiħa; barra minn
hekk, għal dak li jolqot il-kif
tingħata l-informazzjoni jeħtieġ
li l-komunikazzjoni tkun onesta
u xierqa, jiġifieri li tħares
il-liġijiet morali u
l-jeddijiet, u d-dinjità
tal-bniedem, kemm waqt li wieħed
ikun qed ifittex l-aħbar u kemm
meta jxandarha, Tassew, mhux
kull tagħrif jiswa ta’ ġid,
“iżda l-imħabba tibnina” (1 Kor
8,1).
Arti u morali
6.
It-tieni
kwistjoni tmiss ir-relazzjoni li
hemm bejn il-jeddijiet - kif
isejħulhom - tal-arti u n-normi
tal-liġi morali. Billi
l-kontroversji, li joktru fuq
din il-ħaġa, mhux rari jkunu
ġejjin minn dottrini ħżieni dwar
l-etika u l-estetika,
il-Konċilju jiddikjara li
l-primat tal-ordni morali
oġġettiv għandu jkun meqjum
assolutament minn kulħadd
għaliex hu waħdu jgħaqqad sewwa
l-ordnijiet umani l-oħra (mhux
imħolli barra l-ordni tal-arti),
ukoll jekk għoljin fid-dinjità,
u hu ogħla minnhom. Għaliex
l-ordni morali biss jilħaq
lill-bniedem, il-ħlejqa ta’ Alla
mżejna bir-raġuni u msejħa
għas-sema fin-natura kollha
tiegħu; u l-istess ordni morali,
jekk hu mħares kollu kemm hu
bil-fedeltà, iwassal
lill-bniedem għall-perfezzjoni u
biex jikseb għal kollox il-milja
tal-hena tiegħu.
Il-ħażen morali
7.
Fl-aħħar, in-narrazzjoni,
id-deskrizzjoni jew
ir-rappreżentazzjoni tal-ħażen,
bl-għajnuna wkoll tal-istrumenti
tal-komunikazzjoni soċjali,
jistgħu jiswew biex wieħed isir
jaf iżjed u aħjar fuq
il-bniedem, biex wieħed juri
l-kobor ta’ dak li hu sewwa u
tajjeb, u jagħtih ġieh;
bis-saħħa ta’ dawn l-istrumenti
jinkisbu effetti drammatiċi
iżjed xierqa. Madankollu, sabiex
ma jwasslux għal aktar ħsara
milli ġid lill-erwieħ, jeħtieġ
li jimxu sewwa fuq il-liġijiet
morali, fuq kollox meta hemm
fin-nofs ħwejjeġ li jitolbu
rispett kif jixirqilhom jew li
jqanqlu aktar malajr
lill-bniedem, imweġġa’
bit-tebgħa tan-nisel, għal
ġibdiet mingħajr rażan.
L-Opinjoni Pubblika
8.
Minħabba li llum l-opinjonijiet
pubbliċi għandhom qawwa u piż
mill-akbar f’kull livell
tal-ħajja, kemm privata u kemm
pubblika taċ-ċittadini, jenħtieġ
li l-membri kollha tas-soċjetà
jaqdu d-dmirijiet tagħhom ta’
ġustizzja u mħabba f’dan
il-qasam ukoll; jenħtieġ
għalhekk li, bl-għajnuna ta’
dawn l-istrumenti wkoll, jaħdmu
biex jiffurmaw u jxerrdu
opinjonijiet pubbliċi tajbin.
Dmirijiet ta’ dawk li jirċievu
l-komunikazzjoni
9.
Għandhom dmirijiet partikolari
dawk kollha li b’għażla
personali u ħielsa jirċievu
l-komunikazzjoni minn dawn
l-istrumenti, jiġifieri
l-qarrejja, l-ispettaturi u
s-semmiegħa. Tabilħaqq, għażla
tajba titlob li huma jkunu
għalkollox favur dak kollu li
jisboq fil-virtù, fil-kultura u
fl-arti; u li mbagħad jaħarbu
dak kollu li jista’ jkun jew
fil-fatt huwa għalihom kawża jew
okkażjoni ta’ ħsara tar-ruħ, jew
jista’, bl-eżempju ħażin iwaqqa’
lil ħaddieħor fil-periklu jew
ifixkel il-komunikazzjoni jew
jgħin dawk ħżiena. Dan hu li
jiġri sikwit meta wieħed inewwel
flusu lil dawk li jħaddmu dawn
l-istrumenti għal skopijiet ta’
flus biss.
Għalhekk
dawk li jirċievu
l-komunikazzjoni, sabiex iħarsu
sewwa l-liġi morali, m’għandhomx
iħallu dmirhom li jkunu
mgħarrfin fil-ħin dwar
il-ġudizzji li jingħataw fuq
dawn il-ħwejjeġ mill-awtorità
kompetenti, u li jimxu fuq
in-normi tal-kuxjenza tajba.
Biex imbagħad jeħduha b’ħeffa
akbar kontra influwenzi anqas
xierqa, u biex jiffavorixxu
b’kull mod lil dawk li huma
tajbin, huma għandhom iħabirku
biex jorjentaw u jiffurmaw
il-kuxjenza tagħhom b’mezzi
tajbin.
Dmirijiet tal-ġenituri u
żgħażagħ
10.
Dawk li jirċievu
l-komunikazzjoni, l-aktar
iż-żgħażagħ, iħabirku li
jitħarrġu fl-użu ta’ dawn
l-istrumenti b’moderazzjoni u
dixxiplina; ifittxu barra minn
dan, li jifhmu aħjar il-ħwejjeġ
li jkunu raw, semgħu jew qraw;
jiddiskutu dwarhom mal-edukaturi
tagħhom u ma’ nies kompetenti u
jitgħallmu jsawru fuqhom
ġudizzju tajjeb. Il-ġenituri
mbagħad jiftakru li hu dmirhom
li, bl-għaqal kollu, ikunu
għajnejhom miftuħa li spettakli,
stampa u ħwejjeġ bħal dawn li
jkunu kontra l-fidi u d-drawwiet
tajba ma jidħlux id-dar, u li
wliedhom lanqas ma jiltaqgħu
magħhom imkien ieħor.
Dmirijiet tal-awturi
11.
Responsabbiltà morali speċjali
dwar l-użu tajjeb tal-istrumenti
tal-komunikazzjoni soċjali taqa’
fuq il-ġurnalisti, il-kittieba,
l-atturi, ir-reġisti, l-edituri,
il-produtturi, l-eżebituri,
id-distributuri, l-operaturi u
l-bejjiegħa, il-kritiċi u
l-oħrajn kollha li b’xi mod
ikollhom sehem fit-thejjija u
t-trasmissjoni
tal-komunikazzjonijiet; jidher
biċ-ċar, madankollu, liema huma
u kemm huma kbar
ir-responsabbiltajiet li jaqgħu
fuqhom, fil-kundizzjonijiet li
huma fihom il-bnedmin illum,
meta nafu li bl-informazzjoni li
jagħtu u bl-influwenza li
għandhom huma għandhom
il-possibiltà li jmexxu
l-umanità jew lejn it-tajjeb jew
lejn il-ħażin.
Għalhekk
hu dmirhom li jirregolaw
l-interessi ekonomiċi, politiċi
w artistiċi tagħhom b’mod li
dawn qatt ma jisfgħu ta’ tfixkil
għall-ġid komuni; u biex huma
jilħqu dan b’ħeffa akbar, ħalli
jagħtu isimhom - u jkun ta’ min
ifaħħarhom jekk jagħmlu hekk -
lil dawk l-assoċjazzjonijiet
tal-professjoni tagħhom li
jitolbu mill-membri - jekk hu
meħtieġ ukoll billi jintrabtu bi
ftehim li jħarsu sewwa kodiċi
morali - li jirrispettaw
il-liġijiet morali fil-ħidmiet u
d-dmirijiet professjonali
tagħhom.
Barra minn dan huma għandhom
jiftakru dejjem li l-biċċa
l-kbira tal-qarrejja u
tal-ispettaturi hi magħmula minn
żgħażagħ li jeħtieġu stampa u
spettakli li jagħtu divertiment
xieraq u li jħajru l-ispirtu
tagħhom għal ideali għoljin.
Iħabirku, fuq kollox, biex
il-komunikazzjonijiet li
għandhom x’jaqsmu mar-reliġjon
jingħataw f’idejn nies denji u
mhejjija, u jsiru bir-rispett li
jixirqilhom.
Dmirijiet tal-Awtorità Ċivili
12.
F’dan il-qasam jaqgħu fuq
l-awtorità ċivili dmirijiet
partikolari minħabba l-ġid
komuni li għalih jaħdmu dawn
l-istrumenti. Għaliex hu dmir
tal-istess awtorità, fil-qasam
tagħha li tiddefendi u tħares,
l-aktar dwar l-istampa,
il-libertà vera u ġusta
tal-informazzjoni li s-soċjetà
tal-lum teħtieġ għalkollox
għall-progress tagħha; li tmexxi
'l quddiem ir-reliġjon,
il-kultura u l-arti; li tħares
lil dawk li jirċievu
l-komunikazzjoni sabiex igawdu
ħielsa l-jeddijiet tagħhom. Hu
wkoll dmir tal-awtorità ċivili
li tgħin dawk l-inizjattivi li,
għalkemm huma ta’ siwi
mill-akbar, l-iżjed
għaż-żgħażagħ, ma jkunux jistgħu
isiru mod ieħor.
Fl-aħħarnett, l-istess setgħa
pubblika, li bil-ħaqq kollu
tinteressa ruħha fis-saħħa
ċivika taċ-ċittadini, għandha
d-dmir li tara li, b’ġustizzja u
b’għaqal tagħmel liġijiet u
tapplikahom sewwa sabiex ma
ssirx ħsara, u ħsara kbira
għall-moralità pubblika u
lill-progress tas-soċjetà
mill-użu ħażin ta’ dawn
l-istrumenti. B’din il-ħerqa li
tgħasses dejjem ma tkun imnaqqas
b’ebda mod il-libertà
tal-individwi jew tal-gruppi
soċjali, l-iżjed jekk dawk li bi
professjoni jagħmlu użu minn
dawn l-istrumenti ma jkunux ta’
min jorbot fuqhom.
Barra
minn dan għandha tingħata
attenzjoni speċjali biex
jitħarsu ż-żgħar mill-istampa u
mill-ispettakli li jkunu ta’
ħsara għall-età tagħhom.
KAP II
L-ISTRUMENTI TAL-KOMUNIKAZZJONI
SOĊJALI U
L-APOSTOLAT KATTOLIKU
Ħidma tar-rgħajja u tal-fidili
13.
L-ulied kollha tal-Knisja
għandhom jagħmlu ħilithom,
f’għaqda ta’ spirtu u ta’
skopijiet, mingħajr dewmien u
bl-akbar bżulija, biex
l-istrumeti tal-komunikazzjoni
soċjali, skont x’jitolbu
ċ-ċirkostanzi u ż-żmien,
jitħaddmu tajjeb fil-forom
differenti ta’ apostolat u jaslu
qabel l-inizjattivi ta’ ħsara,
l-iżjed f’dawk in-naħat fejn
il-progress morali u reliġjuż
jeħtieġlu jsir iżjed malajr.
Għalhekk
f’dan il-qasam, ir-rgħajja
mqaddsa għandhom jgħaġġlu li
jaqdu dmir li hu marbut ħafna
max-xogħol ordinarju tagħhom
tal-predikazzjoni; il-lajċi
wkoll, li għandhom sehem
fit-tħaddim ta’ dawn
l-istrumenti, ifittxu li jagħtu
xhieda ta’ Kristu, qabel xejn
billi jagħmlu x-xogħol tagħhom
b’ħila u bi spirtu
tal-apostolat, imbagħad billi
kull wieħed skont kemm jista’,
jikkollaboraw b’mod dirett
mal-azzjoni pastorali tal-Knisja
bis-sehem tagħhom fit-teknika,
fl-ekonomija, fil-kultura u
fl-arti.
Inizjattivi tal-Kattoliċi
14. Qabel xejn wieħed
għandu jinkoraġġixxi l-istampa
onesta. Imbagħad, bl-iskop li
l-qarrejja jimtlew bi spirtu
kollu kemm hu nisrani, jeħtieġ
tinħoloq u tinġieb 'il quddiem
stampa li hija speċifikament
Kattolika, jiġifieri li - kemm
jekk hi mibnija u tiddependi
b’mod dirett mill-Awtorità
nnifisha tal-Knisja, kemm jekk
mibdija minn individwi Kattoliċi
- tixxandar bl-iskop ċar li
tnissel, issaħħaħ u ġġib 'il
quddiem opinjonijiet li jaqblu
mal-jedd naturali u mat-tagħlim
u l-morali Kattolika, u li
xxandar u tgħarraf sewwa l-fatti
li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja
tal-Knisja. Il-fidili, mbagħad,
għandhom ikunu mwissija fuq
il-ħtieġa li jaqraw u jxerrdu
l-istampa Kattolika sabiex ikunu
jistgħu jagħtu ġudizzju nisrani
fuq il-ġrajjiet kollha.
Jeħtieġ
li l-produzzjoni u l-wiri ta’
films - fuq kollox dawk
għaż-żgħażagħ - magħmula għal
divertiment tajjeb u li jiswew
għall-kultura u għall-arti,
jingħataw kull għajnuna li
twassal għal riżultati tajbin
biex ikunu jistgħu jitmexxew 'il
quddiem u jibqgħu isiru. Dan
isir l-aktar billi tingħata
għajnuna lill-intrapriżi u
lill-inizjattivi ta’ produtturi
u distributuri onesti, u li jkun
hemm koordinament tal-mezzi li
bihom dawn l-intrapriżi u dawn
l-inizjattivi jsiru; billi
l-films li jixirqilhom tifħir
ikunu rrikmandati mill-kritiċi u
jingħatawlhom premjijiet; billi
wieħed iġib 'il quddiem u
jsieħeb flimkien is-swali ta’
operaturi kattoliċi u onesti.
Bl-istess
mod għandhom jissaħħu b’għajnuna
siewja t-trasmissjonijiet tajbin
tar-radju u t-televiżjoni, qabel
xejn dawk li jgħoddu
għall-ambjent tal-familja.
Imbagħad għandhom ikunu megħjuna
bis-serjetà ix-xandiriet
Kattoliċi li bihom is-semmiegħa
u l-ispettaturi jkunu mħajra
jieħdu sehem fil-ħajja
tal-Knisja u jissawru
fil-veritajiet reliġjużi. Fejn
ikun meħtieġ għandhom jitwaqqfu
wkoll, bla dewmien,
stazzjonijiet Kattoliċi; iżda
ta’ min iħabrek li
t-trasmissjonijiet tagħhom
jingħażlu minn oħrajn
għall-perfezzjoni u għall-effett
li jagħmlu.
Barra
minn dan wieħed għandu jħabrek
biex l-arti għolja u antika
tat-teatru li llum,
bl-istrumenti tal-komunikazzjoni
soċjali, xterdet ħafna, tagħti
sehem għall-kultura u
l-formazzjoni morali
tal-ispettaturi.
Formazzjoni tal-awturi
15.
Sabiex wieħed jaħseb
għall-ħtieġet murija hawn fuq,
is-saċerdoti, ir-reliġjużi u
l-lajċi wkoll għandhom ikunu
mħarrġa kif inhu xieraq biex
ikunu jistgħu iħaddmu
b’kompetenza dawn l-istrumenti
għal skopijiet ta’ appostolat.
Qabel
xejn il-lajċi għandhom jithejjew
fit-teknika, fil-kultura u
fil-morali u għandu jiżdied
l-għadd tal-iskejjel,
tal-fakultajiet u tal-istuti ta’
tagħlim fejn ġurnalisti, awturi
tal-films u ta’ trasmissjonijiet
tar-radju u tat-televiżjoni u
oħrajn li jinteressaw irwieħhom
jistgħu jiksbu formazzjoni
sħiħa, imsawra bi spirtu
nisrani, l-iżjed fil-qasam
tat-tagħlim soċjali tal-Knisja.
Jeħtieġ ukoll li l-atturi jkunu
mhejjija u megħjuna biex fl-arti
tagħhom ikunu ta’ siwi għall-ġid
tas-soċjetà. U fl-aħħar,
għandhom jithejjew, bil-ħsieb
kollu, il-kritiċi letterarji,
il-kritiċi taċ-ċinematografija,
tar-radju u tat-televiżjoni u
kritiċi oħra sabiex jirnexxu
b’kompetenza fil-materja
tagħhom, u jkunu mgħallma u
mħeġġin biex jagħtu ġudizzju li
fihom jitqiegħed fid-dawl, kif
imiss, l-aspett morali.
Formazzjoni ta’ dawk li jirċievu
l-komunikazzjoi soċjali
16.
L-istrumenti tal-komunikazzjoni
soċjali qegħdin għall-qadi ta’
dawk li jirċievu
l-komunikazzjoni soċjali u li
jvarjaw fl-età u fil-kultura.
L-użu tajjeb ta’ dawn
l-istrumenti jitlob formazzjoni
xierqa u speċifika, fit-teorija
u fil-prattika. Għalhekk jeħtieġ
li l-inizjattivi li jaqdu din
il-formazzjoni - l-iżjed jekk
isiru għaż-żgħażagħ - ikunu
msaħħa u mkattra u mmexxija fuq
il-prinċipji tal-morali
nisranija fl-iskejjel Kattoliċi
ta’ kull grad, fis-Seminarji u
fl-għaqdiet tal-appostolat
tal-lajċi. Biex dan jintlaħaq
aktar malajr, fit-tagħlim
tal-Katekiżmu għandhom jintwerew
u jitfissru d-dottrini u
d-dixxiplina kattolika dwar din
il-materja.
Mezzi u sussidji
17. Tabilħaqq mhux
xieraq għal ulied il-Knisja li
jħallu l-kelma tas-salvazzjoni
tinżamm u tixxekkel ħtija ta’
diffikultajiet tat-teknika jew
ta’ nfiq ta’ flus li jitolbu
dawn l-istrumenti u li huma żgur
kbar ħafna. Għalhekk dan
il-Konċilju Mqaddes iwissihom li
huma nfushom huma marbuta
bid-dmir li jsaħħu u jgħinu
l-ġurnali, il-perjodiċi u
l-inizjattivi
taċ-ċinematografija,
stazzjonijiet u trasmissjonijiet
tar-radju u tat-televiżjoni
kattoliċi li l-għan ewlieni
tagħhom għandu jkun li jxandru u
jiddefendu l-verità u li jieħdu
ħsieb il-formazzjoni nisranija
tas-soċjetà tal-bnedmin;
fl-istess ħin iħeġġeġ ħafna
wkoll assoċjazzjonijiet u
individwi li għandhom
possibilitajiet ekonomiċi jew
tekniċi biex bil-qalb u b’qalb
miftuħa jgħinu bil-ġid u
bil-kompetenza tagħhom lil dawn
l-istrumenti sakemm dawn jaqdu
skopijiet ġenwini ta’ kultura u
ta’ apostolat.
Jum tal-Komunikazzjoni Soċjali
ta’ kull sena
18.
Imbagħad sabiex
l-appostolat tal-Knisja dwar
l-istrumenti tal-komunikazzjoni
soċjali, appostolat li għandu
ħafna għamliet, jissaħħaħ b’mod
iżjed siewi, fid-djoċesijiet
kollha tad-dinja, skont kif
l-isqfijiet jaraw li jkun
l-aħjar, għandu jinżamm jum
fis-sena li fih il-fidili jkunu
mgħallma dwar id-dmirijiet
tagħhom f’dan il-qasam u jkunu
mistiedna biex jagħmlu talb għal
dan il-għan u biex jagħtu xi
flus għall-istess skop. Dawn
il-flus għandhom imorru
bir-reqqa kollha, kif inhu
xieraq, għall-istituzzjonijiet u
inizjattivi tal-Knisja f’dan
il-qasam, skont il-ħtiġiet
tad-dinja kattolika.
Uffiċċju tas-Santa Sede
19.
Fl-eżerċizzju tal-kura pastorali
l-aktar għolja tiegħu dwar
l-istrumenti tal-komunikazzjoni
soċjali, il-Papa għandu biex
jaqdih Uffiċċju speċjali
tas-Santa Sede.
Kompetenza tal-Isqfijiet
20.
Imiss imbagħad lill-Isqfijiet li
jżommu għajnejhom, kull wieħed
fid-djoċesi tiegħu, fuq
l-inizjattivi u l-ħidmiet f’dan
il-qasam, imexxuhom 'il quddiem
u, sa fejn jolqtu l-appostolat
pubbliku, jirregolawhom; dan
jgħodd ukoll għal dawk
l-inizjattivi u ħidmiet li huma
taħt it-tmexxija ta’ reliġjużi
eżenti.
Uffiċċju Nazzjonali
21.
Madankollu, minħabba l-fatt li
biex l-appostolat ikun ta’ siwi
għan-nazzjonijiet, tenħtieġ
l-għaqda tal-fehmiet u
tal-forzi, dan il-Konċilju
Mqaddes jiddigrieta u jordna li
jitwaqqfu kullimkien uffiċċji
nazzjonali għall-istampa,
iċ-ċinema, ir-radju,
it-televiżjoni u li tingħatalhom
kull għajnuna. Id-dmir ewlieni
ta’ dawn l-uffiċċji ikun
għalhekk li huma jaħsbu li tkun
iffurmata tajjeb il-kuxjenza
tal-fidili dwar it-tħaddim ta’
dawn l-istrumenti, u li jġibu 'l
quddiem u jirregolaw kull ħidma
li jagħmlu l-kattoliċi f’dan
il-qasam.
F’kull
nazzjon id-direzzjoni tagħhom
titħalla f’idejn kummissjoni ta’
isqfijiet jew f’idejn isqof
delegat; iżda f’dawn l-istess
uffiċċji jkollhom sehem ukoll
lajċi mrawma fid-dottrina
kattolika u esperti f’din
l-arti.
Assoċjazzjonijiet
internazzjonali
22.
Barra minn dan, minħabba li
l-qawwa ta’ dawn l-istess
strumenti taqbeż it-truf
tan-nazzjonijiet, u donnha
tagħmel lil kull individwu
ċittadin tal-miġemgħa sħiħa
tal-bnedmin, il-ħidmiet
nazzjonali f’dan il-qasam
għandhom ikunu koordinati fuq
pjan internazzjonali wkoll.
L-uffiċċji msemmija f’numru 21
għandhom imbagħad jikkollaboraw
bil-ħeġġa
mal-Organizzazzjonijiet
Kattoliċi Internazzjonali. Iżda
dawn l-Organizzazzjonijiet
Kattoliċi Internazzjonali jkunu
approvati leġittimament biss
mis-Santa Sede u jiddependu
minnha.
GĦELUQ
Istruzzjoni Pastorali
23.
Sabiex il-prinċipji u n-normi
kollha dwar l-istrumenti
tal-komunikazzjoni soċjali
maħruġa minn dan il-Konċilju
Mqaddes jitwettqu, b’mandat
espress tal-Konċilju għandha
tixxandar Istruzzjoni pastorali,
maħsuba mill-Uffiċċju tas-Santa
Sede msemmi f’numru 19,
bl-għajnuna ta’ nies esperti
magħżula min-nazzjonijiet
differenti.
24.
Mill-bqija dan il-Konċilju
Mqaddes jittama li dawn
il-prinċipji u normi li qiegħed
jagħti jintlaqgħu bil-qalb u
jitħarsu bi tjubija mill-ulied
kollha tal-Knisja, b’mod illi,
waqt li jużaw ukoll dawn
l-istrumenti, mhux biss ma
jġarrbux ħsara iżda, bħall-melħ
u d-dawl, itejbu l-art u jdawlu
d-dinja. Barra minn dan
il-Konċilju jħeġġeġ lill-bnedmin
kollha ta’ rieda tajba, l-iżjed
lil dawk li għandhom f’idejhom
dawn l-istrumenti, sabiex
iħabirku li jħaddmuhom biss
għall-ġid tas-soċjetà umana li
x-xorti tagħha, kull jum aktar
minn qabel, tiddependi mill-użu
tajjeb tagħhom. Għalhekk, kif
ġara bix-xogħlijiet il-kbar
tal-arti ta’ żmien ilu, l-Isem
tal-Mulej jingħata glorja b'dawn
l-invenzjonijiet ġodda wkoll,
kif qal l-Appostlu: “Ġesù Kristu
hu dak li kien, fl-imgħoddi,
issa u għal dejjem.” (Lhud
13,8).
4 ta’ Diċembru 1963
Il-votazzjoni fuq dan
id-dokument kienet hekk:
Iva 1960
Le 164 Nulli
|