Laikos

 

DIGRIET TAL-KONĊILJU VATIKAN II

DWAR L-APPOSTOLAT TAL-LAJĊI

APOSTOLICAM ACTUOSITATEM

 

18 ta’ Novembru 1965

 

WERREJ

 

1. Daħla

 

Kap I: IL-VOKAZZJONI TAL-LAJĊI GĦALL-APPOSTOLAT

2. Is-sehem tal-lajċi fil-missjoni tal-Knisja

3. Is-sisien tal-appostolat tal-lajċi

4. Il-ħajja spiritwali fl-appostolat

 

Kap II: L-ISKOPIJIET TAL-APPOSTOLAT TAL-LAJĊI

5. Daħla

6. Appostolat ta’ evanġelizzazzjoni u ta' qdusija

7. L-animazzjoni nisranija tal-ordni temporali

8. Il-ħidma karitattiva

 

Kap III: L-OQSMA DIFFERENTI TAL-APPOSTOLAT

9. Daħla

10. Il-komunitajiet tal-Knisja

11. Il-familja

12. Iż-żgħażagħ

13. L-ambjent soċjali

14. L-ordni nazzjonali u internazzjonali

 

Kap IV: GĦAMLIET DIFFERENTI TA' APPOSTOLAT

15. Daħla

16. L-importanza tal-appostolat individwali

17. L-appostolat individwali f'ċirkostanzi partikolari

18. L-importanza tal-appostolat organizzat

19. Għamliet differenti ta' appostolat organizzat

20. L-Azzjoni Kattolika

21. Rispett għall-assoċjazzjonijiet

22. Il-lajċi li jagħtu rwieħhom għas-servizz tal-Knisja b'mod speċjali

 

Kap V: L-ORDNI LI GĦANDU JKUN IMĦARES FL-APPOSTOLAT

23. Daħla

24. Relazzjoni mal-ġerarkija

25. L-għajnuna li l-kleru għandu jagħti lill-appostolat tal-lajċi

26. Xi mezzi ta' kollaborazzjoni reċiproka

27. Il-kollaborazzjoni mal-insara l-oħra u ma' dawk li mhumiex insara

 

Kap VI: IL-FORMAZZJONI GĦALL-APPOSTOLAT

28. Ħtieġa tal-formazzjoni għall-appostolat

29. Prinċipji għall-formazzjoni tal-lajċi għall-appostolat

30. Min jagħti l-formazzjoni għall-appostolat

31. Formazzjoni skont l-għamla ta' appostolat

32. Għajnuniet siewja għall-appostolat

33. Eżortazzjoni

 


 

 

DIGRIET DWAR L-APPOSTOLAT TAL-LAJĊI

 “APOSTOLICAM ACTUOSITATEM”

 

Daħla

1. Il-Konċilju Mqaddes, bil-ħsieb li jkattar il-ħidma appostolika tal-poplu ta' Alla[1], idur b'ħerqa lejn il-lajċi li dwarhom u dwar is-sehem proprju u għalkollox meħtieġ tagħhom fil-missjoni tal-Knisja huwa diġà fakkar fi bnadi oħra.[2] Għaliex l-appostolat tal-lajċi, li ġej mill-istess sejħa nisranija tagħhom, ma jista' jonqos qatt fil-Knisja. Il-Kotba Mqaddsa nfushom juru ċar kemm kienet spontanja u kotrana din il-kelma tal-lajċi fl-ewwel żminijiet tal-Knisja (cf. Atti 11,19-21; Rum 16,1-16; Fil 4,3).

Żminijietna wkoll jitolbu żelu mhux anqas min-naħa tal-lajċi; anzi l-kundizzjonijiet tal-lum jitolbu minnhom appostolat għalkollox aktar wiesa'. Infatti, iż-żieda kostanti fil-popolazzjoni, il-progress kontinwu fix-xjenza u t-teknoloġija, u r-relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn il-bnedmin, mhux biss wessgħu immensament il-qasam tal-appostolat tal-lajċi li f'parti kbira jista' jintlaħaq minnhom biss, iżda qajmu wkoll problemi ġodda li jitolbu l-impenn ħerqan u l-istudju tagħhom. Dan l-appostolat qed isir iżjed urġenti inkwantu ċerti oqsma tal-ħajja saru, kif kellu jkun, iżjed awtonomi u xi drabi bħal inqatgħu mill-ordni etiku u reliġjuż b'periklu gravi għall-ħajja nisranija. Barra hekk, f'ħafna reġjuni fejn l-għadd ta' saċerdoti huwa żgħir jew, kif xi drabi qiegħed jiġri, is-saċerdoti huma mċaħħda mil-libertà ġusta tal-ministeru tagħhom, il-Knisja bilkemm tista' tkun preżenti u attiva mingħajr il-ħidma tal-lajċi.

Sinjal evidenti tal-ħtieġa urġenti u li tieħu għamliet differenti hija l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu li qiegħed jagħmel il-lajċi iżjed konxji tar-responsabbiltà tagħhom u qiegħed iħeġġiġhom kullimkien għas-servizz ta' Kristu u l-Knisja tiegħu.[3]

F'dan id-digriet il-Konċilju jrid ifisser in-natura, ix-xejra u l-varjetà tal-appostolat tal-lajċi, jagħti wkoll il-prinċipji fundamentali u joħroġ direttivi pastorali biex dan l-appostolat isir b'riżultati aħjar. Dawn il-prinċipji u dawn id-direttivi għandhom jitqiesu bħala normi fir-reviżjoni tal-liġi kanonika dwar l-appostolat tal-lajċi.

 

Kap 1

IL-VOKAZZJONI TAL-LAJĊI GĦALL-APPOSTOLAT

 

Is-sehem tal-lajċi fil-missjoni tal-Knisja

2. Il-Knisja twieldet biex ixxerred is-saltna ta' Kristu mad-dinja kollha għall-glorja ta' Alla l-Missier u biex b'hekk issieħeb il-bnedmin kollha fil-fidwa li ssalva[4] u permezz tal-bnedmin id-dinja kollha tidħol tassew f'relazzjoni ma’ Kristu. L-attività kollha tal-Ġisem Mistiku ta' Kristu għal dan l-iskop tissejjaħ appostolat li l-Knisja, b'modi differenti, teżerċita permezz tal-membri kollha tagħha; is-sejħa nisranija hija, infatti, min-natura tagħha sejħa wkoll għall-appostolat. Bħalma fil-bini ta' ġisem ħaj ebda parti minnu ma tibqa' passiva iżda tieħu sehem fl-istess ħin kemm mill-ħajja tal-ġisem kemm minn ħidmietu, hekk ukoll fil-Ġisem ta' Kristu, li hu l-Knisja, il-ġisem kollu “jsib ir-rabta u l-għaqda tiegħu permezz tal-għekiesi kollha li jservuh skont il-ħidma ta' kull waħda minnhom, biex jikber fih innifsu” (Ef 4,16). Anzi f'dan il-ġisem tant hi kbira r-rabta u l-għaqda tal-membri tiegħu (cf. Ef 4,16), illi membru li ma jaħdimx skont ħiltu biex il-ġisem jikber u jissaħħaħ la jista' jingħad li jiswa lill-Knisja u lanqas lilu nnifsu.

Fil-Knisja hemm ministeri differenti iżda l-missjoni hija waħda. Lill-Appostli u lis-suċċessuri tagħhom ingħata minn Kristu d-dmir li, f'ismu u bis-setgħa tiegħu, jgħallmu, iqaddsu u jiggvernaw. Iżda l-lajċi, li ngħataw sehem mill-uffiċċju saċerdotali, profetiku u rjali ta' Kristu, jagħtu s-sehem proprju tagħhom fil-missjoni tal-poplu kollu ta' Alla fil-Knisja u fid-dinja.[5] Huma jeżerċitaw appostolat awtentiku meta jaħdmu għall-evanġelizzazzjoni u l-qdusija tal-bnedmin u meta huma janimaw u jipperfezzjonaw bl-ispirtu evanġeliku l-ordni tal-ħwejjeġ temporali b'mod illi l-ħidma kollha tagħhom f'dan l-ordni tkun xhieda ċara ta' Kristu u sservi għas-salvazzjoni tal-bnedmin. Billi huwa proprju l-istat tal-lajċi li jgħixu fid-dinja u f'nofs il-ħwejjeġ tad-dinja, huma msejħin minn Alla sabiex, imħeġġin mill-ispirtu nisrani, iħaddmu, bħal ħmira, l-appostolat tagħhom fid-dinja.

Is-sisien tal-appostolat tal-lajċi

3. Il-lajċi jiksbu d-dmir u l-jedd għall-appostolat mill-istess għaqda tagħhom ma' Kristu li hu r-ras tal-Ġisem. Għaliex Kristu nnifsu jaħtarhom għall-appostolat meta huma, permezz tal-Magħmudija, isiru parti mill-Ġisem Mistiku tiegħu u, permezz tal-Griżma, jissaħħu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Huma kkonsagrati biex ikunu saċerdozju rjali u nazzjon qaddis (cf. 1 Pt 2,4-10) biex b'kull ħidma joffru sagrifiċċji spiritwali u jkunu xhieda ta' Kristu fid-dinja. Permezz tas-sagramenti u, l-aktar permezz tal-Ewkaristija, tingħata lilhom u titkattar fihom dik il-karità li hi bħar-ruħ ta' kull appostolat.[6]

L-appostolat isir fil-fidi, fit-tama u fil-karità li l-Ispirtu s-Santu jxerred fil-qlub tal-membri kollha tal-Knisja. Anzi, bil-preċett tal-karità li hu l-akbar kmandament tal-Mulej, l-insara kollha huma mħeġġa biex jagħtu glorja 'l Alla billi jwasslu s-saltna tiegħu u l-ħajja ta' dejjem lill-bnedmin kollha biex jagħrfu 'l Alla wieħed u veru u lil dak li bagħat, Ġesù Kristu (cf. Ġw 17,3). Għalhekk l-insara kollha għandhom id-dmir għoli li jaħdmu sabiex il-bxara divina tas-salvazzjoni tkun magħrufa u milqugħa mill-bnedmin kollha f'kull rokna tad-dinja.

Biex dan l-appostolat isir, l-Ispirtu s-Santu, li jqaddes il-poplu ta' Alla permezz tal-ministeru u tas-sagramenti, jagħti wkoll lill-fidili doni partikolari (cf. 1 Kor 12,7) u “jqassam lil kull wieħed kif jogħġbu” (1 Kor 12,11) sabiex “kull wieħed jgħix skont id-don li jkun irċieva u jinqeda bih għall-ġid tal-oħrajn” u hekk il-fidili jkunu huma wkoll “amministraturi tajbin tal-grazzja ta' Alla” (1 Pt 4,10) biex il-ġisem kollu jikber u jinbena fl-imħabba (cf. Ef 4,16). Kull nisrani, għaliex jirċievi l-kariżmi, ukoll dawk l-aktar semplici, jikseb id-dritt u d-dmir li jħaddimhom għall-ġid tal-bnedmin u għall-bini tal-Knisja fid-dinja u fil-Knisja nnifisha, fil-libertà li jagħti l-Ispirtu s-Santu u f'għaqda mal-aħwa fi Kristu, l-aktar mar-rgħajja tagħhom li għandhom id-dmir li jiġġudikaw jekk in-natura tal-kariżmi tkunx ġenwina u jekk id-doni jkunux qegħdin jitħaddmu tajjeb. Ir-rgħajja jagħmlu dan mhux biex jitfu l-Ispirtu iżda biex jgħarblu kollox u jżommu dak li hu tajjeb (cf. 1 Tes 5,12.19.21).[7]

Il-ħajja spiritwali fl-appostolat

4. L-għajn u l-oriġini tal-appostolat kollu tal-Knisja huwa Kristu, mibgħut mill-Missier. Għalhekk huwa ċar li kemm jagħti frott l-appostolat tal-lajċi jiddependi mill-għaqda vitali tagħhom ma' Kristu bħalma qal il-Mulej innifsu: “Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott: għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15,5). Din il-ħajja ta' għaqda intima ma' Kristu fil-Knisja tieħu l-għajxien tagħha mill-għajnuniet spiritwali li huma komuni għall-fidili kollha, l-aktar is-sehem attiv fil-Liturġija Mqaddsa.[8] Il-lajċi għandhom jużaw dawn l-għajnuniet b'mod illi, waqt li jaqdu bl-onestà d-dmirijiet tagħhom fid-dinja fil-kundizzjonijiet ordinarji tal-ħajja, huma ma jinfirdux mill-għaqda tagħhom ma' Kristu, anzi jkunu qed isaħħuha u jikbru fiha meta jagħmlu x-xogħol tagħhom kif irid Alla. Huwa minn din it-triq li l-lajċi għandhom jgħaddu biex jimxu ’l quddiem fil-qdusija bi spirtu ta' hena, dejjem lesti biex jaħdmu waqt li jfittxu li jegħlbu, bil-prudenza u bis-sabar, id-diffikultajiet.[9] L-ispiritwalità tal-ħajja tagħhom m’għandhiex teskludi la l-ħsieb tal-familja u lanqas l-impenji fil-ħajja sekulari tagħhom skont kif jgħid l-Appostlu, “Kulma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f'isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu” (Kol 3,17).

Ħajja bħal din titlob tħaddim bla heda tal-fidi, tat-tama u tal-karità. Huwa biss fid-dawl tal-fidi u fil-meditazzjoni tal-kelma ta' Alla li wieħed jista', dejjem u kullimkien, jagħraf ’l Alla li fih “aħna ngħixu, nitħarrku u aħna” (Atti 17,28), li f'kull ġrajja tal-ħajja jfittex li jaqra r-rieda tiegħu, li jara lil Kristu fil-bnedmin kollha, kemm dawk li huma qrib kemm dawk li huma barranin, li jagħti bl-onestà kollha ġudizzju dwar il-valur veru u t-tifsira tal-ħwejjeġ temporali fihom infushom u sa fejn jistgħu jiswew biex iwasslu għall-fini tal-bniedem.

Dawk li għandhom din il-fidi jgħixu fit-tama tar-rivelazzjoni ta' wlied Alla u jgħaddu ħajjithom fit-tifkira tas-salib tal-Mulej u tal-qawmien tiegħu mill-mewt. Matul il-pellegrinaġġ ta' din il-ħajja, il-lajċi, moħbijin flimkien ma' Kristu f'Alla u ħielsa mill-jasar tal-għana, waqt li jaspiraw għall-ġid li jibqa' għal dejjem, jagħtu ruħhom għalkollox bil-ġenerożità biex ixerrdu s-saltna t'Alla u biex jibnu u jipperfezzjonaw l-ordni temporali bl-ispirtu nisrani. Fit-tfixkil ta' din il-ħajja huma jsibu qawwa fit-tama għax jafu illi “t-tbatijiet ta' issa ma għandhom xejn x'jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina” (Rum 8,18).

Imqanqlin ’il quddiem mill-imħabba li ġejja minn Alla, huma jagħmlu ġid lil kulħadd, l-aktar lil qrabathom fil-fidi (cf. Gal 6,10), waqt li jwarrbu ’l bogħod minnhom “kull ħażen u kull qerq, ...il-wiċċ b'ieħor, u l-għira u kull xorta ta' tqassis” (1 Pt 2,1) u b'hekk jiġbdu l-bnedmin lejn Kristu. L-imħabba ta' Alla “li ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna” (Rum 5,5) tagħmel lil-lajċi kapaċi li jfissru tassew f’ħajjithom l-ispirtu tal-beatitudnijiet. Għax jimxu wara Kristu fqir, huma la jsewdu qalbhom minħabba n-nuqqas ta’ ġid temporali u lanqas jintefħu bl-abbundanza tiegħu; għaliex ifittxu li jimitaw lil Ġesù umli, ma jixxennqux għal ftaħir fieragħ (cf. Gal 5,26) iżda jfittxu li jogħġbu iżjed lil Alla milli lill-bnedmin u jżommu ruħhom dejjem lesti biex iħallu kollox għal Kristu (cf. Lq 14,26) u li jsofru l-persekuzzjoni minħabba fil-ġustizzja (cf. Mt 5,10) għax jiftakru fi kliem il-Mulej: “Min irid jiġi warajja għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa' salibu, u jimxi warajja” (Mt 16,24). Huma jfittxu li jżommu l-ħbiberija ta' bejniethom u jgħinu lil xulxin f'kull ħtieġa.

Dan il-pjan għall-ħajja spiritwali tal-lajċi għandu jieħu l-karattru partikolari tiegħu mill-istat tagħhom taż-żwieġ jew tal-familja jew taċ-ċelibat jew ta’ romol, mill-kundizzjoni ta’ saħħithom, u mill-attività professjonali u soċjali tagħhom.  Għalhekk huma m’għandhomx jieqfu jiżviluppaw il-kwalitajiet u t-talenti mogħtija lilhom skont dawn il-kundizzjonijiet f’ħajjithom, u għandhom jużaw id-doni li rċevew mill-Ispirtu s-Santu.

Barra minn dan, il-lajċi li mxew wara s-sejħa li kellhom u nkitbu f'xi waħda mill-għaqdiet jew istituti approvati mill-Knisja għandhom ifittxu wkoll li jgħixu bil-fedeltà dik il-karatteristika ta' ħajja spiritwali li hi proprja tal-għaqda jew istitut tagħhom.

Għandhom ukoll jagħtu importanza lill-kompetenza professjonali, is-sens tal-familja, is-sens ċiviku u dawk il-virtujiet li għandhom x'jaqsmu mar-relazzjonijiet soċjali, jiġifieri l-onestà, l-ispirtu ta’ ġustizzja, is-sinċerità, il-kortesija u l-qawwa tal-ispirtu li mingħajrhom ma jistax ikun hemm ħajja tassew nisranija.

Eżempju perfett ta' din il-ħajja spiritwali u appostolika hija l-Verġni l-aktar qaddisa Marija, Reġina tal-Appostli li, waqt li kienet fuq l-art, għaddiet ħajja komuni bħal tal-oħrajn kollha, kollha ħerqana għall-familja u għax-xogħol, iżda hija kienet dejjem intimament marbuta ma’ Binha u kkoperat fl-opra tas-Salvatur b'mod għalkollox singulari. U issa, imtellgħa fis-sema, bl-imħabba tagħha ta' Omm tieħu ħsieb ta' ħut Binha li għadhom pellegrini fuq din l-art u jinsabu fil-periklu u fid-dwejjaq sakemm jitwasslu fil-patrija ta' dejjem.[10] Huma għandhom iqimuha bl-akbar devozzjoni u jafdaw ħajjithom u l-appostolat tagħhom fil-ħarsien tagħha ta' Omm.

 

Kap II

L-ISKOPIJIET TAL-APPOSTOLAT TAL-LAJĊI

 

Daħla

5. L-opra tal-fidwa ta' Kristu, waqt li min-natura tagħha għandha bħala skop li ssalva l-bnedmin, tħaddan ukoll it-tiġdid tal-ordni temporali kollu. Għalhekk il-missjoni tal-Knisja mhijiex biss li twassal il-messaġġ ta' Kristu u l-grazzja tiegħu, iżda wkoll li timla u tipperfezzjona l-ordni temporali bl-ispirtu tal-Evanġelju. Għalhekk, meta l-lajċi jaqdu din il-missjoni tal-Knisja, jeżerċitaw l-appostolat tagħhom kemm fil-Knisja kemm fid-dinja, kemm fl-ordni spiritwali kemm fl-ordni temporali. Dawn - l-ordni temporali u l-ordni spiritwali - għalkemm jingħażlu minn xulxin, huma, fil-ħsieb waħdieni ta' Alla, daqshekk magħqudin illi Alla nnifsu jrid jiġbor fi Kristu d-dinja kollha u jagħmilha fih ħolqien ġdid, l-ewwel u bħala bidu fuq din l-art, imbagħad b'mod perfett u mitmum fl-aħħar jum. Fiż-żewġ ordnijiet - spiritwali u temporali - il-lajċi, li huma fl-istess ħin nies li jemmnu u ċittadini, għandhom il-ħin kollu jitmexxew minn kuxjenza waħda, dik nisranija tagħhom.

Appostolat ta' evanġelizzazzjoni u ta' qdusija

6. Il-missjoni tal-Knisja għandha bħala skop is-salvazzjoni tal-bnedmin li tinkiseb bil-fidi fi Kristu u bil-grazzja tiegħu. Għalhekk l-appostolat tal-Knisja u tal-membri tagħha kollha huwa dirett qabel kollox biex iwassal lid-dinja, bil-kliem u bil-fatti, il-messaġġ ta' Kristu u biex jikkomunika l-grazzja tiegħu. Dan isir l-iżjed permezz tal-ministeru tal-kelma u tas-sagramenti, ministeru li hu fdat b'mod speċjali lill-kleru iżda li fih il-lajċi għandhom ukoll sehem importanti ħafna x'jaqdu sabiex “jissieħbu fil-ħidma għat-tixrid tal-verità” (3 Ġw 8). Huwa l-aktar f'dan il-livell illi l-appostolat tal-lajċi u l-ministeru pastorali jikkumplimentaw lil xulxin.

Huma bla għadd l-okkażjonijiet miftuħa għal-lajċi sabiex iħaddmu l-appostolat tal-evanġelizzazzjoni u tat-tqaddis tal-oħrajn. Ix-xhieda nnifisha tal-ħajja nisranija tagħhom u l-ħidma tajba li huma jagħmlu fi spirtu soprannaturali għandhom il-forza li jiġbdu l-bnedmin lejn il-fidi u lejn Alla; infatti, il-Mulej jgħid: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5,16).

B'danakollu, dan l-appostolat ma jikkonsistix biss fix-xhieda tal-ħajja; l-appostlu tassew ifittex l-okkażjonijiet biex bil-kelma jħabbar lil Kristu kemm lil dawk li ma jemmnux sabiex iwassalhom għat-twemmin, kemm lil dawk li jemmnu sabiex jgħallimhom iżjed, iwettaqhom fil-fidi u jħeġġiġhom għal ħajja aktar ħerqana. ''Għax l-imħabba ta' Kristu ġġegħilna” (2 Kor 5,14), u f'qalb kulħadd għandhom jidwu l-kelmiet tal-Appostlu: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju” (1 Kor 9,16).[11]

Billi fi żmienna qegħdin jinħolqu kwistjonijiet ġodda u qegħdin jixterdu erruri mill-aktar gravi li jfittxu li jdgħajfu s-sisien tar-reliġjon, l-ordni morali u s-soċjetà umana nnifisha, dan il-Konċilju Mqaddes iħeġġeġ bil-qalb lil-lajċi sabiex kull wieħed, skont id-doni tal-intelliġenza u tal-għerf li jkollu, jagħti sehmu b’diliġenza akbar ħalli jfisser, jiddefendi u japplika kif għandu jkun il-prinċipji nsara għall-problemi ta’ żmienna skont il-ħsieb tal-Knisja.

L-animazzjoni nisranija tal-ordni temporali

7. Dwar id-dinja, imbagħad, il-ħsieb ta' Alla hu li l-bnedmin, fi spirtu wieħed, iġeddu l-ħin kollu u jipperfezzjonaw l-ordni temporali.

Ir-realtajiet kollha li jagħmlu l-ordni temporali, jiġifieri l-ġid tal-ħajja u tal-familja, il-kultura, l-ekonomija, l-arti u l-professjonijiet, l-istituzzjonijiet tal-komunità politika, ir-relazzjonijiet internazzjonali u ħwejjeġ oħra bħal dawn, kif ukoll l-evoluzzjoni u l-progress tagħhom, mhux biss huma mezzi li bihom il-bniedem jilħaq l-iskop aħħari tiegħu iżda għandhom ukoll valur proprju tagħhom, li Alla qiegħed fihom, kemm jekk wieħed jikkonsidrahom fihom infushom, kemm jekk wieħed iħares lejhom bħala parti mill-ordni temporali kollu: “U ħares Alla lejn kulma kien għamel, u ara, kollox kien tajjeb ħafna” (Ġen 1,31). Din it-tjubija naturali tal-ħwejjeġ maħluqin tikseb dinjità speċjali mir-relazzjoni tagħhom mal-persuna umana li għas-servizz tagħha nħolqu. Fl-aħħar nett għoġob lil Alla li jiġbor fi Kristu l-ħwejjeġ kollha, kemm dawk naturali kemm dawk soprannaturali, “sabiex ikun hu l-ewwel f'kollox” (Kol 1,18). Din id-destinazzjoni, iżda, mhux biss ma ċċaħħadx l-ordni temporali mill-awtonomija tiegħu, mill-iskopijiet tiegħu, mil-liġijiet tiegħu, mill-mezzi tiegħu u mill-importanza tiegħu għall-ġid tal-bnedmin, anzi tipperfezzjonah fil-qawwa u fil-kobor għoli li huma tiegħu u tagħtih il-ħila jwieġeb għas-sejħa sħiħa tal-bniedem fuq l-art.

Fil-kors tal-istorja, l-użu tal-ħwejjeġ temporali tħammeġ minn vizzji gravi għaliex il-bnedmin, imdgħajfin mid-dnub oriġinali, waqgħu spiss f'ħafna żbalji dwar il-veru Alla, in-natura tal-bniedem u l-prinċipji tal-liġi morali. Bħala konsegwenza ta' hekk, tħassru d-drawwiet u l-istituzzjonijiet tal-bnedmin u, mhux rari, sfat imżebilħa l-persuna umana nnifisha. Fi żmienna wkoll, mhux ftit bnedmin qegħdin jafdaw iżżejjed fil-progress tax-xjenzi naturali u tat-teknika u għalhekk qegħdin jaqgħu bħal f’idolatrija tal-ħwejjeġ temporali u qegħdin isiru aktar ilsiera milli sidien tagħhom.

Huwa dmir tal-Knisja kollha li taħdem bis-sħiħ sabiex il-bnedmin isiru kapaċi jsewwu t-tagħwiġ li sar fl-ordni temporali u jorjentawh lejn Alla permezz ta' Kristu. Imiss lir-rgħajja li jgħidu ċar liema huma l-prinċipji li jirrigwardaw l-iskop tal-ħolqien u l-użu tiegħu, u li joffru għajnuniet morali u spiritwali sabiex l-ordni temporali jiġġedded fi Kristu.

Jeħtieġ li l-lajċi jieħdu f'idejhom it-tiġdid tal-ordni temporali bħala dmir proprju tagħhom u jaħdmu fih b’mod dirett u konkret immexxijin mid-dawl tal-Evanġelju u mqanqlin mill-imħabba nisranija. Jeħtieġ li, bħala ċittadini, jaħdmu id f'id maċ-ċittadini l-oħra, kull wieħed skont il-kompetenza speċifika tiegħu u bir-responsabbiltà proprja tiegħu; jeħtieġ li jfittxu dejjem u kullimkien is-saltna tal-ġustizzja ta' Alla. L-ordni temporali għandu jkun imġedded b’mod illi, waqt li jkunu rispettati għalkollox il-liġijiet tiegħu, fl-istess ħin huwa jinbena skont il-prinċipji ogħla tal-ħajja nisranija u jkun addattat għaċ-ċirkostanzi differenti tal-postijiet, taż-żminijiet u tal-popli. Fost il-ħidmiet ta’ appostolat ta' din ix-xorta għandha post importanti ħafna l-azzjoni soċjali tal-insara li l-Konċilju jixtieq li llum tilħaq l-isfera temporali kollha u l-kultura wkoll.[12]

Il-ħidma karitattiva

8. Waqt li kull ħidma ta' appostolat għandha tibda u tieħu s-saħħa mill-karità, xi ħidmiet huma min-natura tagħhom addattati biex jnbidlu f'espressjoni ħajja tal-karità nnifisha; dawn il-ħidmiet Kristu riedhom ikunu sinjali tal-missjoni messjanika tiegħu (cf. Mt 11,4-5).

L-akbar kmandament tal-liġi huwa li tħobb lil Alla b'qalbek kollha u lil għajrek bħalek innifsek (cf. Mt 22,37-40). Iżda dan il-preċett tal-karità lejn il-proxxmu Kristu għamlu tiegħu u għanieh b'tifsira ġdida meta huwa ried jidentifika lilu nnifsu mal-aħwa l-bnedmin l-oħra bħala l-istess oġġett tal-karità, sewwasew meta qal: “Kulma għamiltu ma' wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25,40). Infatti, meta ħa n-natura umana huwa rabat miegħu bħal f’familja, b’solidarjetà soprannaturali, il-ġens tal-bnedmin kollu kemm hu; huwa stabbilixxa l-karità bħala sinjal karatteristiku tad-dixxipli tiegħu meta qal: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13,35).

Il-Knisja Mqaddsa, bħalma fl-ewwel żmien tagħha għaqqdet l-“agape” mal-ikla ewkaristika u kienet turi ruħha magħquda madwar Kristu bir-rabta tal-karità, hekk f'kull żmien ieħor tingħaraf minn dan is-sinjal tal-imħabba; u kif hija tieħu pjaċir bl-inizjattivi ta' ħaddieħor, hekk hija ssostni li l-ħidmiet tal-karità huma dmir u dritt inaljenabbli tagħha. Għalhekk il-ħniena mal-foqra u l-morda, ukoll dawk li jissejħu ħidmiet karitattivi u ta' għajnuna reċiproka magħmula biex itaffu l-bżonnijiet ta' kull xorta tal-bnedmin, il-Knisja żżommhom b'qima speċjali.[13]

Illum li l-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali saru eħfef, id-distanzi bejn il-bnedmin kważi spiċċaw għalkollox u n-nies li jgħammru fid-dinja saru qishom familja waħda, dawn il-ħidmiet karitattivi saru iżjed urġenti u b'xejra aktar universali. Illum il-ħidma karitattiva tista’ u għandha tħaddan il-bnedmin u l-ħtiġijiet kollha. Kull fejn hemm min hu nieqes mill-ikel u mix-xorb, mill-ilbies, minn dar, mill-mediċini, mix-xogħol, mit-tagħlim, mill-mezzi meħtieġa biex jgħix ħajja tabilħaqq umana, kull fejn hemm min hu milqut mit-taħbit tal-ħajja u minn nuqqas ta' saħħa, jew qiegħed isofri l-eżilju jew il-ħabs, hemmhekk il-karità nisranija għandha tfittixhom u ssibhom, tfarraġhom b'ħerqa u tissollevahom bl-għajnuniet li tagħtihom. Dan l-obbligu hu qabel kollox ta’ dawk l-individwi u l-popli li jgħixu fil-prosperità.[14]

Sabiex dan it-tħaddim tal-karità jkun ’il fuq minn kull suspett u tassew jidher li hu hekk, jeħtieġ li naraw fil-proxxmu x-xbieha ta' Alla li fuqha nħoloq u lil Kristu l-Mulej li lilu tabilħaqq jingħata kull ma jingħata lil min hu fil-bżonn; li nirrispettaw, bl-aqwa delikatezza, il-libertà u d-dinjità tal-persuna li tirċievi l-għajnuna; li t-tjubija tal-intenzjoni ma nħammġuhiex jew għaliex inkunu qegħdin infittxu l-interessi tagħna jew minn xi xewqa li naħkmu fuq l-oħrajn.[15] Jeħtieġ, qabel kollox, li jitħarsu l-eżiġenzi tal-ġustizzja li ma jiġrix li jingħata bħala don ta' karità dak li għandu jingħata b'obbligu ta' ġustizzja; għandhom jitwarrbu mhux biss l-effetti ta' kull deni iżda wkoll il-kawżi tiegħu; l-għajnuna għandha tingħata b'mod illi dawk li jirċevuha jeħilsu, bil-mod il-mod, mid-dipendenza fuq ħaddieħor u jsiru awtosuffiċjenti.

Għalhekk il-lajċi għandhom jagħtu importanza lill-ħidmiet ta’ karità u lill-inizjattivi ta' assistenza soċjali, privata u pubblika, dawk ukoll ta' karattru internazzjonali. B'dawn il-ħidmiet huma jagħtu għajnuna siewja kemm lil individwi kemm lil popli li jinsabu fil-bżonn u jkunu qegħdin jikkoperaw mal-bnedmin kollha ta' rieda tajba.[16]

 

Kap III

L-OQSMA DIFFERENTI TAL-APPOSTOLAT

 

Daħla

9. Il-lajċi jħaddmu l-appostolat tagħhom, li hu ta' għamliet differenti, kemm fil-Knisja kemm fid-dinja. Fit-tnejn hemm miftuħa oqsma differenti ta' attività appostolika. Ser infakkru hawn l-oqsma principali, li huma: il-komunitajiet tal-Knisja, il-familja, iż-żgħażagħ, l-ambjent soċjali, l-ordni nazzjonali u dak internazzjonali. U billi llum in-nisa qegħdin jieħdu dejjem iżjed parti attiva fil-ħajja soċjali kollha, huwa importanti ħafna li huma jieħdu wkoll sehem akbar fl-oqsma differenti tal-appostolat tal-Knisja.

Il-komunitajiet tal-Knisja

10. Il-lajċi, għaliex għandhom sehem mill-uffiċċju ta' Kristu saċerdot, profeta u re, għandhom is-sehem attiv tagħhom fil-ħajja u l-ħidma tal-Knisja. Fi ħdan il-komunitajiet tal-Knisja, il-ħidma tagħhom hija hekk meħtieġa li mingħajrha l-appostolat stess tar-rgħajja ħafna drabi ma jistax jilħaq l-effett sħiħ tiegħu. Infatti l-lajċi li għandhom spirtu tassew appostoliku, bħall-irġiel u n-nisa li kienu jgħinu lil Pawlu fit-tixrid tal-Evanġelju (cf. Atti 18,18.26; Rum 16,3), jipprovdu dak li jonqos lil ħuthom u jagħmlu l-qalb kemm lir-rgħajja kemm lill-membri l-oħra tal-poplu li jemmen (cf. 1 Kor 16,17-18). Għaliex huma, imsaħħin mis-sehem attiv fil-ħajja liturġika tal-komunità tagħhom, jipparteċipaw bil-ħerqa fil-ħidmiet appostoliċi tal-istess komunità; huma jwasslu lill-Knisja l-bnedmin li forsi jkunu mbegħdin minnha; huma jikkoperaw b’impenn magħha meta jikkomunikaw il-kelma ta' Alla l-aktar fit-tagħlim tal-katekiżmu; huma joffru l-kompetenzi tagħhom biex jirrendu iżjed effiċjenti u effettivi l-kura tal-erwieħ u l-amministrazzjoni tal-ġid tal-Knisja.

Il-parroċċa tagħti eżempju ċar ta’ appostolat ta’ komunità għaliex tgħaqqad flimkien id-differenzi umani kollha li hemm fiha u ddaħħalhom fl-universalità tal-Knisja.[17] Il-lajċi għandhom jippruvaw jidraw jaħdmu fil-parroċċa f'għaqda mas-saċerdoti tagħhom;[18] huma għandhom iwasslu fil-komunità tal-Knisja l-problemi tagħhom u dawk tad-dinja u wkoll il-kwistjonijiet li jolqtu s-salvazzjoni tal-bnedmin sabiex jeżaminawhom u jsolvuhom bis-sehem ta' kulħadd; huma għandhom jagħtu, kull wieħed skont il-possibiltajiet tiegħu, il-kontribut tagħhom f'kull inizjattiva appostolika u missjunarja tal-familja ekkleżjastika tagħhom.

Għalhekk huma għandhom irawmu dejjem fihom is-sens tad-djoċesi li tagħha l-parroċċa hija bħal ċellola u jkunu dejjem lesti li jilqgħu l-istedina tar-ragħaj tagħhom biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom fl-inizjattivi djoċesani. Anzi, biex iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-ibliet u taż-żoni rurali,[19] huma m’għandhomx jillimitaw il-koperazzjoni tagħhom għall-parroċċa u għad-djoċesi, iżda għandhom ifittxu li jestenduha għall-oqsma interdjoċesani, nazzjonali u internazzjonali.  Dan għandu jsir iżjed u iżjed għaliex iċ-ċaqliq dejjem jikber tal-popolazzjonijiet, u ż-żieda fir-relazzjonijiet reċiproċi u fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, m’għadhomx jippermettu iżjed illi xi parti mis-soċjetà tibqa' magħluqa fiha nnifisha. Għalhekk jeħtieġ li huma jkollhom għal qalbhom il-ħtiġijiet tal-poplu ta' Alla mxerred mad-dinja kollha. Huma għandhom qabel kollox iqisu bħala tagħhom il-ħidmiet missjunarji billi jagħtuhom għajnuna materjali kif ukoll personali. Huwa, infatti, dmir u unur għall-insara li jroddu lil Alla parti mill-ġid li jirċievu mingħandu.

Il-familja

11. Billi l-Ħallieq ta' kollox qiegħed is-sħubija fiż-żwieġ bħala l-bidu u s-sies tas-soċjetà tal-bnedmin u din is-sħubija għamilha sagrament kbir fi Kristu u fil-Knisja (cf. Ef 5,32), l-appostolat tal-miżżewġin u tal-familji għandu importanza kbira kemm għall-Knisja u kemm għas-soċjetà ċivili.

Il-miżżewġin insara huma, għal xulxin, għal uliedhom u għal dawk li jgħixu magħhom, koperaturi tal-grazzja u xhieda tal-fidi. Għal uliedhom huma dawk li l-ewwel iħabbrulhom il-fidi u jedukawhom fiha; bil-kelma u bl-eżempju huma jiffurmawhom għall-ħajja nisranija u appostolika, jgħinuhom bil-prudenza biex jagħżlu s-sejħa tagħhom u, jekk jaraw li għandhom xi sejħa qaddisa, jinkoraġġuha bl-attenzjoni kollha.

Kien dejjem dmir tal-miżżewġin, iżda llum dan huwa l-akbar parti tal-appostolat tagħhom, li jagħtu xhieda - u din ix-xhieda jwettquha bl-eżempju ta' ħajjithom - tal-indissolubilità u tal-qdusija tar-rabta taż-żwieġ; li jaffermaw bil-qawwa d-dritt u d-dmir mogħti lill-ġenituri u lit-tuturi li jedukaw lil uliedhom b'mod nisrani; li jiddefendu d-dinjità u l-awtonomija leġittima tal-familja. Għalhekk, huma u l-insara kollha għandhom id-dmir li jikkoperaw mal-bnedmin ta' rieda tajba biex dawn id-drittijiet jinżammu sħaħ fil-leġiżlazzjoni ċivili; li fit-tmexxija tas-soċjetà jingħata kas tal-eżiġenzi tal-familji f'dak li għandu x'jaqsam mad-djar fejn jgħixu, mal-edukazzjoni tat-tfal, mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, mas-sigurtà soċjali u mal-piżijiet tat-taxxi; li fl-ippjanar tal-emigrazzjoni jiġi mħares id-dritt li l-membri tal-familja jgħixu flimkien.[20]

Il-familja nnifisha rċeviet mingħand Alla din il-missjoni li tkun l-ewwel ċellola vitali tas-soċjetà. Din il-missjoni taqdiha jekk, bl-imħabba lejn xulxin li jkollhom il-membri tagħha, u bit-talb tagħhom flimkien lil Alla, hija turi ruħha bħala s-santwarju tal-Knisja fid-dar; jekk il-familja kollha tieħu sehem fil-kult liturġiku tal-Knisja; jekk, fl-aħħar nett, hija toffri kenn ġeneruż u ġġib ’il quddiem il-ġustizzja u l-ħidmiet tajba l-oħra li jagħtu servizz lill-aħwa fil-bżonn. Fost il-ħidmiet differenti ta’ appostolat tal-familja wieħed jista' jsemmi dawn li ġejjin: tadotta tfal abbandunati, tilqa' bi tjubija lill-barranin, tieħu sehem fid-direzzjoni tal-iskejjel, tgħin liż-żgħażagħ bil-pariri u b'mezzi materjali, tgħin lill-għarajjes biex iħejju rwieħhom aħjar għaż-żwieġ, tikkollabora fit-tagħlim tal-katekiżmu, tgħin lill-miżżewġin u lill-familji li jkunu f'xi periklu materjali jew morali, tgħin lill-anzjani mhux biss billi tipprovdilhom dak li hu meħtieġ iżda wkoll biex ikollhom sehem kif imiss mill-benefiċċji tal-progress ekonomiku.

Il-familji nsara li fil-ħajja kollha tagħhom jgħixu skont kif jemmnu fl-Evanġelju u jagħtu eżempju ta' x'ifisser żwieġ nisrani, jagħtu lid-dinja xhieda mill-aktar prezzjuża ta' Kristu kull fejn ikunu u f'kull ċirkostanza, iżda l-aktar fil-postijiet fejn ikunu għadhom kemm xterdu l-ewwel żrieragħ tal-Evanġelju, jew fejn il-Knisja tkun għadha fil-bidu tagħha jew tkun qiegħda f'xi periklu kbir.[21]

Biex ikunu jistgħu jilħqu b'aktar ħeffa l-iskop tal-appostolat tagħhom jista' jkun f'waqtu li l-familji jingħaqdu f'xi għaqdiet.[22]

Iż-żgħażagħ

12. Iż-żgħażagħ għandhom influwenza importanti ħafna fis-soċjetà moderna.[23] Iċ-ċirkostanzi tal-ħajja tagħhom, il-mentalità u l-istess relazzjonijiet mal-familja tagħhom tbiddlu profondament. Spiss huma jgħaddu b’wisq ħeffa għal kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi ġodda. Waqt li tikber kuljum dejjem iżjed l-importanza soċjali u politika tagħhom, fl-istess ħin huma jidhru bħal mhux kapaċi biżżejjed biex jerfgħu l-piżijiet ġodda li għandhom.

L-influwenza akbar taż-żgħażagħ fis-soċjetà titlob minnhom attività appostolika proporzjonali, waqt li l-kwalitajiet naturali tagħhom jiddisponuhom ukoll għal din il-ħidma.  Hekk kif isiru aktar konxji tal-personalità tagħhom, huma jitħeġġu mill-gost għall-ħajja u minn ħerqa qawwija biex jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom, u  jixxennqu biex jagħmlu l-parti tagħhom fil-ħajja soċjali u kulturali. Jekk din il-ħeġġa tkun mimlija bl-ispirtu ta' Kristu u mqanqla mill-ubbidjenza u mill-imħabba lejn il-Knisja, wieħed jistenna li tagħti frott kotran ta' ġid. Huma għandhom ikunu tal-ewwel li jagħmlu l-appostolat direttament ma’ żghażagħ oħra, billi jikkonċentraw l-isforzi appostoliċi tagħhom fiċ-ċirku tagħhom, skont il-bżonnijiet tal-ambjent soċjali li jkunu jgħixu fih.[24]

Il-kbar għandhom ifittxu li jiftħu maż-żgħażagħ djalogu ta' ħbieb li jagħti lok lit-tnejn li, waqt li jirbħu d-differenza tal-età, jifhmu lil xulxin u jgħaddu lil xulxin l-għana li kull wieħed minnhom għandu. Il-kbar għandhom iħeġġu liż-żgħażagħ għall-appostolat qabel xejn bl-eżempju u mbagħad, skont l-okkażjoni, bil-pariri għaqlin u b'għajnuna siewja. Min-naħa tagħhom, iż-żgħażagħ għandhom ikollhom rispett għall-kbar u fiduċja fihom, u għalkemm huma miġbudin naturalment għal ħwejjeġ ġodda, għandhom iżda japprezzaw kif jixraq it-tradizzjonijiet tajbin.

It-tfal ukoll għandhom l-attività appostolika tagħhom. Skont il-forzi tagħhom, huma xhieda ħajja ta' Kristu fost sħabhom.

L-ambjent soċjali

13. L-appostolat fil-qasam soċjali, jiġifieri l-impenn biex jissawru bi spirtu nisrani l-mentalità u d-drawwiet, il-liġijiet u l-istrutturi tal-komunità li fiha wieħed jgħix, tant huwa dmir u responsabbiltà tal-lajċi illi ħadd qatt ma jista' jagħmel iżjed u aħjar minnhom. F'dan il-qasam il-lajċi jistgħu jagħmlu l-appostolat ma’ nies li jixbhuhom. Huwa hawnhekk li jikkumplimentaw ix-xhieda tal-ħajja max-xhieda tal-kelma. Huwa hawnhekk, fejn jaħdmu jew jipprattikaw il-professjoni jew jistudjaw, jew fejn joqogħdu jew jgħaddu l-ħin liberu tagħhom jew għandhom il-ħbieb, li huma l-iktar kapaċi li jgħinu lil ħuthom.

Il-lajċi jaqdu din il-missjoni tal-Knisja fid-dinja qabel xejn billi jgħixu skont kif jemmnu u b'hekk isiru dawl tad-dinja; billi jkunu onesti f'kull biċċa xogħol u bl-onestà tagħhom jiġbdu lil kulħadd għall-imħabba ta' dak li hu veru u tajjeb u fl-aħħar iwasslu lil kulħadd għand Kristu u l-Knisja; billi bl-imħabba tal-aħwa jieħdu sehem fil-kundizzjonijiet tal-ħajja, tax-xogħol, tat-tbatijiet u tal-aspirazzjonijiet ta' ħuthom u b'hekk, bil-mod il-mod, u kważi bla ħadd ma jinduna, jiddisponu l-qalb ta' kulħadd għall-ħidma tal-grazzja li ssalva; billi jagħrfu sewwa u ċar x'inhu s-sehem tagħhom fil-bini tas-soċjetà u jagħmlu ħilithom biex jimlew bil-ġenerożità nisranija kull ħidma tagħhom fid-dar, fis-soċjetà u fil-professjoni. Hekk, il-mod kif jgħixu u jaħdmu jippenetra bil-qajla l-qajla fl-ambjent tal-ħajja u tax-xogħol.

Dan l-appostolat għandu jħaddan lil kulħadd, kull fejn ikun hemm l-opportunità; ma għandu jeskludi l-ebda ġid spiritwali jew temporali li dak li jkun ikun kapaċi jagħti. Iżda l-appostli veri ma jikkuntentawx ruħhom b'din il-ħidma; huma jfittxu li jħabbru lil Kristu lill-proxxmu wkoll permezz tal-kelma. Ħafna bnedmin, infatti, jistgħu biss jisimgħu l-Evanġelju u jsiru jafu lil Kristu permezz tal-lajċi li jgħixu qrib tagħhom.

It-tfal ukoll għandhom ix-xogħol appostoliku tagħhom x’jagħmlu. Dejjem skont l-abbiltà tagħhom, huma għandhom ikunu xhieda ħajja ta’ Kristu fost sħabhom.

L-ordni nazzjonali u internazzjonali

14. Il-qasam tal-appostolat fl-ordni nazzjonali u f'dak internazzjonali huwa bla tarf l-aktar fejn il-lajċi huma ministri tal-għerf nisrani. Fil-lealtà lejn in-nazzjon u fil-qadi kuxjenzjuż tad-dmirijiet ċivili, il-kattoliċi għandhom iħossu rwieħhom fl-obbligu li jmexxu 'l quddiem il-veru ġid komuni u jinsistu biex il-piż tal-opinjoni tagħhom jinħass b'mod illi l-poter ċivili jitħaddem bil-ġustizzja u l-liġijiet jkunu jwieġbu għall-preċetti morali u għall-ġid komuni. Il-kattoliċi li huma mħarrġin fil-politika u, kif għandu jkun, huma mwettqin fil-fidi u fit-tagħlim nisrani, m'għandhomx jirrifjutaw li jieħdu karigi pubbliċi għaliex f'dawk il-karigi, jekk huma jeżerċitawhom kif jixraq, jistgħu jġibu 'l quddiem il-ġid komuni u fl-istess ħin iħejju t-triq għall-Evanġelju.

Il-kattoliċi għandhom jikkoperaw mal-bnedmin kollha ta' rieda tajba biex iġibu 'l quddiem kull ma hu veru, kull ma hu ġust, kull ma jiġbed l-imħabba (cf. Fil 4,8). Huma għandhom jiddjalogaw ma’ dawn in-nies bi prudenza u kortesija kbira, u jagħmlu riċerka dwar il-prattiċi soċjali u pubbliċi biex ikunu jistgħu jipperfezzjonawhom fl-ispirtu tal-Evanġelju.

Fost is-sinjali ta' żminijietna ta' min isemmi b'mod speċjali dak is-sens ta' solidarjetà fost il-popli li qed kulma jmur jikber u aktar ma jikber ma jistax jitwaqqaf. Huwa dmir tal-appostolat tal-lajċi li dan is-sens ta' solidarjetà jiżviluppah bil-ħerqa u jibdlu fi mħabba tal-aħwa vera u sinċiera. Barra minn hekk, il-lajċi għandhom ikunu konxji tal-qasam internazzjonali u tal-kwistjonijiet u s-soluzzjonijiet, dottrinali kif ukoll prattiċi, li jqumu f’dan il-qasam, u partikolarment fin-nazzjonjiet li għadhom qed jiżviluppaw.[26]

Dawk kollha li jaħdmu f'nazzjonijiet barranin jew li jagħtuhom xi għajnuna għandhom jiftakru illi r-relazzjonijiet fost il-popli għandhom ikunu tassew skambju ta' ġid fost l-aħwa, fejn kulħadd jagħti u jirċievi. Dawk imbagħad li jsiefru jew minħabba impenji internazzjonali jew minħabba impenji privati jew għall-mistrieħ tagħhom, għandhom jiftakru illi huma kullimkien messaġġiera ta' Kristu li qegħdin jivvjaġġaw u li għandhom iġibu rwieħhom tassew bħala tali.

 

Kap IV

GĦAMLIET DIFFERENTI TA' APPOSTOLAT

 

15. Il-lajċi jistgħu jagħmlu l-appostolat tagħhom jew individwalment jew magħqudin f'komunitajiet jew assoċjazzjonijiet differenti.

L-importanza tal-appostolat individwali

16. L-appostolat li kull individwu għandu jagħmel ġej bl-abbundanza mill-għajn ta' ħajja tassew nisranija (cf. Ġw 4,14) u għalhekk huwa l-bidu u l-kundizzjoni ta' kull appostolat tal-lajċi, ukoll dak organizzat, u xejn ma jista' jissostitwih.

Għal dan l-appostolat, li jagħti frott dejjem u kullimkien u li f'ċerti ċirkostanzi huwa l-uniku wieħed addattat u possibbli, huma msejħin u obbligati l-lajċi kollha, huma ta' liema kundizzjoni huma, ukoll jekk anqas għandhom l-okkażjoni u l-possibbiltà li jikkoperaw fl-għaqdiet.

Ħafna huma l-għamliet ta' appostolat li bihom il-lajċi jibnu l-Knisja, iqaddsu d-dinja u jagħtuha l-ħajja fi Kristu. Għamla partikolari ta' appostolat individwali u sinjal l-aktar addattat għal-lajċi fi żminijietna wkoll, sinjal li juri li Kristu huwa ħaj fl-insara, huwa dak tax-xhieda ta' ħajja sekulari kollha kemm hi mnissla mill-fidi, mit-tama u mill-karità. Bl-appostolat tal-kelma, imbagħad, li f'ċerti ċirkostanzi huwa assolutament meħtieġ, il-lajċi jħabbru lil Kristu, ifissru t-tagħlim tiegħu, ixandruh skont il-kundizzjoni u l-għerf li kull wieħed ikollu, u jistqarruh bil-fedeltà.

Barra minn hekk jeħtieġ li meta l-lajċi, bħala ċittadini ta' din id-dinja, jikkollaboraw f'dak li għandu x'jaqsam mal-bini u t-tmexxija tal-ordni temporali, huma jfittxu, fid-dawl tal-fidi, raġunijiet ogħla mill-ordni temporali nnifsu biex ikomplu jaħdmu fil-ħajja familjari, professjonali, kulturali u soċjali. Meta jkollhom l-okkażjoni, huma għandhom ifissru dawn ir-raġunijiet lill-oħrajn waqt li jżommu quddiem għajnejhom li huma b'hekk isiru koperaturi ta' Alla ħallieq, feddej u li jagħti l-qdusija, u b'hekk ukoll jagħtuh foħrija.

Fl-aħħar nett il-lajċi għandhom jagħtu ħajja lill-ħajja tagħhom bl-imħabba u, skont kif jistgħu, ifissru din l-imħabba bil-fatti.

Huma għandhom jiftakru illi huwa bil-kult pubbliku, bit-talb, bil-penitenza, billi naċċettaw minn rajna x-xogħol u t-taħbit tal-ħajja, li bihom aħna nsiru nixbhu lil Kristu fit-tbatija (cf. 2 Kor 4,10; Kol 1,24), illi huma jistgħu jilħqu lill-bnedmin kollha u jaħdmu għas-salvazzjoni tad-dinja kollha.

L-appostolat individwali f'ċirkostanzi partikolari

17. Dan l-appostolat individwali huwa ta' ħtieġa kbira u ta' urġenza f'dawk l-inħawi fejn il-libertà tal-Knisja hija mfixkla b'mod gravi. F'dawn iċ-ċirkostanzi mill-iżjed diffiċli l-lajċi jissostitwixxu, kif jistgħu, lis-saċerdoti, b'periklu għal-libertà tagħhom u, xi drabi, ukoll għal ħajjithom; huma jgħallmu lil dawk li jgħixu madwarhom it-tagħlim nisrani, jiffurmawhom għall-ħajja reliġjuża, jagħtuhom mentalità kattolika, iħajruhom jirċievu spiss is-sagramenti u jiżviluppaw fihom ħajja ta' tjieba u l-aktar ta' devozzjoni ewkaristika.[27] Il-Konċilju Mqaddes, waqt li bil-qalb kollha jiżżi ħajr lil Alla li fi żminijietna wkoll ma jonqosx li jipprovdi lajċi ta' qawwa erojka fost il-persekuzzjonijiet, iħaddan dawn il-lajċi miegħu bi mħabba ta' missier u bi gratitudni.

L-appostolat individwali jsir b'mod speċjali f'dawk l-inħawi fejn il-kattoliċi huma ftit u mferrxin. F'dawn l-inħawi l-lajċi jagħmlu xogħol ta' appostolat individwali biss, jew għar-raġunijiet imsemmija iżjed 'il fuq jew għal xi raġunijiet speċjali li jistgħu jkunu ġejjin ukoll mill-ħidma professjonali tagħhom; iżda huma jagħmlu tajjeb li jiltaqgħu biex jiddiskutu flimkien fi gruppi żgħar mingħajr ebda għamla riġida ta' għaqda u ta' organizzazzjoni b'mod illi dawn il-laqgħat tagħhom jistgħu dejjem jidhru quddiem l-oħrajn bħala sinjal tal-komunità tal-Knisja u xhieda vera ta' mħabba. Hekk, bil-ħbiberija li jagħtu lil xulxin u bl-esperjenzi li jaqsmu bejniethom, huma jgħinu lil xulxin spiritwalment u jissaħħu biex jirbħu d-diffikultajiet ta' ħajja u ta' ħidmiet wisq iżolati, u biex jagħtu frott dejjem iżjed kotran ta' appostolat.

L-importanza tal-appostolat organizzat

18. L-insara huma msejħin biex jagħmlu l-appostolat individwali tagħhom skont iċ-ċirkostanzi differenti tal-ħajja li huma jkunu qegħdin jgħixu; iżda għandhom jiftakru illi l-bniedem huwa min-natura tiegħu soċjali u illi Alla għoġbu jgħaqqad lil dawk kollha li jemmnu fi Kristu fil-poplu ta' Alla (cf. 1  Pt 2,5-10) u jiġborhom f'ġisem wieħed (cf. 1 Kor 12,12). Għalhekk l-appostolat assoċjat iwieġeb tajjeb ħafna għall-eżiġenza umana u nisranija ta' dawk li jemmnu fi Kristu u fl-istess ħin huwa sinjal tal-komunjoni u tal-unità tal-Knisja fi Kristu li qal: “Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f'ismi hemm inkun jien” (Mt 18,20).

Għaldaqstant l-insara għandhom jeżerċitaw l-appostolat tagħhom fi spirtu ta' għaqda.[28] Huma għandhom ikunu appostli kemm fil-komunitajiet familjari tagħhom, kemm fil-parroċċi u fid-djoċesijiet – li minnhom infushom jesprimu n-natura komunitarja tal-appostolat - kif ukoll fil-gruppi informali li jiddeċiedu li jiffurmaw bejniethom.

L-appostolat assoċjat għandu importanza kbira wkoll għaliex kemm fil-komunitajiet tal-Knisja kemm f’ambjenti differenti, ħafna drabi l-appostolat jitlob li jsir b’azzjoni komuni. Infatti l-għaqdiet li saru biex ikun hemm ħidmiet komuni ta’ appostolat huma ta’ għajnuna għall-membri tagħhom u jiffurmawhom għall-appostolat. Dawn l-għaqdiet jorganizzaw u jmexxu tajjeb il-ħidma appostolika tal-membri tagħhom b'mod illi wieħed jista' jistenna riżultati ħafna iżjed kotrana milli kieku l-individwi kellhom jaħdmu għal rashom.

Fiċ-ċirkostanzi tal-lum, imbagħad, huwa assolutament meħtieġ illi fil-qasam tal-ħidma tal-lajċi jissaħħaħ l-appostolat taħt forma assoċjata u organizzata; infatti hija biss l-għaqda b'saħħitha tal-forzi li tista’ twassal biex tilħaq għalkollox l-iskopijiet kollha tal-appostolat u tħares sewwa l-ġid li jikseb.[29] F'dan il-qasam huwa importanti li l-appostolat jilħaq il-mentalità komuni u l-kundizzjonijiet soċjali ta' dawk li għalihom isir; inkella dawk li jkunu impenjati fl-appostolat ma jkunux kapaċi jirreżistu għall-pressjoni kemm tal-opinjoni pubblika kemm tal-istituzzjonijiet.

Għamliet differenti ta' appostolat organizzat

19. Hemm varjetà kbira ta' għaqdiet ta' appostolat.[30]  Xi wħud għandhom l-istess skop appostoliku ġenerali li għandha l-Knisja; oħrajn għandhom b'mod partikolari l-iskop li jevanġelizzaw u li jqaddsu; oħrajn li jaħdmu għall-animazzjoni nisranija tal-ordni temporali; oħrajn ifittxu li jagħtu b'mod speċjali xhieda ta' Kristu permezz ta' ħidmiet ta' ħniena u ta' karità.

Fost dawn l-assoċjazzjonijiet jeħtieġ li qabelxejn tingħata konsiderazzjoni lil dawk li jfittxu jagħtu rabta aktar intima bejn il-fidi u l-ħajja ta' kuljum tal-membri tagħhom u jsaħħuha. L-għaqdiet mhumiex fini għalihom infushom iżda għandhom iservu lill-missjoni li l-Knisja għandha taqdi għad-dinja; il-forza appostolika tagħhom tiddependi minn kemm huma jkunu qegħdin jikkonformaw ruħhom mal-iskopijiet tal-Knisja u minn kemm l-għaqda kollha u kull membru tagħha jkunu qegħdin jagħtu xhieda nisranija u juru spirtu evanġeliku.

L-impenn universali tal-Knisja, imbagħad, jitlob illi, fid-dawl tal-progress li jkunu qegħdin jagħmlu l-istituzzjonijiet u, fl-istess ħin, tal-iżvilupp imgħaġġel tas-soċjetà moderna, l-inizjattivi appostoliċi tal-kattoliċi jipperfezzjonaw dejjem iżjed l-għamliet ta' assoċjazzjoni tagħhom fil-qasam internazzjonali. L-organizzazzjonijiet internazzjonali kattoliċi jilħqu aħjar l-iskop tagħhom jekk l-għaqdiet li jagħmlu sehem minnhom u l-membri tagħhom jersqu iżjed lejn xulxin u jingħaqdu iżjed.

Sakemm tinżamm ir-relazzjoni li għandu jkun hemm mal-awtorità,[31] il-lajċi għandhom id-dritt iwaqqfu[32] u jmexxu l-assoċjazzjonijiet tagħhom u jingħaqdu ma' dawk li jkunu diġà jeżistu. Iżda għandu jkun evitat it-tixrid tal-forzi li jiġri jekk jitwaqqfu jew jinbdew mingħajr raġuni biżżejjed għaqdiet jew inizjattivi ġodda jew jekk jinżammu ħajjin aktar milli jeħtieġ assoċjazzjonijiet u metodi li jkunu għamlu żmienhom; lanqas ma jaqbel dejjem li għamliet ta' għaqdiet li jkunu twaqqfu f'nazzjon ikunu trasferiti addoċċ f'nazzjonijiet oħra.[33]

L-Azzjoni Kattolika

20. Minn xi għexieren ta' snin ’il hawn, f'ħafna pajjiżi, il-lajċi, waqt li bdew jagħtu rwieħhom dejjem iżjed għall-appostolat, ingħaqdu f'għamliet differenti ta' ħidma u ta' assoċjazzjonijiet. Dawn l-għaqdiet żammew relazzjonijiet dejjem aktar mill-qrib mal-ġerarkija u fittxew li jilħqu u għadhom jaħdmu biex jilħqu skopijiet ta' appostolat awtentiku. Fost dawn l-istituzzjonijiet, u fost istituzzjonijiet bħalhom iżda iżjed antiki, ta' min ifakkar fuq kollox dawk li taw frott l-iżjed kotran lis-saltna ta' Kristu, ukoll jekk kull waħda minnhom kellha mod differenti kif taħdem. Il-papiet u ħafna isqfijiet li, bir-raġun, irrakkomandawhom u mexxewhom, tawhom l-isem ta' “Azzjoni Kattolika” u ħafna drabi ddeskrivewhom bħala l-koperazzjoni tal-lajċi fl-appostolat ġerarkiku.[34]

Dawn l-għamliet ta' appostolat, kemm jekk jissejħu “Azzjoni Kattolika” kemm jekk jissejħu b'xi isem ieħor, illum qegħdin jagħmlu appostolat prezzjuż u lkoll flimkien jiġbru fihom il-karatteristiċi li ġejjin:

a) L-iskop immedjat ta' dawn l-organizzazzjonijiet huwa l-iskop appostoliku tal-Knisja, jiġifieri l-evanġelizzazzjoni u l-qdusija tal-bnedmin, u l-formazzjoni nisranija tal-kuxjenza tagħhom hekk illi jirnexxilhom jimlew il-komunitajiet u l-ambjenti differenti bl-ispirtu tal-Evanġelju;

b) Il-lajċi, waqt li jikkoperaw mal-ġerarkija kif jistgħu jikkoperaw magħha bħala lajċi, jagħtu l-kontribut tal-esperjenza tagħhom u jerfgħu r-responsabbiltà fit-tmexxija ta' dawn l-organizzazzjonijiet, fl-istudju tal-kundizzjonijiet li fihom għandha ssir il-ħidma pastorali tal-Knisja, u fit-tfassil u l-eżekuzzjoni tal-pjanijiet ta' attività;

ċ) Il-lajċi jaħdmu magħqudin flimkien bħal korp organiku wieħed b'mod illi titfisser aħjar fihom il-komunità ekkleżjali u l-appostolat jisfa iżjed effikaċi;

d) Il-lajċi, kemm jekk joffru ruħhom minn jeddhom, kemm jekk ikunu mistednin biex jagħtu l-ħidma u l-koperazzjoni diretta tagħhom lill-appostolat ġerarkiku, jaġixxu taħt id-direzzjoni ogħla tal-istess ġerarkija li tista' tikkonferma wkoll din il-koperazzjoni permezz ta' mandat espliċitu.

L-organizzazzjonijiet li, fil-ġudizzju tal-ġerarkija, għandhom dawn il-karatteristiċi, għandhom jitqiesu bħala “Azzjoni Kattolika”, ukoll jekk, minħabba l-eżiġenzi tal-postijiet u tal-popli, jista' jkollhom għamliet u ismijiet differenti.

Il-Konċilju Mqaddes jirrakkomanda bil-ħerqa dawn l-istituzzjonijiet li jwieġbu żgur f'ħafna pajjiżi għall-ħtiġijiet tal-appostolat tal-Knisja; jistieden lis-saċerdoti u lil-lajċi li jaħdmu fihom biex iħaddmu u jiżviluppaw dejjem iżjed in-noti karatteristiċi li ssemmew iżjed 'il fuq, u biex jikkoperaw dejjem bħal aħwa fil-Knisja mal-għamliet l-oħra kollha tal-appostolat.

Rispett għall-assoċjazzjonijiet

21. L-assoċjazzjonijiet kollha tal-appostolat għandhom ikunu stmati kif jixraq; dawk imbagħad li l-ġerarkija tkun, skont il-ħtieġa taż-żmien u tal-post, faħħret jew irrakkomandat jew iddeċidiet li tistitwixxi għaliex iżjed urġenti, għandhom jingħataw importanza mill-akbar mis-saċerdoti, mir-reliġjużi u mil-lajċi li għandhom, kull wieħed skont kif jista', imexxuhom 'il quddiem. Fost dawn l-għaqdiet ta' min isemmi, l-aktar illum, l-organizzazzjonijiet u l-gruppi internazzjonali tal-kattoliċi.

Il-lajċi li jagħtu rwieħhom għas-servizz tal-Knisja b'mod speċjali

22. Fil-Knisja jistħoqqilhom ġieħ u rakkomandazzjoni partikolari dawk il-lajċi, kemm jekk ċelibi kemm jekk miżżewġin, li jagħtu rwieħhom bil-kompetenza professjonali tagħhom, għal ħajjithom kollha jew għal xi żmien, għas-servizz tal-organizzazzjonijiet tal-appostolat u għall-ħidmiet tagħhom. Għall-Knisja huwa ta' sodisfazzjon kbir li tara jiżdied dejjem aktar l-għadd ta' lajċi li jagħtu s-servizz tagħhom lill-għaqdiet u lill-ħidmiet tal-appostolat, kemm f'pajjiżhom kemm fil-qasam internazzjonali, u wkoll, anzi b'mod speċjali, fil-komunitajiet kattoliċi fil-missjonijiet u fid-djoċesijiet ġodda.

Ir-rgħajja tal-Knisja għandhom jilqgħu bil-qalb u b'sens ta' gratitudni lil dawn il-lajċi u għandhom iqisu illi jkunu ttrattati bl-aħjar mod possibbli skont ma jitolbu l-ġustizzja, l-ekwità u l-karità, l-aktar għal dak li ghandu x'jaqsam mal-għajxien onest tagħhom u tal-familja tagħhom; għandhom iqisu wkoll li dawn il-lajċi jkollhom il-formazzjoni meħtieġa u jirċievu l-konfort spiritwali u l-inkoraġġiment li jeħtieġu.

 

Kap V

L-ORDNI LI GĦANDU JKUN IMĦARES FL-APPOSTOLAT

 

Daħla

23. L-appostolat tal-lajċi, kemm jekk isir minn individwu kemm jekk isir mill-insara magħqudin f'assoċjazzjoni, għandu jagħmel sehem, fl-ordni li jistħoqqlu, mill-appostolat tal-Knisja kollha; anzi huwa element essenzjali tal-appostolat nisrani illi kull appostolat ikun magħmul f'għaqda ma' dawk li l-Ispirtu s-Santu qiegħed biex imexxu l-Knisja ta' Alla (cf. Atti 20,28). Mhux anqas meħtieġa hija l-koperazzjoni bejn l-inizjattivi differenti tal-appostolat, li trid tkun immexxija kif jixraq mill-ġerarkija.

Infatti, biex jissaħħaħ l-ispirtu ta' għaqda, sabiex l-imħabba tal-aħwa tkun tiddi fl-appostolat kollu tal-Knisja, jintlaħqu l-iskopijiet komuni tal-appostolat kollu, u jkunu evitati ċerti piki li jagħmlu l-ħsara, jeħtieġ li l-għamliet kollha ta' appostolat jistmaw lil xulxin u, waqt li tkun irrispettata n-natura proprja ta' kull waħda minnhom, jaħsbu għal koordinament xieraq tal-attivitajiet tagħhom.[35] Dan jaqbel li jsir l-aktar meta xi attività partikolari fil-Knisja tkun titlob l-armonija u l-koperazzjoni appostolika tal-kleru, reliġjuż u djoċesan, tar-reliġjużi kollha u tal-lajċi.

Relazzjoni mal-ġerarkija

24. Huwa dmir tal-ġerarkija li ġġib ’il quddiem l-appostolat tal-lajċi, li tagħti l-prinċipji u l-għajnuniet spiritwali, li tmexxi b'ordni l-eżerċizzju tal-istess appostolat għall-ġid tal-Knisja, u illi tgħasses biex jinżammu d-duttrina u l-ordni.

Ċertament, l-appostolat tal-lajċi jammetti li jista’ jkun hemm relazzjonijiet differenti mal-ġerarkija li jwieġbu għall-għamliet differenti tal-appostolat u tal-iskopijiet tiegħu. Fil-Knisja, infatti, hemm ħafna inizjattivi ta’ appostolat li l-lajċi jibdew b'għażla libera tagħhom u li huma jmexxu bi kriterji prudenti tagħhom. F'ċerti ċirkostanzi huwa b'dawn l-inizjattivi li l-Knisja tista’ taqdi aħjar il-missjoni tagħha; għalhekk il-ġerarkija spiss tfaħħarhom u tirrakkomandahom.[36] Iżda l-ebda inizjattiva m'għandha ssejjaħ lilha nnifisha “Kattolika” jekk ma jkollhiex il-kunsens tal-awtorità ekkleżjastika leġittima.

Xi għamliet tal-appostolat tal-lajċi huma espressament rikonoxxuti iżda b'modi differenti.

Barra hekk, l-awtorità ekkleżjastika tista', għall-eżiġenzi tal-ġid komuni tal-Knisja, tagħżel u ġġib ’il quddiem xi wħud mill-assoċjazzjonijiet ta' appostolat li għandhom skop immedjatament spiritwali u tieħu fihom responsabbiltà speċjali. B'hekk il-ġerarkija tkun qed torganizza l-appostolat b'modi differenti skont ċirkostanzi differenti u tgħaqqad b'rabta akbar xi għamliet ta' appostolat tal-lajċi mal-missjoni appostolika tagħha; fl-istess ħin hija għandha tirrispetta n-natura proprja u l-individwalità ta' kull għamla ta' appostolat u ma tiċħadx lil-lajċi l-libertà li jaġixxu b’inizjattiva tagħhom. F'diversi dokumenti ekkleżjastiċi din il-proċedura tal-ġerarkija tissejjaħ mandat.

Fl-aħħar nett il-ġerarkija tafda lil-lajċi xi dmirijiet li huma marbuta iżjed mill-qrib mad-dmirijiet tar-rgħajja, bħal fit-tagħlim tad-duttrina nisranija, f'xi għemejjel liturġiċi, fil-ħsieb pastorali tal-erwieħ. Bis-saħħa ta' din il-missjoni l-lajċi huma, għal dak li għandu x'jaqsam mal-qadi tad-dmirijiet tagħhom, suġġetti għalkollox għad-direzzjoni ekkleżjastika ogħla.

Għal dak li jolqot il-ħidmiet u l-istituzzjoni tal-ordni temporali, id-dmir tal-ġerarkija ekkleżjastika huwa li tgħallem u tinterpreta b'mod awtentiku l-prinċipji morali li għandhom jitħarsu fil-ħwejjeġ temporali. Il-ġerarkija tista' wkoll tagħti ġudizzju, wara li tiżen kollox u tikseb l-għajnuna ta’ nies li jifhmu, dwar il-konformità ta' dawn il-ħidmiet u ta' dawn l-istituzzjonijiet mal-prinċipji morali u tistabbilixxi x'jeħtieġ isir biex tħares u ġġib 'il quddiem il-ġid ta' ordni soprannaturali.

L-għajnuna li l-kleru għandu jagħti lill-appostolat tal-lajċi

25. L-isqfijiet, il-kappillani u s-saċerdoti l-oħra, kemm tal-kleru djoċesan u kemm tal-kleru reliġjuż, għandhom jiftakru illi l-jedd u d-dmir tal-appostolat huwa komuni għall-fidili kollha, sew kjeriċi sew lajċi, u illi fil-bini tal-Knisja l-lajċi wkoll għandhom is-sehem tagħhom.[37] Għalhekk huma għandhom jaħdmu bħal aħwa mal-lajċi fil-Knisja u għall-Knisja u għandhom jieħdu ħsieb speċjali fix-xogħol appostoliku tagħhom.[38]

Għandhom jintgħażlu bir-reqqa saċerdoti li jkunu ffurmati kif jixraq biex jgħinu fl-għamliet speċjali tal-appostolat tal-lajċi.[39] Dawk li jagħtu rwieħhom għal dan il-ministeru, ladarba jkunu rċevew il-missjoni mill-ġerarkija, ikunu r-rappreżentanti tagħha fil-ħidma pastorali tagħhom; huma għandhom iġibu ’l quddiem ir-relazzjonijiet tal-lajċi magħha waqt li jżommu ruħhom dejjem fidili lejn l-ispirtu u t-tagħlim tal-Knisja. Huma għandhom jimpenjaw ruħhom illi jkattru l-ħajja spiritwali u l-ispirtu appostoliku tal-għaqdiet fdati f'idejhom; għandhom jgħinu bil-pariri għaqlin tagħhom il-ħidma appostolika ħabrieka tagħhom u jinkoraġġixxu l-inizjattivi li jieħdu. Huwa dmir tagħhom illi bid-djalogu kontinwu li jżommu magħhom jistudjaw b'attenzjoni x'jista’ jagħmel l-azzjoni appostolika tal-lajċi aktar effettiva. Iqisu li jġibu ’l quddiem l-ispirtu ta’ unità fi ħdan l-assoċjazzjoni tagħhom u wkoll bejnha u bejn l-organizzazzjonijiet l-oħra.

Fl-aħħar nett ir-reliġjużi, kemm patrijiet kemm sorijiet, għandhom jirrispettaw il-ħidmiet appostoliċi tal-lajċi; fl-ispirtu tal-istituti li huma jħaddnu u skont ir-regoli tagħhom, huma għandhom jagħtu rwieħhom bil-qalb biex iġibu ’l quddiem il-ħidmiet tal-lajċi[40] u jfittxu li jsostnu, jgħinu u jikkompletaw id-dmirijiet tas-saċerdoti.

Xi mezzi ta' kollaborazzjoni reċiproka

26. Sa fejn hu possibbli, fid-djoċesijiet għandu jkun hemm kunsilli li jgħinu fix-xogħol appostoliku tal-Knisja, kemm fil-qasam tal-evanġelizzazzjoni u t-tqaddis tal-erwieħ kemm fil-qasam tal-ħidma karitattiva u soċjali u oqsma oħra; fihom għandhom jikkoperaw flimkien kleru, reliġjużi u lajċi. Dawn il-kunsilli jistgħu jservu għall-koordinament tal-għaqdiet u l-inizjattivi differenti tal-lajċi, fir-rispett dejjem tan-natura u tal-awtonomija ta' kull waħda minnhom.[41]

Għandu jkun hemm kunsilli ta' din l-għamla, jekk jista’ jkun, ukoll fil-qasam parrokkjali, interparrokkjali, interdjoċesan u wkoll fil-livell nazzjonali u internazzjonali.[42]

Barra minn hekk fis-Santa Sede għandu jkun hemm xi segretarjat speċjali li jagħti servizz u ħajja lill-appostolat tal-lajċi u jkun bħal ċentru li b'mezzi addattati jagħti aħbarijiet dwar l-inizjattivi appostoliċi differenti tal-lajċi, jistudja u jagħmel riċerka dwar problemi li jqumu llum f'dan il-qasam u jgħin bil-pariri tiegħu lill-ġerarkija u lil-lajċi fil-ħidmiet appostoliċi tagħhom. F'dan is-segretarjat għandu jkollhom is-sehem tagħhom il-movimenti u l-inizjattivi tal-appostolat tal-lajċi li jeżistu fid-dinja kollha u fih għandhom ukoll jikkoperaw mal-lajċi l-kleru u r-reliġjużi.

Il-kollaborazzjoni mal-insara l-oħra u ma' dawk li mhumiex insara

27. Il-wirt komuni tal-Evanġelju u d-dmir komuni li ġej minnu, li tingħata xhieda nisranija, jirrakkomandaw u ħafna drabi jesiġu l-koperazzjoni tal-kattoliċi mal-insara l-oħra, koperazzjoni li għandha tiġi kemm min-naħa ta' kull membru kemm mill-komunitajiet tal-Knisja. Din il-koperazzjoni għandha tingħata sew fl-attivitajiet sew fl-għaqdiet, kemm fuq il-livell nazzjonali kemm fuq dak internazzjonali.[43]

Il-valuri umani jitolbu wkoll koperazzjoni bħal din mill-insara li qegħdin ifittxu li jagħmlu ħidma appostolika ma’ dawk li mhumiex insara iżda jagħrfu dawn il-valuri.

B'din il-koperazzjoni dinamika u prudenti[44] li għandha importanza kbira fl-attivitajiet temporali, il-lajċi jagħtu xhieda ta' Kristu, Salvatur tad-dinja, u tal-għaqda tal-familja umana.

                                                         

Kap VI

IL-FORMAZZJONI GĦALL-APPOSTOLAT

 

Ħtieġa tal-formazzjoni għall-appostolat

28. L-appostolat jagħti r-riżultati tajba kollha tiegħu biss bis-saħħa ta' formazzjoni diversifikata u sħiħa. Din il-formazzjoni hija meħtieġa mhux biss għaliex hekk jitlob il-progress spiritwali u dottrinali kontinwu tal-lajċi, iżda għaliex hekk jitolbu l-attivitajiet li jagħmlu u li jridu jaddattaw irwieħhom għaċ-ċirkostanzi differenti ta' affarijiet, persuni u dmirijiet involuti fihom. Din il-formazzjoni għall-appostolat għandha tinbena fuq dawk il-ħwejjeġ fondamentali li dan il-Konċilju Mqaddes stabbilixxa u ddikjara bnadijiet oħra.[45] Barra mill-formazzjoni komuni għall-insara kollha, ċerti għamliet ta' appostolat, li mhumiex ftit, jitolbu wkoll, minħabba differenzi fil-persuni u fiċ-ċirkostanzi, formazzjoni speċifika u partikolari.

Prinċipji għall-formazzjoni tal-lajċi għall-appostolat

29. Billi l-lajċi jieħdu sehem fil-missjoni tal-Knisja b'mod proprju tagħhom, il-formazzjoni tagħhom għall-appostolat tieħu ċerti karatteristiċi speċjali mill-istess natura sekulari tal-lajkat u mill-ispiritwalità partikolari tiegħu.

Il-formazzjoni għall-appostolat tissupponi formazzjoni umana sħiħa addattata għan-natura u għall-kundizzjonijiet ta', kull wieħed. Infatti l-lajċi li jafu tajjeb id-dinja ta' żmienna, għandhom ikunu membri attivi tas-soċjetà li fiha jgħixu u jaddattaw irwieħhom għall-kultura tagħha.

Qabel xejn il-lajċi għandhom jitgħallmu jaqdu l-missjoni ta' Kristu u tal-Knisja billi jgħixu bil-fidi fil-misteru divin tal-ħolqien u tal-fidwa, imqanqlin mill-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja lill-poplu ta' Alla u jmexxi lill-bnedmin kollha biex iħobbu lil Alla l-Missier u fih iħobbu wkoll lid-dinja u lill-bnedmin. Din il-formazzjoni trid titqies bħala sies u kundizzjoni ta' kull appostolat li jagħti frott.

Barra mill-formazzjoni spiritwali tenħtieġ tħejjija dottrinali soda, jiġifieri preparazzjoni teoloġika, etika u filosofika skont id-differenzi ta' età, ta’ status u ta' talenti.

Wieħed m'għandu bl-ebda mod iħalli barra l-importanza tal-kultura ġenerali u tal-formazzjoni prattika u teknika.

Biex wieħed iżomm relazzjonijiet umani tajbin jeħtieġ li jġib ’il quddiem il-valuri tassew umani u, qabelxejn, l-arti tal-għajxien flimkien u l-ħidma id f'id bħall-aħwa u l-arti tad-djalogu.

Iżda billi l-formazzjoni għall-appostolat ma tistax tkun biss sempliċi tagħlim teoretiku, il-lajċi għandhom bil-mod il-mod u bil-prudenza, sa mill-bidu tal-formazzjoni tagħhom, jitgħallmu jaraw, jiġġudikaw u jagħmlu kollox fid-dawl tal-fidi, kif ukoll jiffurmaw u jipperfezzjonaw lilhom infushom flimkien mal-oħrajn permezz tal-ħidma stess, u b’hekk jidħlu fis-servizz attiv tal-Knisja.[46] Din il-formazzjoni, li dejjem jeħtieġ tkun ipperfezzjonata minħabba l-fatt li tkun qiegħda l-ħin kollu tikber il-maturità tal-persuna umana u l-problemi jkunu qegħdin jikbru wkoll, titlob tagħrif kuljum aktar profond u ħidma dejjem aktar addattata. Biex wieħed jilħaq dawn l-eżiġenzi kollha tal-formazzjoni jeħtieġ li jżomm quddiem għajnejh l-unità u l-integrità tal-persuna umana b'mod li hekk tinżamm u tiżdied l-armonija u l-ekwilibriju tagħha.

B'hekk il-lajċi jidħlu attivament u fil-fond fir-realtà tal-ordni temporali u jassumu responsabbiltajiet fit-tmexxija tal-ħidmiet kollha tagħha. Fl-istess ħin, bħala membri u xhieda ħajja tal-Knisja, huma jagħmluha preżenti u attiva fil-qalba tar-realtà temporali.[47]

Min jagħti formazzjoni għall-appostolat

30. Il-formazzjoni għall-appostolat għandha tibda sa mill-ewwel edukazzjoni tat-tfal. Iżda jeħtieg b'mod speċjali li jitħejjew għall-appostolat u jimtlew bl-ispirtu tiegħu l-adolexxenti u ż-żgħażagħ. Din il-formazzjoni mbagħad għandha tkun ipperfezzjonata matul il-ħajja kollha hekk kif ikunu jitolbu d-dmirijiet ġodda li l-lajċi jidħlu għalihom. Huwa ċar għalhekk li dawk li jmiss lilhom jagħtu edukazzjoni nisranija għandhom ukoll id-dmir li jagħtu l-formazzjoni għall-appostolat.

Huwa dmir tal-ġenituri fil-familja li jiddisponu lil uliedhom sa minn tfulithom biex jagħrfu li Alla jħobb lill-bnedmin kollha u jgħallmuhom, bil-mod il-mod, l-aktar bl-eżempju, illi huma għandhom ikunu ħerqana li jgħinu lill-proxxmu fil-ħtiġijiet materjali u spiritwali tiegħu. Għalhekk il-familja kollha u l-ħajja tal-membri tagħha flimkien għandhom isiru bħal ħajja ta' taħriġ għall-appostolat.

Barra hekk, it-tfal iridu jkunu edukati b’mod illi joħorġu barra l-limiti tal-familja tagħhom u jinfetħu spiritwalment għall-komunità ekkleżjali u għal dik temporali li huma jgħixu fihom. Il-komunità parrokkjali għandha tilqagħhom b'mod illi jħossu rwieħhom membri ħajjin u attivi tal-poplu ta' Alla. Min-naħa tagħhom is-saċerdoti, fil-katekeżi, fil-ministeru tal-kelma, fid-direzzjoni tal-erwieħ, u fil-ministeri pastorali l-oħra, għandhom iżommu quddiem għajnejhom li jridu jagħtu formazzjoni għall-appostolat.

L-iskejjel, il-kulleġġi u istituzzjonijiet oħra ta' edukazzjoni għandhom ukoll inisslu sens kattoliku u jinkoraġġixxu l-ħidma ta' appostolat. Jekk din il-formazzjoni fl-iskejjel u fl-istituzzjonijiet tkun nieqsa, jew għaliex iż-żgħażagħ ma jmorrux fihom jew għal xi raġuni oħra, għandhom jieħdu ħsiebha b'attenzjoni akbar il-ġenituri, ir-rgħajja pastorali u l-assoċjazzjonijiet ta' appostolat. L-għalliema, imbagħad, u l-edukaturi li bl-istess vokazzjoni u uffiċċju tagħhom jagħmlu forma għolja ta' appostolat tal-lajċi, għandhom ikunu mħarrġa fit-tagħlim meħtieġ u fl-arti pedagoġika li bihom huma jistgħu jagħtu din il-formazzjoni b'riżultati tajbin.

Hekk ukoll il-gruppi u l-għaqdiet tal-lajċi li għandhom bħala skop tal-attività tagħhom l-appostolat, jew xi fini ieħor soprannaturali, għandhom, skont l-iskop u l-possibbiltà tagħhom, iġibu ’l quddiem, b’attenzjoni u bla heda, il-formazzjoni tajba għall-appostolat.[48] Spiss dawn il-gruppi jservu ta’ mezz ordinarju għall-formazzjoni tal-appostolat billi fihom tingħata formazzjoni dottrinali, spiritwali u prattika. Il-membri tagħhom jiltaqgħu fi gruppi żghar ma’ sħabhom jew ħbieb tagħhom, jgħarblu l-metodi u r-riżultati tal-attività appostolika tagħhom u jeżaminaw jekk il-ħajja tagħhom ta’ kuljum taqbilx jew le mal-Evanġelju.

Din il-formazzjoni għandha tkun organizzata b'mod illi tieħu f'konsiderazzjoni l-appostolat tal-lajċi li għandu jsir mhux biss fil-gruppi tal-assoċjazzjonijiet iżda wkoll fiċ-ċirkostanzi kollha tal-ħajja, l-aktar f'dawk tal-ħajja professjonali u soċjali. Anzi huwa dmir ta’ kulħadd, ta’ kull wieħed mill-insara, illi jħejji ruħu sewwa għall-appostolat, u dan isir iżjed urġenti fil-kbar. Infatti, aktar ma wieħed jikber fis-snin, aktar l-ispirtu tiegħu jinfetaħ u jagħraf aħjar it-talenti li bihom Alla żejjen lil ruħu u jħaddem b'aktar frott il-kariżmi li l-Ispirtu s-Santu tah għall-ġid ta' ħutu.

Formazzjoni skont l-għamla tal-appostolat

31. L-għamliet differenti ta' appostolat jitolbu wkoll formazzjoni li tkun twieġeb b'mod partikolari għall-ħtiġijiet tagħhom.

a) Għal dak li jolqot l-appostolat għall-evanġelizzazzjoni u l-qdusija tal-bnedmin jeħtieġ li l-lajċi jkunu ffurmati b'mod partikolari biex jiftħu djalogu mal-oħrajn, kemm dawk li jemmnu kemm dawk li ma jemmnux, sabiex iħabbru lil kulħadd il-messaġġ ta' Kristu.[49]

Iżda billi fi żmienna l-materjaliżmu ta' għamliet differenti qiegħed jixtered kullimkien u fil-wisa', saħansitra fost il-kattoliċi, il-lajċi għandhom mhux biss jitgħallmu aktar bir-reqqa t-tagħlim kattoliku, l-aktar dawk il-punti li fuqhom qegħdin jitqajmu l-kwistjonijiet, iżda għandhom ukoll jagħtu xhieda ta' ħajja kattolika kontra kull forma ta' materjaliżmu.

b) Għal dak li jolqot it-tiġdid nisrani tal-ordni temporali, il-lajċi għandhom ikunu mgħallma dwar it-tifsira vera u l-valur tal-ħwejjeġ temporali, kemm fihom infushom kemm għal dak li għandu x'jaqsam mal-iskopijiet kollha tal-persuna umana; huma għandhom jitħarrġu fl-użu tajjeb tal-ħwejjeġ maħluqa u fl-organizzazzjoni tal-istituzzjonijiet waqt li jżommu dejjem quddiem għajnejhom il-ġid komuni skont il-prinċipji tad-duttrina morali u soċjali tal-Knisja. Il-lajċi għandhom, qabelxejn, jitgħallmu hekk tajjeb il-prinċipji u l-konklużjonijet tad-duttrina soċjali illi jsiru kapaċi kemm li jagħtu l-kontribut tagħhom, sa fejn jistgħu, għall-iżvilupp ta' din id-duttrina, kif ukoll li japplikawha kif jixraq għal kull każ partikolari.[50]

ċ) Billi l-ħidmiet tal-karità u tal-ħniena jagħtu xhieda mill-akbar ta' ħajja nisranija, il-formazzjoni għall-appostolat għandha twassal ukoll biex il-lajċi jagħmlu dawn il-ħidmiet; b'hekk l-insara jidraw, sa minn ċkunithom, jissieħbu fit-tbatija ta' ħuthom il-bnedmin u jgħinuhom bil-ġenerożità meta jkunu fil-bżonn.[51]

Għajnuniet siewja għall-appostolat

32. Il-lajċi li huma mogħtija għall-appostolat diġà għandhom ħafna għajnuniet, jiġifieri laqgħat ta' studju, kungressi, irtiri, eżerċizzi spiritwali, laqgħat, konferenzi, kotba u rivisti sabiex jiksbu tagħrif iżjed profond tal-Kotba Mqaddsa u tad-duttrina kattolika, sabiex jieħdu ħsieb u jkattru l-ħajja spiritwali, u sabiex jagħrfu l-kundizzjonijiet li qiegħda fihom id-dinja u jsibu u jħaddmu l-aħjar metodi ta' ħidma.[52]

Dawn l-għajnuniet ta' formazzjoni jieħdu f'konsiderazzjoni l-għamliet differenti ta' appostolat fl-ambjent li fihom isir.

Għal dan l-iskop twaqqfu wkoll ċentri jew istituti ta' studju għoljin li diġà taw riżultati mill-aħjar.

Dan il-Konċilju Mqaddes jifraħ li ttieħdu inizjattivi bħal dawn u li f'xi postijiet diġà qegħdin jagħmlu ħafna ġid u jixtieq illi dawn l-inizjattivi jittieħdu wkoll f'postijiet oħra fejn jinħass li jkunu meħtieġa.

Għandhom ukoll jitwaqqfu ċentri ta' dokumentazzjoni u ta' studji mhux biss f'materja teoloġika iżda wkoll fl-oqsma tal-istudji tal-antropoloġija, tal-psikoloġija, tas-soċjoloġija u tal-metodoloġija. Dawn iċ-ċentri għandhom jitwaqqfu biex jinkoraġġixxu u jġibu ’l quddiem il-kapaċitajiet intellettwali tal-lajċi, rġiel u nisa, żgħażagħ u adulti, fl-oqsma kollha tal-appostolat.

 

EŻORTAZZJONI

33. Għalhekk il-Konċilju Mqaddes jitlob u jħeġġeġ bil-qalb fil-Mulej lil-lajċi kollha biex iwieġbu bil-ferħ, bil-qalb u b'ġenerożità għal-leħen ta' Kristu, li f'din is-siegħa qiegħed isejħilhom b'insistenza akbar, u għall-qawwa li tqanqal tal-Ispirtu s-Santu. Iż-żgħażagħ għandhom iħossu li dan l-appell qed isir b'mod speċjali għalihom u għandhom jilqgħuh b'ħeġġa u b'qalb kbira. Għaliex il-Mulej qiegħed għal darba oħra, permezz ta' dan il-Konċilju Mqaddes, jistieden lil-lajċi kollha biex jingħaqdu dejjem aktar intimament mill-qrib miegħu u, waqt li jħossu li hu tagħhom dak kollu li hu tiegħu (cf. Fil 2,5), jissieħbu miegħu fil-missjoni tiegħu ta’ salvazzjoni. Il-Mulej qiegħed jibgħathom għal darba oħra f’kull post u belt fejn se jiġi  hu (cf. Lq 10,1) sabiex juru illi huma koperaturi fl-għamliet u modi differenti tal-appostolat waħdieni tal-Knisja li jrid jiġi kontinwament addattat għall-ħtiġijiet ġodda taż-żminijiet. Jalla huma jaħdmu dejjem bil-ġenerożità fix-xogħol tal-Mulej għax jafu illi l-ħidma tagħhom fil-Mulej mhijiex għalxejn (cf. 1 Kor 15,58).

 

18 ta' Novembru 1965

 

Il-votazzjoni ta' dan id-dokument kienet hekk:

Iva 2340, Le 2 (Total 2342)

 


[1] Cf. ĠWANNI XXIII, KA Humanae Salutis, 25 Diċ 1961: AAS 54 (1962) pp.7-10.

[2] Cf. VAT. II, KD dwar il-Knisja, nn.33ss: AAS  57 (1965) pp.39s; cf. ukoll VAT. II, KD dwar il-Liturġija Mqaddsa, nn.26-40: AAS 56 (1964) pp.107-111; Digr. dwar l-istrumenti tal-komunikazzjoni soċjali: AAS 56 (1964) pp.145-153; Digr. dwar l-Ekumeniżmu: AAS 57 (1965) pp.90-107; Digr. dwar il-pastorali tal-Isqfijiet, nn.16,17,18: AAS 58 (1966) pp.680-682; Dikjarazzjoni dwar l-edukazzjoni nisranija, nn.3,5,7: AAS 58 (1966) pp.731-734.

[3] Cf. PIJU XII, Diskors lill-Kardinali, 18 Frar 1946: AAS 38 (1946) pp.101-102; Diskors liż-żgħażagh ħaddiema kattoliċi, 25 Awi 1957: AAS 49 (1957) p.843.

[4] Cf. PIJU XI, IE Rerum Ecclesiae: AAS 18 (1926) p.65.

[5] Cf. VAT. II, KD dwar il-Knisja, n.31: AAS  57 (1965) p.37.

[6] Cf. ibid., n.33, p.39; cf. ukoll n.10, p.14.

[7] Cf. ibid., n.12, p.16.

[8] Cf. VAT II, KD dwar il-Liturġija Mqaddsa, kap I, n.11: AAS 56 (1964) pp.102-103.

[9] Cf. VAT II, KD dwar il-Knisja, n.32: AAS 57 (1965) p.38; cf. ukoll nn.40-41, pp.45-47.

[10] Ibid., n.62, p.63; cf. ukoll n.65, pp.64-65.

[11] Cf. PIJU XI, IE Ubi arcano, 23 Diċ. 1922: AAS 14 (1922) p.659; PIJU XII, IE Summi Pontificatus, 20 Ott 1939: AAS 31 (1939) pp.442-443.

[12] Cf. LJUN XIII, IE Rerum NovarumAAS 23 (1890-91) p.647; PIJU XI, IE Quadragesimo Anno: AAS 23 (1931) p.190; PIJU XII, Messaġġ bir-radju, 1 Ġun 1941: AAS 33 (1941) p.207.

[13] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra: AAS 53 (1961) p.402.

[14] Cf. ibid., pp.440-441.

[15] Cf. ibid., pp.442-443.

[16] Cf. PIJU XII, Diskors lill-Pax Romana M.I.I.C, 25 Apr 1957: AAS 49 (1957) pp.198-299; u l-aktar ĠWANNI XXIII, fil-Laqgħa tal-Kunsill tal-Food and Agriculture Organisation (F.A.O.), 10 Nov 1959: AAS 51 (1959) pp.856,866.

[17] Cf. S. PIJU X, IA Creationis duarum novarum paroeciarum, 1 Gun 1905: ASS 38 (1905) pp.65-67; PIJU XII, Diskors lill-fidili tal-parroċċa ta’ S. Saba, 11 Jan 1953: Discorsi e Radiomessaggi di S.S. Pio XII, XIV (1952-53) pp.449-454; GWANNI XXIII, Diskors lill-kleru u lill-fidili tad-djoċesi suburbikarja ta' Alba, f'Castel Gandolfo, 26 Awi 1962: AAS 54 (1962) pp.656-660.

[18] Cf. LJUN XIII, Diskors, 28 Jan 1894: Acta, 14 (1894) pp.424-425.

[19] Cf. PIJU XII, Diskors lill-kappillani eċċ., 6 Frar 1951: Discorsi e Radiomessaggi di S.S. Pio XII, XII (1950-1951) pp.437-443; 8 Mar 1952: ibid., XIV (1952-53) pp. 5-10; 27 Mar 1953: ibid., XV (1953-54) pp.27-35; 28 Frar 1954: ibid., pp.585-590.

[20] Cf. PIJU XI, IE Casti ConnubiiAAS 22 (1930) p.554; PIJU XII, Messaġġ bir-radju, 1 Jan 1941: AAS 33 (1941) p.203; Diskors lid-delegati tal-Unjoni Internazzjonali tal-Għaqdiet għall-ħarsien tal-jeddijiet tal-familja, 20 Set 1949: AAS  41 (1949) p.552; Diskors lill-Pellegrinaġġ ta' missirijiet Franċiżi f'Ruma, 18 Set 1951: AAS 43 (1951) p.731; Messaġġ bir-radju tal-Milied 1952:  AAS  45 (1953) p.41; ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra, 15 Mej 1961: AAS 53 (1961) pp.429,439.

[21] Cf. PIJU XII, IE Evangelii Praecones, 2 Ġun 1951: AAS 43 (1951) p.514.

[22] Cf. PIJU XII, Diskors lid-delegati f'Kungress tal-Unjoni Internazzjonali tal-għaqdiet għall-ħarsien tal-jeddijiet tal-familja, 20 Set 1949: AAS 41 (1949) p.552.

[23] Cf. S. PIJU X, Diskors lill-Għaqda Kattolika taż-żgħażagħ Franċiżi fuq it-tjubija, ix-xjenza u l-azzjoni, 25 Set 1904: ASS 37 (1904-05) pp.296-300.

[24] Cf. PIJU XII, I Dans quelques semaines lill-Arċisqof ta' Montreal, il-Kanada, għall-Assemblei taż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara tal-Kanada, 24 Mej 1947: AAS 39 (1947) p.257; Messaġġ bir-radju liż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara, Brussell, 3 Set 1950: AAS 42 (1950) pp.640-641.

[25] Cf. PIJU XI, IE Quadragesimo Anno, 15 Mej 1931: AAS 23 (1931) pp.225-226.

[26] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra, 15 Mej 1961: AAS 53 (1961) pp.448-450.

[27] Cf. PIJU XII, Diskors lill-Ewwel Kungress Internazzjonali għall-Appostolat tal-Lajċi, 15 Ott 1951: AAS 43 (1951) p.788.

[28] Cf. ibid., pp.787-788.

[29] Cf. PIJU XII, IE Le Pèlerinage de Lourdes, 2 Lul 1957: AAS 49 (1957) p.615.

[30] Cf. PIJU XII, Diskors lill-Kunsill tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Irġiel Kattoliċi, 8 Diċ 1956: AAS 49 (1957) pp.26-27.

[31] Cf. aktar ’l isfel, kap V, n.24.

[32] Cf. S. Kongr. tal-Konċilju, dwar is-soppressjoni tad-djoċesi ta' Corrientes fl-Arġentina, 13 Nov 1920: AAS 13 (1921) p.139.

[33] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Princeps Pastorum, 10 Diċ 1959: AAS 51 (1959) p.856.

[34] Cf. PIJU XI, I Quae Nobis lill-Kardinal Bertram, 13 Nov 1928: AAS 20 (1928) p.385; cf. ukoll PIJU XII, Diskors lill-Azzjoni Kattolika Taljana, 4 Set 1940: AAS 32 (1940) p.362.

[35] Cf. PIJU XI, IE Quamvis Nostra, 30 Apr 1936: AAS 28 (1936) pp.160-161.

[36] Cf. S. Kongr. tal-Konċilju, dwar is-soppressjoni tad-djoċesi ta' Corrientes fl-Arġentina, 13 Nov 1920: AAS 13 (1931)  pp.137-140.

[37] Cf. PIJU XII, Diskors lit-Tieni Kungress Internazzjonali għall-Appostolat tal-Lajċi, 5 Ott 1957: AAS 49 (1957) p.927.

[38] Cf. VAT. II, KD dwar il-Knisja, n.37: AAS 57 (1965) pp.42-43.

[39] Cf. PIJU XII, EA Menti Nostrae, 23 Set 1950: AAS 42 (1950) p.660.

[40] Cf. VAT II, Digr. dwar it-Tiġdid tal-Ħajja Reliġjuża, n.8: AAS 58 (1966) p.706.

[41] Cf. BENEDITTU XIV, De Synodo Diocesana, I, III, k.IX, nn.VII-VIII: Opera Omnia in tomos XVII distributa, tom. XI (Prato, 1844) pp.76-77.

[42] Cf. PIJU XI, IE Quamvis Nostra, 30 Apr 1936: AAS 28 (1936) pp.160-161.

[43] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra, 15 Mej 1961: AAS 53 (1961) pp.456-457; cf. VAT. II, Digr. dwar l-Ekumeniżmu, Unitatis redintegratio, n.12: AAS 57 (1965) pp.99-100.

[44] Cf. VAT. II, Digr. dwar l-Ekumeniżmu, Unitatis redintegratio, n.12: AAS  57 (1965)  p.100; cf. ukoll il-KD dwar il-Knisja, n.15:  AAS  57 (1965) p.100; cf. ukoll il-KD dwar il-Knisja, n.15: AAS 57 (1965) pp.19-20.

[45] Cf. VAT II, KD dwar il-Knisja, kap II, IV, V: AAS 57 (1965) pp.12-21 u 37-49; cf. ukoll id-Digr. dwar l-Ekumeniżmu, nn. 4,6,7,12: AAS 57 (1965) pp.94,96,97,99,100; cf. ukoll aktar ’il fuq, n.4.

[46] Cf. PIJU XII, Diskors lill-Ewwel Konferenza Internazzjonali tal-Boy Scouts, 6 Ġun 1952: AAS 44 (1952) pp.579-580; ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra, 15 Mej 1961: AAS 53 (1961) p.456.

[47] Cf. VAT II, KD dwar il-Knisja, n.33: AAS 57 (1965), p.39.

[48] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra, 15 Mej 1961: AAS 53 (1961) p.455.

[49] Cf. PIJU XII, IE Sertum laetitiae, 1 Nov 1939: AAS 31 (1939) pp.635-644; Diskors lil-Lawrjati tal-Azzjoni Kattolika Taljana, 24 Mej 1953.

[50] Cf. PIJU XII, Diskors lill-Kungress Internazzjonali tal-Federazzjoni Mondjali tax-Xebbiet Kattoliċi, 18 Apr 1952: AAS 44 (1952) pp. 414-419; Diskors lill-Associazioni Cristiane Lavoratori Italiani (A.C.L.I.), 1 Mej 1955: AAS 47 (1955) pp.403-404.

[51] Cf. PIJU XII, Diskors lid-Delegati tal-Kungress tal-Għaqdiet tal-Karità, 27 Apr 1952: AAS 44 (1952) pp.470-471.

[52] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra, 15 Mej 1961: AAS 53 (1961) p.454.

 

 

revised 29-04-2026