Laikos

 

AD GENTES

Digriet tal-Konċilju Vatikan II dwar

il-Ħidma Missjunarja tal-Knisja

7 ta' Diċembru 1965

 

WERREJ

 

1. Daħla

 

KAP 1 PRINĊIPJI DOTTRINALI

2. Il-pjan tal-Missier

3. Il-missjoni tal-Iben

4. Il-missjoni tal-Ispirtu s-Santu

5. Il-Knisja mibgħuta minn Kristu

6. Il-ħidma missjunarja

7. Għaliex il-ħidma missjunarja u l-ħtieġa tagħha

8. Il-ħidma missjunarja u l-istorja tal-umanità

9. Natura eskatoloġika tal-ħidma missjunarja.

 

KAP II IL-ĦIDMA MISSJUNARJA FIHA NNIFSHA

10. Daħla

 

Art. 1 IX-XHIEDA NISRANIJA

11. Ix-xhieda tal-ħajja nisranija u d-djalogu ma' dawk li mhumiex insara

12. Il-preżenza tal-karità

 

Art. 2 DWAR IL-PREDIKAZZJONI TAL-EVANĠELJU U L-GĦAQDA MILL-ĠDID TAL-POPLU TA' ALLA

13. Evanġeliżżazzjoni u konverżjoni

14. Il-katekumenat u l-bidu tal-ħajja nisranija

 

 Art. 3 KIF ISSIR KOMUNITÀ NISRANIJA

15. It-twelid ta' komunità nisranija

16. Il-kleru Indiġenu

17. Il-formazzjoni tal-katekisti

18. Il-ħajja reliġjuża

 

Kap III IL-KNEJJES PARTIKOLARI

19. Il-progress tal-knejjes ġodda

20. Il-ħidma missjunarja ta' Knejjes partikolari

21. L-appostolat tal-lajċi

22. Id-diversità fl-unità

 

KAP IV IL-MISSJUNARJI

23. Il-vokazzjoni missjunarja

24. Spiritwalità missjunarja

25. Formazzjoni spiritwali u morali

26. Formazzjoni dottrinali u appostolika

27. L-Istituti li jaħdmu fil-missjonijiet

  

Kap V L-ORGANIZZAZZJONI TAL-ĦIDMA MISSJUNARJA

28. Daħla

29. Organizzazzjoni ġenerali

30. L-organiżżazzjoni lokali fil-missjonijiet

31. Koordinament reġjonali

32. Organiżżazzjoni tal-ħidma tal-Istituti

33. Koordinament bejn l-Istituti

34. Koordinament bejn l-istituti xjentifiċi

 

Kap VI IL-KOOPERAZZJONI

35. Daħla

36. Id-dmir missjunarju tal-Poplu ta' Alla kollu

37. Id-dmir missjunarju tal-komunitajiet insara.

38. Id-dmir missjunarju tal-Isqof.

39. Id-dmir missjunarju tal-presbiteri

40. Id-dmir missjunarju tal-Istituti ta' Perfezzjoni

41. Id-dmir missjunarju tal-lajċi

42. Konklużjoni

 


 

Daħla

1.       Il-Knisja, mibgħuta minn Alla lill-ġnus kollha biex tkun “sagrament ta’ salvazzjoni għal kulħadd,”[1] minħabba l-esiġenzi fundamentali tal-kattoliċità tagħha u biex tobdi għall-kmand tal-Fundatur tagħha,[2]  tħabrek biex tħabbar l-Evanġelju lill-bnedmin kollha. L-Appostli, li fuqhom hi mwaqqfa l-Knisja, fuq il-passi ta’ Kristu” xandru l-kelma tal-verità u nisslu l-Knejjes”.[3] Għalhekk huwa dmir tas-suċċessuri tagħhom li dan ix-xogħol jibqa' sejjer biex "il-kelma tal-Mulej tiġri u tissebbaħ" (2 Tess 3,1) u s-saltna ta' Alla titħabbar u titwaqqaf mad-dinja kollha.

          Fil-qagħda tad-dinja tal-lum li qiegħda toħloq kondizzjoni ta' ħajja ġdida għall-umanità, il-Knisja, bħala l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja,[4] għandha sejħa iżjed urġenti biex issalva u ġġedded kull maħluq, biex hekk il-ħwejjeġ kollha jiġġeddu fi Kristu u fih il-bnedmin kollha jsiru familja waħda u poplu wieħed ta' Alla.

          Għalhekk dan l-Imqaddes Sinodu, fil-waqt li jiżżiħajr 'l Alla  għax-xogħol tal-għaġeb li twettaq bil-ħerqa mill-Knisja kollha, jixtieq juri l-prinċipji tal-ħidma missjunarja u jgħaqqad flimkien il-forzi tal-fidili kollha ħalli l-poplu ta' Alla, waqt li jgħaddi mit-triq dejqa tas-salib, ixerred ma' kullimkien is-saltna ta' Kristu, Sid u osservatur tas-sekli,[5] u jhejji t-toroq għall-miġja tiegħu.

 

 

KAP 1

PRINĊIPJI DOTTRINALI

Il-pjan tal-Missier

2.       Il-knisja pellegrina hi minnha nnifisha missjunarja għax hi tieħu l-oriġini tagħha mill-missjoni tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu skont il-pjan ta' Alla l-Missier.[6]

          Dan il-pjan għandu l-bidu tiegħu fl-"għajn tal-imħabba" li hi l-karità ta' Alla l-Missier, li hu l-prinċipju mingħajr prinċipju, mnejn tnissel l-Iben u mnejn ġej l-Ispirtu s-Santu permezz tal-Iben. Huwa l-Missier li għat-tjieba kbira u ħanina tiegħu ħalaqna għax ried Hu, u barra hekk, mingħajr ebda jedd tagħna, sejħilna biex nieħdu sehem mill-ħajja u l-glorja tiegħu. Huwa xerred u ma jieqafx ixerred it-tjieba tiegħu bil-kotra sakemm hu li hu l-ħallieq ta' kollox isir "kollox f'kulħadd" (1 Kor 15,28) u fl-istess ħin jikseb għalih il-glorja u għalina l-hena. U biex ikollhom sehem mill-ħajja tiegħu Alla għoġbu jsejjaħ lill-bnedmin mhux biss wieħed wieħed qisu ma għandhom ebda rabta ma' xulxin, iżda ried jgħaqqadhom f'poplu wieħed li fih uliedu, li kienu mxerrdin, jinġabru ġemgħa waħda.[7]

 

Il-missjoni tal-Iben

3.       Dan il-pjan universali ta' Alla għas-salvazzjoni tan-nisel tal-bnedmin ma jseħħx biss qisu fil-moħbi f'moħħ il-bnedmin, lanqas ma jseħħ b'dawk l-inizjattivi, ukoll reliġjużi, li bihom il-bnedmin ifittxu b'ħafna modi 'l Alla, "u dan għamlu biex huma jfittxu lil Alla u forsi jħossuh b'idejhom u jsibuh,  u tassew mhuwiex 'il bogħod minn kull wieħed minna"(Atti 17,27). Dawn l-inizjattivi jeħtieġ li jkunu mdawla u msaħħa mqar jekk xi drabi, fil-provvidenza ta' Alla, jistgħu jmexxu lill-bniedem biex jagħraf 'l Alla veru u jħejjuh għall-Evanġelju.[8] Iżda Alla, biex iwaqqaf il-paċi jew, fi kliem ieħor, il-komunjoni bejnu u l-bnedmin, u biex isawwar għaqda tal-aħwa bejn il-bnedmin kollha ____ bnedmin li huma midinbin __ iddegrieta li jidħol b'mod ġdid u definittiv fil-ġrajja tal-bnedmin. Dan għamlu billi bagħat lil Ibnu b'ġisem bħal tagħna biex permezz tiegħu jeħles il-bniedem mill-ħakma tad-dlam u tax-xitan[9] u fih jerġa' jħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu.[10]- Lilu, għalhekk, li bih għamel il-ħolqien,[11] ħatru werriet tal-ħwejjeġ kollha, biex fih kollox jinġabar.[12]

          Għaliex Ġesu Kristu ntbagħat fid-dinja bħala vera Medjatur bejn Alla u l-bnedmin. Billi hu Alla, "fih hemm tgħammar il-milja sħiħa tad-divinità fil-ġisem" (Kol 2,9); skont in-natura umana li għandu, hu, Adam ġdid, "mimli bil-grazzja u l-verità" (Ġw 1,14), tqiegħed ras tal-umanità mġedda. Għalhekk l-Iben ta' Alla għadda mit-triq ta' inkarnazzjoni tassew sabiex il-bnedmin ikunu jistgħu jieħdu sehem min-natura divina; minn għani ftaqar għalina sabiex aħna nistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.[13] Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b'fidwa għall-kotra, jiġifieri għall-fidwa ta' kulħadd.[14] Is-Santi Padri dejjem jisħqu bil-qawwa li ma jinfediex dak li Kristu ma għamilx tiegħu.[15] Issa Kristu ħa n-natura umana kollha kemm hi, kif tinsab fina, fil-faqar u l-miżerja tagħna; ħa minnha kollox minbarra d-dnub.[16] Infatti Kristu, li "l-Missier ikkonsagra u bagħtu fid-dinja"(Ġw 10,36), qal fuqu nnifsu: "L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin u d-dawl mill-ġdid lill-għomja. (Luqa 4,18). U darb'oħra: "Għax Bin il-Bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf" (Luqa 19,10).

          Issa dak kollu li darba ħabbar il-Mulej, jew dak kollu li seħħ fih għas-salvazzjoni tan-nisel tal-bnedmin għandu jixxandar u jinxtered sa truf l-art [17] u l-ewwelnett f'Ġerusalemm,[18] hekk li dak li darba seħħ għas-salvazzjoni ta' kulħadd ikollu wkoll, mal-mixja taż-żmien, l-effett tiegħu f'kulħadd.

 

Il-missjoni tal-Ispirtu s-Santu

4.       Biex iseħħ dan kollu Kristu bagħat l-Ispirtu s-Santu mingħand il-Missier biex jagħmel minn ġewwa l-ħidma tiegħu ta' salvazzjoni u jqanqal il-Knisja biex tinfirex. Tabilħaqq, l-Ispirtu s-Santu kien diġa qed jaħdem fid-dinja qabel ma Kristu kien igglorifikat.[19] Iżda kien fil-jum ta' Għid il-Ħamsin li l-Ispirtu s-Santu niżel fid-dixxipli biex jibqa' magħhom għal dejjem[20] u l-Knisja dehret fil-beraħ quddiem il-kotra u, bil-predikazzjoni, nbeda t-tixrid tal-Evanġelju fost il-ġnus; u, fl-aħħar, kien f'dan il-jum li dehret bil-quddiem l-għaqda tal-ġnus kollha fil-kattoliċità tat-twemmin permezz tal-Knisja tal-Patt il-Ġdid li titkellem bl-ilsna kollha, u b'hekk tegħleb it-tixrid ta' Babel.[21]  Kien ukoll nhar Għid il-Ħamsin li bdew "l-Atti tal-Appostli", hekk kif tnissel Kristu meta l-Ispirtu s -Santu niżel fil-Verġni Marija, u hekk kif Kristu tqanqal għax-xogħol tal-ministeru tiegħu meta. waqt li kien qed jitlob, niżel fuqu l-Ispirtu s-Santu.[22]  U l-Mulej Ġesu, qabel ma ta ħajtu minn rajh għad-dinja, waqqaf il-ministeru appostoliku u wiegħed li jibgħat l-Ispirtu s-Santu u dan għamlu b'mod illi t-tnejn, ministeru u ħidma tal-Ispirtu s-Santu, jixxierku dejjem u kullimkien flimkien fix-xogħol tas-salvazzjoni.[23] L-Ispirtu s-Santu, mal-mixja taż-żminijiet, lill-Knisja kollha "jgħaqqadha fi sħubija u fis-servizz, jagħniha b'għotjiet differenti, b'doni ġerarkiċi u b'kariżmi"[24] bħalma r-ruħ tgħajjex lill-ġisem[25], u jsawwab f'qalb il-fidili dak l-ispirtu ta' missjoni li kien imqanqal minn Kristu nnifsu.  Xi drabi, anzi, u dan wieħed jista' jarah b'għajnejh, huwa jaħdem qabel ma tibda l-azzjoni appostolika[26], bħalma, bla ma jaqta' u b'modi differenti, huwa jimxi magħha u jmexxiha.[27]

 

Il-Knisja mibgħuta minn Kristu

5.       Il-Mulej Ġesù sa mill-bidu "sejjaħ lejh lil dawk li ried... u għażel tnax... biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jipprietkaw" (Mk 3,13-14).[28] B'hekk l-Appostli kienu ż-żerriegħa ta' Iżrael il-ġdid, u fl-istess ħin l-oriġini tal-ġerarkija mqaddsa. Meta wara, bil-mewt u l-qawmien tiegħu mill-mewt, il-Mulej temm fih innifsu l-misteri tas-salvazzjoni tagħna u tat-tiġdid ta' kollox, Hu, li kien ingħata kull setgħa fis-sema u fl-art,[29] qabel ma tela' s-sema,[30] waqqaf il-Knisja tiegħu bħala sagrament ta' salvazzjoni u bagħat lill-Appostli fid-dinja kollha bħalma Hu kien intbagħat mill-Missier[31] u ordnalhom: "Morru: mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien'' (Mt 28,19-20). ''Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat'' (Mt 16,15-16). Minn hawn ġej id-dmir tal-Knisja li xxerred il-fidi u s-salvazzjoni ta' Kristu,  dmir li l-Knisja għandha kemm minħabba l-kmand ċar li wiret mill-Appostli l-ordni tal-Isqfijiet, megħjun mill-presbiteri u magħqud mas-suċċessur ta' Pietru li hu l-ogħla Ragħaj tal-Knisja, kemm minħabba l-fatt li Kristu lill-membri tiegħu għaddielhom il-ħajja: ''Fih il-ġisem kollu isib ir-rabta u l-għaqda tiegħu permezz tal-għekiesi kollha li jservuh skont il-ħidma ta' kull waħda minnhom, biex jikber fih innifsu u jinbena fl-imħabba'' (Ef 4,16). Għalhekk il-Knisja tilħaq il-missjoni tagħha meta b'ubbidjenza għall-kmand ta' Kristu u mqanqla mill-grazzja u l-karità tal-Ispirtu s-Santu taħdem b'mod illi tagħmel ruħha preżenti mal-bnedmin u l-ġnus kollha, u, bl-eżempju tal-ħajja tagħha, bil-predikazzzjoni, bis-sagramenti u bil-mezzi l-oħra tal-grazzja hija tmexxihom lejn il-fidi, il-libertà u l-paċi ta' Kristu. B'hekk hija tiftħilhom triq żgura u ħielsa biex jieħdu sehem sħiħ fil-misteru ta' Kristu.

          Billi din il-missjoni tal-Knisja tkompli u, mal-mixja tal-istorja, tiżviluppa l-missjoni ta' Kristu nnifsu li ntbagħat biex iħabbar il-Bxara t-tajba lill-fqar, il-Knisja mqanqla mill-Ispirtu s-Santu, għandha tgħaddi mill-istess triq li minnha mexa Kristu, jiġifieri t-triq tal-faqar, tal-ubbidjenza, tas-servizz u tas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu sal-mewt, triq li minnha, bil-qawmien mill-mewt, ħareġ rebbieħ. Kien sewwasew b'din it-tama li mxew l-Appostli kollha li bil-ħafna tiġrib u t-tbatijiet tagħhom temmu dak li kien jonqos mit-tbatijiet ta' Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja.[32] Demm l-insara kien ukoll ta' sikwit żerriegħa.[33]

 

Il-ħidma missjunarja

6.       Dan id-dmir li l-Ordni tal-Isqfijiet, taħt il-presidenza tas-suċċessur ta' Pietru, għandu jtemm bit-talb u l-kollaborazzjoni tal-Knisja kollha, hu wieħed u l-istess kullimkien u f'kull sitwazzjoni ukoll jekk, minħabba ċirkustanzi differenti, ma jitħaddimx bl-istess mod. Għalhekk id-differenzi li wieħed irid bil-fors jagħraf fil-ħidma tal-Knisja mhumiex ġejjin min-natura intima tal-missjoni nnifisha iżda biss miċ-ċirkustanzi li fihom din il-missjoni titħaddem.

          Dawn il-kondizzjonijiet jiddependu kemm mill-Knisja u kemm mill-popli, gruppi jew bnedmin li lejhom tkun indirizzata l-missjoni. Għax għalkemm il-Knisja għandha f'idejha t-totalità jew, fi kliem ieħor, il-milja tal-mezzi li jwasslu għas-salvazzjoni, minħabba dawn il-kondizzjonijiet mhux dejjem u mhux mill-ewwel tħaddimhom jew tkun tista' tħaddimhom kollha. Fl-esperjenza tagħha biex ittemm il-pjan ta' Alla taf x'jigifieri tibda attività u x'jiġifieri timxi 'l quddiem bil-mod il-mod; anzi xi drabi, wara bidu ta' progress tajjeb, ikollha kontra qalbha terġa' lura għal kollox jew għall-anqas tieqaf fin-nofs jew f'qagħda li ma tissodisfax u li ma tkunx biżżejjed għall-ħtieġa li jkun hemm. Għal dak, imbagħad, li għandu x'jaqsam mal-bnedmin, ġemgħat u popli hija tista' tilħaqhom u tidħol fihom biss bil-mod il-mod u hekk tħaddanhom fil-milja kattolika. Iżda għal kull kondizzjoni jew qagħda teħtieġ attività li tkun twieġeb sewwa għall-bżonnijiet li jkun hemm; jeħtieġ, jiġifieri, jitħaddmu mezzi addattati.

          ''Missjonijiet'' hu l-isem li komunement jingħata lil dawk l-inizzjattivi tal-ħabbara tal-Evanġelju li jintbagħtu mill-Knisja mad-dinja kollha bid-dmir li jxandru l-Evanġelju u jwaqqfu l-Knisja stess fost il-ġnus u l-ġemgħat li għadhom ma jemmnux fi Kristu. Dawn l-inizzjattivi jirrealizzaw ruħhom bil-ħidma missjunarja u ġeneralment isiru f'territorji determinati magħrufa mis-Santa Sede. L-iskop propju ta' din il-ħidma missjunarja hu l-evanġelizzazzjoni u t-twaqqif tal-Knisja fost il-ġnus jew ġemgħat li fihom għad ma għamlitx l-għeruq.[34] U hekk, miż-żerriegħa li hi l-kelma ta' Alla, jitwieldu knejjes awtoktoni partikolari mwaqqfin f'għadd biżżejjed mad-dinja kollha. Ħalli jikbru dawn il-knejjes, mogħnija b'enerġija u b'maturità propja, b'ġerarkija tagħhom li tkun f'għaqda mal-poplu nisrani u b'mezzi biżżejjed biex jgħixu bis-sħiħ il-ħajja nisranija! U ħalli jagħtu sehemhom għall-ġid tal-Knisja kollha! Il-mezz ewlieni għat-twaqqif ta' dawn il-knejjes huwa l-predikazzjoni tal-Evanġelju ta' Ġesù Kristu, Kien għat-tixrid tal-Evanġelju li l-Mulej bagħat lid-dixxipli tiegħu mad-dinja kollha sabiex hekk il-bnedmin, imweldin mill-ġdid bil-kelma ta' Alla[35], jingħaqdu bil-magħmudija mal-Knisja li, għaliex hi l-ġisem tal-Verb magħmul bniedem, tieħu l-ikel u l-ħajja mill-kelma ta' Alla u mill-ħobż ewkaristiku.[36]  F'din il-ħidma missjunarja tal-Knisja jiżviluppaw u xi drabi jitħalltu sitwazzjonijiet differenti: l-ewwel dawk tal-bidu jew tat-twaqqif tal-Knisja, mbagħad dawk ta' komunità ġdida jew żagħżugħa. Meta jgħaddu dawn il-perijodi l-ħidma missjunarja ma tiqafx; ikun imiss anzi lill-Knejjes partikolari, ġa mwaqqfa, li jissuktaw din il-ħidma u jħabbru l-Evanġelju lil dawk kollha li jkunu għadhom barra mill-Knisja u li kull wieħed minnhom.

          Barra minn dan, il-gruppi li fihom tinsab il-Knisja jgħaddu ta' sikwit minn evoluzzjoni sħiħa li tibdel iċ-ċirkustanzi mill-għeruq u għalhekk jinħolqu fihom kondizzjonijiet għalkollox ġodda. Meta jiġri dan ikun imiss lill-Knisja li tiddeċiedi jekk dawn il-kondizzjonijiet jeħtiġux il-ħidma missjunarja tagħha mill-ġdid.

          Jingħataw ukoll, xi drabi, kondizzjonijiet li fihom ma jkunx possibli. għal xi żmien, li jixxandar l-Evanġelju b'mod dirett u immedjat. Meta jiġri dan il-missjunarji jistgħu, u għandhom, bis-sabar, bil-prudenza u, fl-istess ħin, b'fiduċja kbira, jagħtu għall-anqas xhieda tal-karità u tat-tjubija ta' Kristu u b'hekk iħejju t-triq għall-Mulej u jagħmluh b'xi mod preżenti.

          Jidher b'hekk ċar illi l-ħidma missjunarja toħroġ essenzjalment min-natura stess tal-Knisja. Hija xxerred il-fidi fejjieda u tħabbar u tipperfezzjona l-unità kattolika tal-Knisja, tieħu s-saħħa tagħha mill-appostoliċità tagħha, tħaddem l-impenn kolleġġjali tal-ġerarkija, tagħti xhieda tal-qdusija tagħha, ixxerridha u ġġibha 'l quddiem. Hekk il-ħidma missjunarja fost il-ġnus tingħażel mill-hidma pastorali li ssir fost il-fidili u mill-ħidma li ssir fost il-fidili u mill-ħidma li ssir biex terġa' sseħħ l-unità bejn l-insara. B'dana kollu dawn iż-żewġ ħidmiet __ dik pastorali u dik ekumenika ___ huma marbutin sewwa t-tnejn mal-ħerqa missjunarja tal-Knisja[37] għax il-firda bejn l-insara tagħmel ħsara kbira lill-kawża qaddisa tal-predikazzjoni tal-Evanġelju lill-ħolqien kollu[38] u lil ħafna tagħlqilhom it-triq għall-fidi. Għalhekk, billi l-missjonijiet huma meħtieġa, l-imgħammdin kollha huma msejħa biex jingħaqdu f'merħla waħda u hekk jkunu jistgħu jagħtu flimkien u qalb waħda xhieda ta' Kristu, il-Mulej tagħhom, quddiem il-ġnus. Għad li għalissa l-imgħammdin ma jistgħux jagħtu xhieda sħiħa ta' fidi waħda, huma għandhom għall-anqas jkunu mħeġġa b'rispett u mħabba għal xulxin.

         

Għaliex il-ħidma missjunarja u l-ħtieġa tagħha

7.       Ir-raġuni tal-ħidma missjunarja ħierġa mir-rieda ta' Alla ''li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verità. Għax wieħed hu Alla u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala prezz tal-fidwa għal kulħadd'' (1Tim 2,4-6), ''u f'ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni (Atti 4,2). Jeħtieġ għalhekk li l-bnedmin kollha jduru lejh wara li jkunu għarfu bil-predikazzjoni u, permezz tal-Magħmudija, isiru ġisem wieħed miegħu u mal-Knisja li hi l-Ġisem tiegħu. Għaliex Kristu nnifsu ''waqt li għamel espressament enfasi fuq il-ħtieġa tal-fidi u tal-Magħmudija[39] fl-istess waqt ikkonferma l-ħtieġa tal-Knisja li fiha l-bnedmin jidħlu, bħal minn bieb, permezz tal-Magħmudija. Għalhekk ma jistgħux isalvaw dawk il-bnedmin li, għalkemm jafu li Alla permezz ta' Ġesù Kristu, waqqaf il-Knisja Kattolika bħala neċessarja, ma jridux jidħlu fiha jew jipperseveraw fiha'' [40]. Għalhekk, għalkemm Alla lill-bnedmin li mingħajr ħtija tagħhom ma jafux bl-Evanġelju xorta waħda jista' jwassalhom għall-fidi li mingħajrha ma jistax jkun li wieħed jogħġob lil Alla,[41] u dan jagħmlu billi jgħaddihom minn toroq li jafhm hu, b'dana kollu jibqa' dmir tal-Knisja[42] u fl-istess ħin jedd qaddis tagħha li tevanġeliżża. Għalhekk il-hidma missjunarja għadha żżomm illum, bħal dejjem, il-validità u l-ħtieġa sħiħa tagħha.

          Bis-saħħa ta' din il-ħidma l-Ġisem mistiku ta' Kristu jiġbor bla ma jaqta' u jibni l-forzi tiegħu[43] biex jikber fih innifsu. Il-membri tal-Knisja jitqanqlu biex jagħmlu din il-ħidma missjunarja mill-karità li biha jħobbu 'l Alla u li biha huma jixtiequ jaqsmu mal-bnedmin kollha l-ġid spiritwali kemm ta' din il-ħajja kemm tal-ħajja li ġejja.

          B'riħet din il-ħidma missjunarja, fl-aħħarnett, Alla jissebbaħ għalkollox għaliex il-bnedmin jilqgħu l-opra tiegħu ta' salvazzjoni li huwa temm fi Kristu u jilqgħuha għax jagħrfuha u jaċċettawha għalkollox. B'hekk bis-saħħa tal-ħidma missjunarja jseħħ il-pjan ta' Alla li Kristu temm bi spirtu ta' ubbidjenza u ta' mħabba għall-glorja tal-Missier li bagħtu,[44] jigifieri li l-ġens kollu tal-bnedmin isir poplu wieħed ta' Alla, jingħaqad fil-ġisem wieħed ta' Kristu, jinbena f'tempju wieħed tal-Ispirtu s-Santu. Dan kollu jġib il-ftehim tal-aħwa u jwieġeb għal xewqa intima tal-bnedmin. B'hekk tassew iseħħ fl-aħħar il-pjan tal-Ħallieq li ħalaq il-bniedem u għamlu sura u xebh tiegħu meta dawk kollha li jagħmlu sehem min-natura umana u jkunu twieldu mill-ġdid fi Kristu permezz tal-Ispirtu s-Santu jkunu jistgħu jaraw flimkien il-glorja ta' Alla u jgħidu qalb waħda ''Missierna''.[45]

 

Il-ħidma missjunarja fil-ħajja u l-istorja tal-umanità

8.       Il-ħidma missjunarja għandha relazzjoni mill-qrib ukoll man-natura umana nnifisha u mal-aspirazzjonijiet tagħha. Tabilħaqq, bil-fatt stess li hi tħabbar lil Kristu, il-Knisja turi lill-bnedmin x'inhi tassew il-verità  dwar il-kondizzjoni tagħhom f'din l-art u s-sejħa sħiħa li huma għandhom. Għaliex Kristu hu l-prinċipju u l-mudell ta' din l-umanità mġedda u għalhekk mimlija mħabba tal-aħwa, sinċerità u spirtu ta' paċi. Huwa għal dan li jaspiraw il-bnedmin kollha. Kristu u l-Knisja li tagħti xhieda tiegħu bil-predikazzjoni tal-Evanġelju, huma 'l fuq minn kull differenza ta' razza jew ta' nazzjon u għalhekk ma jistgħu jidhru barranin imkien u għal ħadd.[46] Kristu nnifsu huwa l-verità u t-triq.  Il-predikazzjoni evanġelika turi lil kulħadd il-verità u t-triq meta twassal f'widnejn kulħadd il-kliem ta' Kristu stess: ''Indmu u emmnu fl-Evanġelju'' (Mk 1,15). Iżda billi min ma jemminx huwa diġa kkundannat,[47] kliem Kristu huwa, fl-istess ħin, kliem ta' kundanna u grazzja, ta' mewt u ħajja. Tabilħaqq huwa biss billi mmewtu dak li hu qadim li nistgħu naslu għat-tiġdid tal-ħajja. Dan huwa minnu qabel xejn għall-bnedmin iżda jiswa wkoll għal kull xorta ta' ġid ta' din id-dinja li jġib iva s-sinjal tad-dnub tal-bniedem iżda jidhru fih is-sinjali tal-grazzja ta' Alla: ''Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja ta' Alla '' (Rum 3,23). Ħadd bih innifsu jew fil-forza tiegħu biss ma jeħles mid-dnub jew jirnexxilu jgħolli lilu nnifsu 'l fuq u ħadd ma jeħles għalkollox mid- dgħufija jew mis-solitudni jew mill-jasar .[48]  Kulħadd jeħtieġ lil Kristu, uman, mgħallem, ħellies, salvatur, dak li jagħti l-ħajja. Tassew li l-Evanġelju dejjem kien fl-istorja tal-bnedmin, fil-ġrajja temporali wkoll, ħmira ta' mħabba tal-aħwa, ta' għaqda u ta' paċi. Mhux ta' b'xejn li l-insara jiċċelebraw lil Kristu bħala ''il-mistenni tal-ġnus u s-salvatur tagħhom.''[49]

 

Natura eskatoloġika tal-ħidma missjunarja

9.       Huwa għalhekk li ż-żmien tal-ħidma missjunarja jaħbat bejn l-ewwel  u t-tieni miġja tal-Mulej meta l-Knisja tinġabar, bħall-ħsad, mill-erbat irjieħ tad-dinja fis-saltna ta' Alla.[50] Għaliex qabel ma l-Mulej jerġa jiġi jeħtieġ li l-Bxara t-Tajba tkun ixxandret li ġnus kollha.[51]

          L-attività missjunarja mhi xejn anqas jew għajr milli l-manifestazzjoni jew l-epifanija u r-realizzazzjoni tal-pjan ta' Alla fid-dinja u fl-istorja tagħha li fiha Alla jtemm bid-dieher, permezz tal-missjoni, l-istorja tas-salvazzjoni. Il-ħidma missjunarja, permezz tal-kelma tal-predikazzjoni u taċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti, li għandhom bħala ċentru u quċċata tagħhom l-Ewkaristija Mqaddsa, tagħmel preżenti fid-dinja lil Kristu awtur tas-salvazzjoni. Kull ħjiel ta' verità u grazzja li kien diġa jinsab fost il-pagani, qisu preżenza moħbija ta' Alla, b'din il-ħidma jinħeles minn kull tinġis tal-ħażen u jingħata lura lill-Awtur tiegħu, Kristu, li jegħleb is-saltna tax-xitan u jbiegħed il-malizzja taħt ħafna forom tad-dnub. Għalhekk it-tajjeb kollu li nżara' f'qalb jew f'moħħ il-bniedem jew fir-riti u l-kulturi tal-popli mhux biss ma jintilifx iżda jitfejjaq, jintrefa' u jipperfezzjona ruħu għall-glorja ta' Alla, għall-konfużjoni tax-xitan u għall-hena tal-bnedmin.[52]    Hekk l-attività missjunarja twassal għall-milja eskatoloġika:[53] permezz tagħha, infatti, skont il-qjies u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu,[54] jikber u jinfirex il-poplu ta' Alla. Lilu, lil dan il-poplu, saret il-profezija: ''Wessa' t-tined tal-għamajjar tiegħek, tibżax għalihom'' (Is 54,2);[55] il-Ġisem mistiku għad jikber sakemm isir raġel magħmul, fl-aħjar ta' żmienu, u jseħħ il-milja ta' Kristu[56]; it-tempju spiritwali fejn Alla jingħata qima fl-ispirtu u l-verità[57] għad jikber u jinbena ''fuq is-sisien tal-appostli u tal-profeti, fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka '' (Ef 2,20).

 

 

 

Kap II

IL-ĦIDMA MISSJUNARJA FIHA NNIFISHA

 

Daħla

10.     Il-Knisja, mibgħuta minn Kristu biex tgħarraf u tikkomunika l-karità ta'Alla lill-bnedmin kollha, tifhem li għad baqgħalha ħidma missjunarja kbira ħafna x'tagħmel. Hemm infatti żewġ miljardi bnedmin, u l-għadd tagħhom jikber minn jum għal jum, magħqudin flimkien fi gruppi kbaru dterminati minn rabtiet stabbli ta' kuktura, ta' tradizzjonijiet reliġjużi antiki, ta' relazzjonijiet soċjali qawwija, bnedmin li qatt ma semgħu jew bilkemm semgħu l-Bxara t-Tajba mħabbra lilhom. Xi wħud minnhom iħaddnu xi waħda mir-reliġjonijiet il-kbar, oħrajn anqas biss għadhom ma ħadu l-aħbar ta' Alla, oħrajn jiċħdu espressament l-eżistenza tiegħu anzi xi drabi jeħduha kontra tagħha. Il-Knisja għandha tidħol f'dawn il-ġemgħat ta' bnedmin biex tkun tista' toffri lil kulħadd il-misteru tas-salvazzjoni u l-ħajja li Alla jagħti. Dan għandha tagħmlu għall-istess raġuni li għaliha Kristu nnifsu ntrabat bl-inkarnazzjoni tiegħu mal-kondizzjonijiet soċjali u kulturali tal-bnedmin li magħhom huwa għex.

 

 

Art. I

IX-XHIEDA NISRANIJA

 

Ix-xhieda tal-ħajja nisranija u d-djalogu ma' dawk li mhumiex insara

11.     Jeħtieġ li fost dawn il-ġemgħat ta' bnedmin il-Knisja tkun preżenti permezz ta' wliedha li jgħixu fosthom jew li jintbagħtulhom. Fil-fatt l-insara kollha, jgħixu fejn jgħixu, għandhom id-dmir li juru bl-eżempju u bix-xhieda ta' ħajjithom x'ifisser tkun bniedem ġdid, dak il-bniedem ġdid li huma libsu bil-magħmudija u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li bih issaħħu meta rċevew il-Griżma. U din ix-xhieda jridu jagħtuha b'mod illi dawk kollha li jaraw l-għemejjel tajba tagħhom jagħtu glorja lill-Missier[58] u jifhmu għal kollox it-tifsira ġenwina tal-ħajja tal-bniedem u r-rabta universali li tgħaqqad f'għaqda waħda l-bnedmin.

          Biex l-insara jkunu jistgħu jagħtu din ix-xhieda bi frott jeħtieġ li huma jsiru midħla ta' dawn il-bnedmin b'rispett u b'imħabba, li huma jgħoddu ruħhom membri  tal-gruppi tal-bnedmin li fosthom jgħixu, u jintegraw ruħhom fil-ħajja kulturali u soċjali billi jieħdu sehem fl-inizjattivi u r-relazzjonijiet li ġġib magħha il-ħajja flimkien tal-bnedmin. Huma għandhom isiru midħla tat-tradizzjonijiet nazzjonali u reliġjużi tagħhom; huma għandhom ifittxu li jagħrfu b'ferħ u b'qima ż-żerriegħa tal-Verb li tinsab moħbija fihom. Fl-istess ħin huma għandhom isegwu t-trasformazzjoni profonda li qed issir fost in-nazzjonijiet u jaħdmu biex il-bnedmin ta' żmienna ma jedhewx iżżejjed fix-xjenza u fit-teknoloġija tad-dinja moderna u jinqatgħu mill-ħwejjeġ divini. Anzi huma għandhom iqisu li x-xjenza u t-teknoloġija jservu biex iqajmu fil-bnedmin xewqa iżjed profonda tal-verità u tsl-karità li Alla rrivela. Kif Kristu nnifsu għarbel qalb il-bniedem u wassalha, bi djalogu tassew uman, għad-dawl ta' Alla, hekk ukoll id-dixxipli tiegħu,imqanqlin profondament mill-Ispirtu ta' Kristu għandhom jagħrfu l-bnedmin li fosthom jgħixu u jiftħu djalogu u jitkellmu magħhom. B'dan id-djalogu sinċier u mimli sabar huma għandhom jitgħallmu x'għana kbir Alla ta lill-ġnus fit-tjieba kbira tiegħu; fl-istess ħin huma għandhom ifittxu wkollli jdawlu dan l-għana kollu bid-dawl tal-Evanġelju, jeħilsuh mit-taħsir u jreġgħuh lura taħt is-setgħa ta' Alla Salvatur.

 

 

Il-preżenza tal-karità

12.     Il-preżenza tal-insara fil-ġemgħat tal-bnedmin għandha tkun imqanqla minn dik il-karità li biha ħabbna Alla li jrid li aħna wkoll inħobbu lil xulxin bl-istess imħabba.[59]

          Tabilħaqq il-karità tassew nisranija tinfirex fuq kulħadd mingħajr diskriminazzjoni ta' razza, ta' kondizzjoni soċjali jew ta' reliġjon; ma titenniex qligħ jew ħajr. Hekk kif Alla ħabbna b'imħabba diżinteressata, hekk ukoll il-fidili, bil-karità tagħhom, għandhom ikunu ħerqana biex jieħdu ħsieb il-bniedem bl-istess qawwa tal-imħabba li biha Alla fittex il-bniedem. Għalhekk, kif Kristu kien idur l-ibliet u l-irħula kollha jgħallem fis-sinagogi u jfejjaq kull xorta ta' mard u kull nuqqas ta' saħħa b'sinjal li s-Saltna ta' Alla kienet waslet,[60] hekk il-Knisja wkoll, permezz ta' wliedha, tingħaqad mal-bnedmin ta' kull kondizzjoni soċjali iżda l-aktar mal-fqar u mal-imnikktin u għalihom tintefa bil-qalb.[61] Hija taqsam il-ferħ u n-niket tagħhom, tagħraf l-aspirazzjonijiet u l-misteri tal-ħajja, tbati magħhom fl-ansjetà tal-mewt. Lil dawk li jfittxu l-paċi tixtieq tweġibhom bi djalogu tal-aħwa billi tagħtihom il-paċi u d-dawl li jiġu mill-Evanġelju.

          L-insara għandhom jaħdmu u jikkollaboraw mal-oħrajn kollha li jgħixu magħhom biex jibnu ordni soċjali u ekonomiku kif għandu jkun. Għandhom jagħtu ruħhom bi ħsieb speċjali għall-edukazzjoni tat-tfal u tal-addolexxenti bi skejjel ta' kull grad u xorta ta' tagħlim. Dawn l-iskejjel għandhom jitqiesu mhux biss bħala mezz mill-akbar għall-formazzjoni u l-iżvilupp taż-żgħażagħ insara iżda wkoll bħala servizz tal-akbar siwi għall-bnedmin, l-aktar għan-nazzjonijiet li qegħdin jiżviluppaw, biex iżommu għolja d-dinjità umana u jħejju kondizzjonijiet ta' ħajja iżjed umani. L-insara għandhom ukoll jieħdu sehem fl-inizjattivi ta' dawk il-popli li biex jegħlbu l-ġuħ, l-injoranza u l-mard, iħabirku biex joħolqu kondizzjonijiet ta' ħajja aħjar u jistabbilixxu l-paċi fid-dinja. F'din il-ħidma l-insara għandhom, bil-prudenza, jimmiraw biex jikkollaboraw fl-inizjattivi li l-istituzzjonijiet privati jew pubbliċi, il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-komunitajiet insara differenti u r-reliġjonijiet mhux insara, ifittxu li jġibu 'l quddiem.

          B'danakollu l-Knisja ma trid bl-ebda mod illi tindaħal fejn ma jesagħhiex fit-tmexxija tas-soċjetà temporali. Hi ma żżomm b'jedd għaliha ebda awtorità għajr dik li, bl-għajnuna ta' Alla, tkun tista' tagħti lill-bnedmin servizz fidil u mħabba[62].

          L-insara jittamaw illi huma, billi jżommu rwieħhom magħqudin mal-bnedmin f'ħajjiethom u f'ħidmiethom, jistgħu joffrulhom xhieda vera ta' Kristu u jaħdmu għas-salvazzjoni tagħhom, ukoll f'dawk iċ-ċirkustanzi fejn ma jistgħux iħabbru lil Kristu għalkollox. Għaliex huma ma jfittxux il-progress u l-prosperità materjali biss. Huma jfittxu li jġibu 'l quddiem id-dinjità u l-għaqda ta' aħwa billi jgħallmu l-veritajiet reliġjużi u morali li Kristu sebbaħ bid-dawl tiegħu u b'hekk, bil-mod il-mod, jiftħu triq li tressaqhom iżjed lejn Alla. B'hekk il-bnedmin isibu għajnuna biex jiksbu is-salvazzjoni permezz tal-imħabba lejn Alla u l-proxxmu. B'hekk jibda jiddi l-misteru ta' Kristu li fih jidher il-bniedem il-ġdid maħluq skont Alla,[63] li fih tirrivela ruħha l-imħabba ta' Alla.

 

 

 

Art. 2

DWAR IL-PREDIKAZZJONI TAL-EVANĠELJU U L-GĦAQDA MILL-ĠDID TAL-POPLU TA' ALLA

 

Evanġelizzazzjoni u konverżjoni

13.        Kull fejn Alla jiftaħ il-bieb għall-kelma biex iħabbar il-misteru ta' Kristu[64] jeħtieġ li jitħabbar[65] ukoll lill-bnedmin kollha,[66] bil-fiduċja u bil-kostanza[67], Alla ħaj u dak li hu bagħat għas-salvazzjoni ta' kulħadd, Ġesù Kristu,[68] dan sabiex  dawk li mhumiex insara u li l-Ispirtu s-Santu jiftħilhom qalbhom,[69] jemmnu f'Alla u jikkonvertu lejh. B'hekk huma bis-sinċerità jsiru ħaġa waħda ma' dak li hu ''it-triq, il-verità u l-ħajja'' (Ġw 14,6) u li jwieġeb għax-xewqat spiritwali kollha tagħhom, anzi jisboqhom b'mod li ma jistax jitqies.

          Konverżjoni bħal din għandha tiftiehem bħala biss bidu iżda hija biżżejjed biex il-bniedem iħoss ruħu maqtugħ mid-dnub u mdaħħal fil-misteru tal-imħabba ta' Alla li jsejjaħlu biex ikollu fi Kristu relazzjoni personali miegħu. Infatti bil-ħidma tal-grazzja ta'Alla, il-konvertit il-ġdid jibda l-mixja spiritwali tiegħu. B'din il-mixja spiritwali huwa, li bil-fidi jieħu diġa sehem fil-misteru tal-mewt u l-qawmien mill-mewt, jgħaddi mill-bniedem il-qadim għall-bniedem il-ġdid li jsib il-perfezzjoni tiegħu fi Kristu.[70] Dan il-passaġġ - mill-bniedem il-qadim għall-bniedem il-ġdid - li jimplika bidla progressiva ta' mentalità u mġiba morali, għandu jidher fil-konsegwenzi soċjali li jġib miegħu u jiżviluppa ruħu bil-mod fi żmien il-katekumenat. U billi l-Mulej li aħna nemmnu fih huwa sinjal li jmeruh,[71] il-bniedem konvertit iġarrab sikwit kriżijiet u firdiet iżda jgħaddi wkoll minn mumenti ta' ferħ li Alla jagħtih mingħajr qjies[72].

          Il-Knisja tipprojbixxi b'severità illi xi ħadd ikun imġiegħel jew imħajjar b'xi qerq jew imwassal b'xi żegħil mhux floku biex iħaddan il-fidi, hekk kif tirrivendika bil-qawwa il-jedd li ħadd ma jkun imbażża' li jħaddan il-fidi b'vessazzjonijiet inġusti.

          Skont konswetudni antika ħafna, il-motivi li jwasslu għall-konverżjoni għandhom ikunu eżaminati u, jekk jeħtieġ, mgħarbla u msoffija.

 

Il-katekumenat u l-bidu tal-ħajja nisranija

14.     Dawk li qalgħu minn Alla, permezz tal-Knisja, il-fidi fi Kristu[73] għandhom jintlaqgħu fil-katekumenat b'ċerimonji liturġiċi. Il-katekumenat mhuwiex biss espożizzjoni ta' dommi u ta' preċetti. Huwa formazzjoni għall-ħajja nisranija kollha kemm hi u taħriġ li jieħu żmien kemm jeħtieġ, formazzjoni u taħriġ li jservu biex id-dixxipli jidħlu f'għaqda ma' Kristu l-Imgħallem tagħhom. Għalhekk il-katekumeni għandhom jitħejjew kif jixraq għall-misteru tas-salvazzjoni u jitħarrġu fil-preċetti tal-Evanġelju b'riti mqaddsa li għandhom isiru f'sensiela ta' ċelebrazzjonijiet b'intervalli bejniethom.[74] Dawn iservu biex il-katekumeni jidħlu fil-ħajja ta' fidi, liturġija u karità tal-poplu ta' Alla. Aktar tard il-katekumeni, meħlusin permezz tas-sagramenti tal-bidu tal-ħajja nisranija mill-ħakma tad-dlam,[75] midfunin fil-mewt ma' Kristu u mqajmin miegħu mill-mewt[76], jirċievu l-Ispirtu tal-adozzjoni ta' wlied Alla[77] u jiċċelebraw mal-Poplu ta' Alla t-tifkira tal-mewt u tal-qawmien mill-mewt tal-Mulej.

          Hija ħaġa mixtieqa illi l-liturġija ta' żmien ir-Randan u ta' żmien l-Għid tkun riformata b'mod illi tħejji r-ruħ tal-katekumeni għaċ-ċelebrazzjoni tal-Għid li fis-sollennità tiegħu huma jitwieldu mill-ġdid fi Kristu bil-magħmudija.

          Dan il-bidu ta' ħajja nisranija fil-katekumenat m'għandux ikun biss ħidma tal-katekisti jew tas-saċerdoti iżda tal-komunità tal-fidili kollha, l-aktar tal-parrinijiet, hekk illi l-katekumeni jħossu mill-ewwel li huma jagħmlu sehem mill-Poplu ta' Alla. U billi l-ħajja tal-Knisja hija appostolika, il-katekumeni għandhom jitgħallmu li jikkooperaw ukoll attivament fil-ħidma tal-evanġeliżżazzjoni u l-bini tal-Knisja bix-xhieda ta' ħajjithom u bil-professjoni tal-fidi.

          Fl-aħħarnett jeħtieġ li l-Kodiċi l-ġdid jistabbilixxi ċar x'inhu l-istat ġuridiku tal-katekumeni. Huma, infatti, diġà huma magħqudin mal-Knisja,[78] jagħmlu diġa sehem mill-familja ta' Kristu,[79]  u spiss diġa jgħixu l-ħajja tal-fidi, tat-tama u tal-karità.      

 

 

Art. 3

KIF ISSIR KOMUNITÀ NISRANIJA

 

It-twelid ta' komunità nisranija

15.     L-Ispirtu s-Santu, li jsejjaħ lil kulħadd għal Kristu permezz taż-żerriegħa tal-Kelma u l-predikazzjoni tal-Evanġelju, iqajjem il-qlub biex jaċċettaw b'qima t-twemmin. Lil dawk li jemmnu fi Kristu l-Ispirtu s-Santu jnissilhom għal ħajja ġdida fi ħdan il-fonti tal-Magħmudija u jiġborhom f'poplu wieħed ta' Alla li hu ''ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla  kiseb għalih''. (1 Pt 2,9).[80]

          Il-missjunarji, għalhekk, kooperaturi ta' Alla,[81]  għandhom jagħtu ħajja lil ġemgħat ta' fidili li jgħixu kif jixraq s-sejħa li biha huma msejħin,[82] u b'hekk iħaddmu l-uffiċju saċerdotali, profetiku u rjali fdat f'idejhom. B'dan il-mod il-komunità nisranija ssir sinjal tal-preżenza ta' Alla fid-dinja; għaliex, permezz tas-sagrifiċċju ewkaristiku, tgħaddi l-ħin kollu ma' Kristu minn din id-dinja għal għand il-Missier;[83] mitmugħa b'ħerqa mill-kelma ta' Alla,[84] tagħti xhieda ta' Kristu,[85] timxi 'l quddiem fl-imħabba u hi mħeġġa bi spirtu appostoliku.[86]

          Il-komunità nisranija jeħtieġ li titwaqqaf mill-bidunett b'mod illi, safejn hu possibbli, hija tkun tista taħseb għall-ħtiġiet tagħha.

          Ġemgħa bħal din ta' fidili, li tkun tgawdi l-għana kulturali tan-nazzjon li tgħix fiha, għandha tagħmel għeruq profondi fil-poplu. Ħa jwarrdu f'din il-ġemgħa l-familji mimlijin bl-Ispirtu tal-Evanġelju[87] u ħalli jkollhom l-għajnuna ta' skejjel skont il-ħtieġa! Ħalli jitwaqqfu assoċjazzjonijiet u gruppi li bihom l-appostolat tal-lajċi jkun jista' jimla bl-ispirtu evanġeliku s-soċjetà kollha! Jalla, fl-aħħarnett, tiddi l-imħabba fost il-kattoliċi ta' riti differenti![88]

          Jeħtieġ ukoll li jikber fost in-neofiti l-ispirtu ekumeniku li għandhom jagħrfu b'sens ta' lealtà li l-aħwa li jemmnu fi Kristu huma dixxipli tiegħu, li huma mweldin mill-ġdid bil-magħmudija u li jieħdu sehem mit-teżori l-kbar tal-poplu ta' Alla. Safejn jippermettu l-kondizzjonijiet reliġjużi, il-ħidma ekumenika għandha ssir b'mod illi l-kattoliċi, safejn ikun possibli, jikkollaboraw mal-aħwa mifrudin skont kif jitlob id-Digriet dwar  l-Ekumeniżmu kemm fl-istqarrija flimkien tal-fidi f'Alla u f'Ġesù Kristu quddiem dawk li ma jemmnux kemm billi jikkooperaw bħal ahwa f'materja soċjali u teknika jew fi ħwejjeg kulturali u reliġjużi. Dan għandu jsir waqt li tkun eskluża kull xorta ta' konfużjoniżmu jew indifferentiżmu u kull forma ta' rivalità assurda. Għandhom jaħdmu flimkien l-iżjed minħabba Kristu,,il-Mulej komuni tagħhom: Ismu għandu jgħaqqadhom! Din il-kollaborazzjoni għandha ssir mhux biss bejn il-persuni privati iżda wkoll, skont il-ġudizzju tal-Ordinarju tal-post, bejn il-Knejjes jew il-komunitajiet ekkleżjali u bejn il-ħidmiet tagħhom.

          L-insara, miġbura mill-ġnus kollha f'ġemgħa waħda fil-Knisja, ''ma għandhomx x'jagħżilhom mill-bqija tal-bnedmin, la n-nazzjonalità, la l-ilsien ,u lanqas l-istituzzjonijiet tal-ħajja politika'';[89] għalhekk huma għandhom jgħixu għal Alla u għal Kristu billi jimxu skont id-drawwiet onesti taċ-ċittadini ta' pajjiżhom. Bħala ċittadini tajbin huma għandhom irawmu fihom infushom imħabba vera għal pajjiżhom, imħabba li jridu juru bil-fatti.  Iżda huma għandhom jevitaw għalkollox kull forma ta' razziżmu jew ta' nazzjonaliżmu esaġerat u jġibu 'l quddiem l-imħabba universali fost il-bnedmin.

          Biex jintlaħaq dan kollu huma importanti ħafna - u ħaqqhom attenzjoni speċjali - il-lajċi, jiġifieri dawk l-insara li jiffurmaw ġisem wieħed ma' Kristu bil-maghmudija u jgħixu fis-soċjeta temporali; imiss lilhom, infatti, illi mimlijin bl-Ispirtu s-Santu janimaw minn ġewwa, bħal ħmira, ir-realtà temporali u jorjentawha b'mod illi ssir kif iridha Kristu.[90]

          B'danakollu mhux biżżejjed li l-poplu nisrani jkun preżenti u organizzat f'xi nazzjon, anqas mhu biżżejjed li jħaddem l-appostolat tal-eżempju; huwa mwaqqaf u huwa preżenti propju biex iħabbar bil-kelma u bil-fatti lil dawk li mhumiex insara biex jilqgħu għalkollox lil Kristu.

          Iżda biex tinbeda l-Knisja u biex il-komunità nisranija tikber jinħtieġu ministeri differenti. Dawn il-ministeri Alla jqajjimhom b'sejħat li jagħmel minn ħdan il-komunità tal-fidili. Kulħadd għandu jqis li jibża' għalihom u jinkoraġġihom. Fost dawn il-ministeri hemm l-uffiċċju tas-saċerdoti, tad-djakni, tal-azzjoni kattolika. Hekk ukoll ir-reliġjużi patrijiet u sorijiet jagħtu kontribut indispensabbli, kemm bit-talb kemm bl-attività fejjieda tagħhom, biex titwaqqaf u tissaħħaħ fl-erwieħ is-saltna ta' Kristu u biex tixtered dejjem iżjed.

         

Il-kleru Indiġenu

16.     Il-Knisja tiżżi ħajr b'ferħ kbir għad-don bla qjies tas-sejħa saċerdotali li Alla ta lil ħafna żgħażagħ fost il-ġnus li kkonvertew f'dan l-aħħar żmien lejn Kristu. Il-Knisja, infatti, trabbi għeruq iżjed sodi f'kull ġemgħa ta' bnedmin meta l-komunitajiet differenti tal-fidili jkollhom ministri tagħhom tas-salvazzjoni magħżulin minn fosthom: Isqfijiet, Presbiteri u Djakni li jaqdu lil ħuthom. B'hekk il-Knejjes ġodda jiksbu bil-mod il-mod l-istruttura djocesana bil-kleru tagħha.

          Għalhekk dak kollu li dan il-Konċilju stabbilixxa dwar il-vokazzzjoni u l-formazzjoni saċerdotali għandu jitħares b'qima qaddisa kull fejn il-Knisja titwaqqaf għall-ewwel darba u fil-Knejjes ġodda kollha. Għandha tingħata importanza kbira lil dak kollu li ntqal biex il-formazzjoni spiritwali tintrabat sewwa mal-formazzjoni dottrinali u pastorali, biex il-ħajja tkun taqbel mal-ideali tal-Evanġelju mingajr ma wieħed iqis x'jaqbel għall-interessi propji jew familjari, biex ikun hemm approfondiment tas-sens intimu tal-misteru tal-Knisja. Minn dan is-saċerdoti jitgħallmu jingħataw kollha kemm huma għall-qadi tal-Ġisem ta' Kristu u għall-ħidma tal-Evanġelju, li jkunu kooperaturi leali tal-Isqof tagħhom u li jaħdmu id f'id mal-aħwa.[91]

           Biex jintlaħaq dan l-iskop il-formazzjoni kollha ta' dawk li jkunu qegħdin iħejju ruħhom għas-saċerdozju għandha ssir fid-dawl tal-misteru tas-salvazzjoni kif juruh il-Kotba Mqaddsa. Jeħtieġ li huma jsibu u jgħixu dan il-misteru ta' Kristu u tas-salvazzjoni tal-bnedmin fil-Liturġija.[92]

          Dawn il-ħtiġiet universali tal-formazzjoni saċerdotali, dawk ukoll ta' natura pastorali u prattika, għandhom, kif irid il-Konċilju,[93] ikunu armonizzati mal-isforz li għandu jsir biex il-formazzjoni tas-saċerdoti tingħata b'mod illi tkun twieġeb għal kif jaħsbuha u jaġixxu n-nies tan-nazzjon tagħhom. Jehtieġ għakhekk illi l-imħuħ tal-istudenti jinfetħu u jitrawmu biex jagħrfu sewwa l-kultura ta' pajjiżhom u jkunu jistgħu jagħmlu ġudizzju tagħhom fuqha. Fl-istudji tal-filosofija u tat-teoloġija jeħtieġ li jifhmu sewwa x'relazzjoni  hemm bejn it-tradizzjonijiet u r-reliġjon tan-nazzjon u r-reliġjon nisranija.[94] Hekk ukoll il-formazzjoni saċerdotali għandha tinteressa ruħha mill-ħtigiet pastorali tar-reġjuni. L-istudenti għandhom jitgħallmu l-istorja, l-iskopijiet u l-metodu tal-ħidma missjunarja tal-Knisja u l-kondizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u kulturali tal-poplu tagħhom. Għandhom ukoll ikunu edukati fl-ispirtu ekumeniku u jitħarrġu sewwa għal djalogu tal-aħwa ma' dawk li mhumiex insara.[95]  Dan kollu jitlob illi, safejn hu possibli, l-istudenti jagħmlu l-istudji has-saċerdozju waqt li jżommu kuntatt mal-ħajja u mad-drawwiet tan-nies ta' pajjiżhom.[96]  Jeħtieġ, fl-aħħarnett, li wieħed jieħu ħsieb li l-formazzjoni li tingħata trawwem is-saċerdoti biex jamministraw tajjeb il-Knisja tagħhom u dan jgħodd ukoll għal dak li għandu x'jaqsam mal-amministrazzjoni ekonomika.

          Barra hekk jeħtieġ li jingħażlu saċerdoti kapaċi li, wara li jkunu ħadu ċerta prattika pastorali, jipperfezzjonaw ruħhom fi studji għola fl-universitajiet, dawk barranin ukoll, l-aktar fl-universitajiet ta' Ruma, u f'Istituti xjentifiċi oħra. B'hekk il-knejjes ġodda jkollhom saċerdoti mill-kleru lokali li jkunu ppreparati bix-xjenza u bl-esperjenza biex jieħdu f'idejhom l-aktar uffiċċji ekkleżjastiċi diffiċli.

          Fejn il-Konferenzi Episkopali jkun jidhrilhom f'waqtu, l-Ordni tad-Djakonat għandu jerġa' jitwaqqaf bħala stat permanenti ta' ħajja skont kif tistabilixxi l-Kostituzzjoni dwar il-Knisja.[97]  Għaliex ikun ta' ġid li dawk l-irġiel li jeżerċitaw ministeru tabilħaqq djakonali jew għaliex huma katekisti u għalhekk jippridkaw il-kelma ta' Alla, jew għaliex f'isem il-kapillan jew l-Isqof imexxu l-komunitajiet insara li jinsabu 'l bogħod miċ-ċentru, jew għaliex qegħdin iħaddmu l-karità għaliex qegħdin jagħmlu attività soċjali jew karitattiva, ikunu mwettqa f'dan il-ministeru u jingħaqdu iżjed mill-qrib mal-altar permezz tat-tqegħid tal-idejn kif għadda lilna mill-Appostli. B'hekk huma jkunu jistgħu jaqdu l-ministeru tagħhom b'aktar frott bis-saħħa tal-grazzja sagramentali tad-djakonat.

 

Il-formazzjoni tal-katekisti

17.     Jixirqilha wkoll tifħir dik il-ġemgħa ta' katekisti rġiel u nisa li qed tiswa ta' ġid kbir għall-ħidma missjunarja. Mimlijin bi spirtu appostoliku l-katekisti qegħdin, b'sagrifiċċji kbar, jagħtu għajnuna liema bħalha u għalkollox meħtieġa għat-tixrid tal-fidi u tal-Knisja.

          Fi żmienna, meta l-għadd tal-kleru mhux biżżejjed biex ilaħħaq mal-evanġeliżżazzjoni ta' daqshekk nies u biex jeżerċita l-ministeru pastorali, ix-xoghol tal-katekisti jsir importanti ħafna. Għalhekk il-formazzjoni tagħhom għandha tingħata bir-reqqa u tkun twieġeb għall-progress kulturali hekk illi l-katekisti jkunu kooperaturi siewja tal-ordni saċerdotali u jaqdu, kemm jista' jkun mill-aħjar, id-dmirijiet tagħhom, dmirijiet li kulma jmorru qegħdin isiru iżjed tqal b'ħidmiet ġodda u iżjed wesgħin.

          Jeħtieġ għalhekk li jiżdiedu l-iskejjel djoċesani u reġjonali li fihom il-katekisti tal-ġejjieni jitgħallmu d-duttrina kattolika, l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam mal-istudju tal-Bibbja u tal-Liturġija, u jitħarrġu fil-metodu katekistiku u fil-prattika pastorali. F'dawn l-iskejjel il-katekisti għandhom jiksbu formazzjoni morali nisranija[98] fi sforz bla heda biex jitħarrġu fit-tjieba u l-qdusija tal-ħajja. Barra hekk għandhom isiru wkoll laqgħat u korsijiet li fihom il-katekisti jkunu jistgħu jaġġornaw ruħhom fil-materji u fit-teknika li jeħtieġu għall-ministeru tagħhom u jkunu jistgħu jiksbu saħħa u qawwa fil-ħajja spiritwali tagħhom. Min-naħa l-oħra jeħtieġ ukoll li dawk li jagħtu ruħhom għal din il-ħidma jingħataw għajxien xieraq u sigurtà soċjali b'rimunerazzjoni ġusta[99].

           Huwa mixtieq li għal din il-formazzjoni tal-katekisti u għall-għajxien tagħhom jingħataw sussidji speċjali xierqa mill-Kongregazzjoni Mqaddsa għall-Propagazzjoni tal-Fidi. Jekk jitqies meħtieġ u xieraq, jitwaqqaf organiżmu għall-katekisti.

          Il-Knejjes għandhom ukoll iħossu u japprezzaw b'sentimenti ta' radd il-ħajr il-ħidma ġeneruża tal-katekisti. Huma jeħtieġu l-għajnuna tagħhom. Il-katekisti jmexxu t-talb tal-komunitajiet tagħhom u jgħallmuhom. Jeħtieġ li l-knejjes jieħdu ħsieb sewwa tal-formazzjoni dottrinali u spiritwali tagħhom. Barra hekk huwa mixtieq li, fejn jitqies li hu f'waqtu, il-missjoni kanonika tingħata lill-katekisti waqt xi ċelebrazzjoni liturġika pubblika; dan biex huma jkunu jistgħu jaqdu l-fidi b'awtorità akbar quddiem il-poplu.

 

Il-ħajja reliġjuża

18.     Sa mill-ewwel żmien tat-twaqqif tal-Knisja jeħtieġ li wieħed iġib 'l quddiem il-ħajja reliġjuża għaliex hija tagħti lill-ħidma missjunarja mhux biss għajnuna siewja ħafna u li mingħajrha wieħed ma jgħaddix iżda turi wkoll u tfisser ċar, b'konsagrazzjoni iżjed intima, in-natura intima tas-sejħa nisranija.[100]

          L-istituti reliġjużi li jaħdmu għat-twaqqif ta' Knisja, mogħnija bit-teżori ta' ħajja mistika li jagħnu u jżejnu t-tradizzjoni reliġjuża tal-Knisja, għandhom ifittxu li jfissru u jikkomunikaw dawn it-teżori skont kif jitolbu d-dehen u x-xeħta ta' kull poplu. U għandhom ukoll jistudjaw sewwa kif ċerti tradizzjonijiet axxetiċi u kontemplattivi jistgħu jintegraw ruħhom mal-ħajja reliġjuża nisranija, it-tradizzjonijiet li Alla tefa' ż-żerriegħa tagħhom f'kulturi antiki sa minn qabel il-predikazzjoni nnifisha tal-Evanġelju.

          Fil-Knejjes li jkunu għadhom kemm twaqqfu huwa ta' min jibda u jġib 'il quddiem forom differenti ta' ħajja reliġjuża biex juru l-aspetti differenti tal-missjoni ta' Kristu u tal-ħajja tal-Knisja. Dan jiswa wkoll biex dawn l-istituti reliġjużi differenti jkunu jistgħu jintegraw ruħhom għal ħidmiet pastorali differenti u jħejju sewwa l-membri tagħhom biex jagħmluhom. Iżda l-Konferenzi Episkopali għandhom joqogħdu attenti li ma jiżdidux iżżejjed il-kongregazzjonijiet li għandhom l-istess skop appostoliku bi ħsara għall-ħajja reliġjuża u għall-appostolat.

          Ta' min isemmi b'mod speċjali l-inizzjattivi differenti li jfittxu li jistabilixxu l-ħajja kontemplattiva. Fost dawn xi wħud ifittxu li jwaqqfu t-tradizzjoni għanja tal-ordni tagħhom waqt li jżommu l-elementi essenzjali tal-ħajja monastika, oħrajn ifittxu li jerġgħu lura għall-ħajja iżjed sempliċi tal-monakiżmu tal-qedem. Iżda lkoll għandhom jagħmluh għaliex, billi l-ħajja kontemplattiva hija element essenzjali tal-preżenza tal-Knisja fil-milja tagħha, huwa meħtieġ li hija titwaqqaf fil-Knejjes il-ġodda.

   

 

 

Kap III

IL-KNEJJES PARTIKOLARI

 

Il-progress tal-knejjes ġodda

19.     Il-ħidma biex titwaqqaf il-Knisja f'ġemgħa determinata ta' bnedmin ittemm ċerta fażi tal-iżvilupp tagħha meta l-komunità tal-fidili, li tkun diġà rabbiet l-għeruq fil-ħajja soċjali tal-post u b'xi mod tkun integrat ruħha mal-kultura tiegħu, tkun kisbet ċerta stabbilità u rabbiet ċerta saħħa: jiġifieri jkollha riżorsi tagħha f'għadd ta' saċerdoti tal-post, reliġjużi u lajċi li, ukoll jekk ma jkunux biżżejjed għall-ħtiġiet kollha tagħha, iservu biex ikollha dawk il-ministeri u dawk l-istituzzjonijiet li jenħtieġu biex il-Poplu ta'Alla jgħix il-ħajja tiegħu u jiżviluppa taħt it-tmexxija ta' Isqof tiegħu. 

          F'dawn il-Knejjes li jkunu għadhom kemm jibdew il-ħajja tal-poplu ta' Alla trid timmatura ruħha fl-oqsma kollha tal-ħajja nisranija li għandha tiġġedded skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Konċilju. Hekk il-ġemgħat tal-fidili jiżviluppaw, b'kuxjenza li tikber kuljum aktar, f'komunitajiet ta' ħajja ta' fidi, ta' liturġija u ta' karità; il-lajċi iħabirku biex jirriformaw fis-soċjetà, bil-ħidma ċivili u appostolika tagħhom, l-ordni tal-karità u tal-ġustizzja; il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali jitħaddmu kif jitolbu l-okkażjonijiet u bil-prudenza; il-familji, b'ħajja tassew nisranija, isiru mixtla tal-appostolat tal-lajċi u ta' vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi. Il-fidi, fl-aħħarnett, tintgħallem b'katekeżi addattata, iċ-ċelebrazzjoni tagħha ssir f'liturġija  li tkun taqbel mal-mentalità tal-poplu u b'leġislazzjoni kanonika xierqa hija tidħol fl-istituzzjonijiet  tajbin u fid-drawwiet tal-post.

          L-Isqfijiet, min-naħa tagħhom, kull wieħed minnhom flinkien mal-ġemgħa tal-presbiteri tiegħu mimlijin kollha dejjem iżjed bis-sens ta' Kristu u tal-Knisja, għandhom iħossu u jgħixu qalb waħda mal-Knisja universali. Il-Knejjes il-ġodda għandhom jibqgħu f'komunjoni intima mal-Knisja kollha. Huma għandhom ifittxu jgħaqqdu l-kultura tagħhom mal-prinċipji tat-tradizzjoni tagħha u b'hekk, bħal żewġ kurrenti ta' enerġija li jidħlu f'xulxin, ikattru l-ħajja tal-ġisem mistiku.[101] Għalhekk jeħtieġ jitħarsu sewwa l-elementi teoloġiċi, psikoloġi u umani li jiswew biex jiżviluppaw dan is-sens ta' komunjoni mal-Knisja universali.

          Iżda dawn il-Knejjes, li sikwit jinsabu fl-ifqar żoni tad-dinja, għadhom x'aktarx ibatu minn nuqqas ta' saċerdoti u ta' mezzi materjali. Għalhekk huma jenħtieġu assolutament li l-ħidma missjunarja bla waqfien tal-Knisja kollha tagħtihom dawk l-għajnuniet li jiswew qabel kollox biex tikber il-Knisja lokali  u timmatura ruħha l-ħajja nisranija. Din il-ħidma missjunarja għandha wkoll tgħin lil dawk il-Knejjes li għalkemm ilhom imwaqqfa, jew sejrin lura jew huma dgħajfin .

          Minkejja dan kollu, dawn il-knejjes għandhom jagħmlu sforz pastorali  komuni u jieħdu inizjattivi siewja biex il-vokazzjonijiet għall-kleru djoċesan u għall-istituti reliġjużi jikbru fl-għadd, jingħażlu b'aktar reqqa u jitrawmu aħjar.[102] B'hekk bil-mod il-mod ikunu f'qagħda li jaħsbu għalihom infushom u jgħajxu il-knejjes l-oħra.

 

Il-ħidma missjunarja ta' Knejjes partikolari

20.     Billi l-Knisja partikolari għandha d-dmir li tirrapreżenta b'mod kemm jista' jkun perfett il-Knisja universali, hija għandha tkun konxja b'mod ċar illi hija mibgħuta wkoll għal dawk li ma jemmnux fi Kristu u jgħixu fl-istess territorju magħha biex permezz tax-xhieda tal-ħajja tal-fidili wieħed wieħed tkunilhom sinjal li juri lil Kristu.

          Jeħtieġ ukoll il-ministeru tal-kelma biex l-Evanġelju jasal lil kulħadd. L-Isqof għandu jkun qabel xejn ħabbâr tal-fidi li jwassal dixxipli ġodda għand Kristu.[103] U biex jaqdi tajjeb dan id-dmir għoli jrid ikun jaf sewwa kemm il-qagħda tal-merħla tiegħu kemm kif jaħsbuha fl-intimità ta' ruħhom in-nies ta' pajjiżu dwar Alla waqt li jżomm quddiem għajnejh il-bidliet li jġibu magħhom l-urbanizzazzjoni, kif isejħulha, il-migrazzjonijiet u l-indifferentiżmu reliġjuż.

          Il-presbiteri tal-kleru lokali fil-knejjes ġodda għandhom jidħlu bil-ħerqa għax-xogħol tat-tixrid tal-Evanġelju b'ħidma għalenija mal-missjunarji ġejjin minn barra. Mal-missjunarji huma jagħmlu presbiterju wieħed li jinġabar taħt l-awtorità tal-Isqof mhux biss biex jirgħa l-fidili u jiċċelebra l-Kult divin iżda wkoll biex ixandar l-Evanġelju lil dawk li huma barra mill-knisja. Huma għandhom iżommu rwieħhom lesti u, meta jasal l-waqt, joffru rwieħhom bil-qalb lill-Isqof biex jibdew il-ħidma missjunarja fin-naħiet imwarrbin u mitluqin tad-djoċesi tagħhom u ta' djoċesijiet oħra.

          Ir-reliġjużi, patrijiet u sorijiet, u l-lajċi wkoll, għandhom jitħeġġu bl-istess ħrara għan-nies ta' pajjiżhom, l-aktar dawk l-iżjed fqar.

          Il-Konferenzi Episkopali għandhom jieħdu ħsieb li jorganizzaw, minn żmien għall-ieħor, korsijiet ta' aġġornament bibliku, teoloġiku, spiritwali u pastorali sabiex, quddiem it-tibdil kollu li jsir u s-sitwazzjonijiet differenti li jinqalgħu, il-kleru jkun jista' jikseb għarfien akbar tat-teoloġija u tal-metodi pastorali.

          Mill-bqija jitħarsu bil-qdusija d-dispożizzjonijiet kollha li ħareġ dan il-Konċilju, l-aktar dawk li stabbilixxa fid-digriet dwar il-ministeru u l-ħajja tal-presbiteri.

          Biex dan ix-xogħol missjunarju ta' Knisja partikolari jista' jsir jenħtieġu ministri li għandhom il-kwalitajiet neċessarji u li jkunu mħejjija kif imiss skont ma jitolbu l-kondizzjonijiet ta' kull Knisja partikolari. U billi l-bnedmin qegħdin dejjem iżjed jingħaqdu fi gruppi jkun ta' siwi kbir għall-Konferenzi Episkopali li jiehdu linja ta' azzjoni komuni dwar id-djalogu li huma għandhom iżommu ma' dawn il-gruppi. U jekk f'xi nħawi jkun hemm xi gruppi li qegħdin jinżammu lura milli jħaddnu l-fidi kattolika u ma jistgħux jaddattaw irwieħhom għal xi forma partikolari li l-Knisja ħadet f'dawk l-inħawi, tkun ħaġa ta' min jixtieqha li wieħed jieħu xi provvediment speċjali għal dik is-sitwazzjoni[104] sakemm ikun possibli li l-insara kollha jingħaqdu f'komunità waħda. Jekk is-Sede Appostolika jkollha xi missjunarji li jkunu ppreparati għal dan l-iskop, l-Isqfijiet interessati għandhom isejħulhom jew jilqgħuhom fid-djoċesi tagħhom u għandhom jinkoraġġixxu l-inizjattivi tagħhom.

          Sabiex dan iż-żelu missjunarju jikber fost l-ulied tal-istess art, ikun ta' siwi kbir li l-Knejjes il-ġodda jieħdu sehem attiv kemm jista' jkun malajr fil-missjoni universali tal-Knisja. Dan jistgħu jagħmluh billi jibagħtu huma stess il-missjunarji biex iħabbru kullimkien l-Evanġelju, ukoll jekk ikunu neqsin mill-kleru. L-għaqda mal-Knisja universali ssib b'xi mod il-milja tagħha meta dawn il-Knejjes ukoll jaslu biex jagħtu sehemhom fil-ħidma missjunarja fost nazzjonijiet oħra.

 

L-appostolat tal-lajċi

21.     Il-knisja ma tkunx tassew imwaqqfa, ma tgħixx il-ħajja tagħha għalkollox, lanqas ma tkun sinjal perfett ta' Kristu jekk mal-ġerarkija ma jkunx hemm lajkat fil-veru sens tal-isem li jaħdem għalenija magħha. Għaliex l-Evanġelju ma jistax jidħol fir-ruħ, fil-ħajja  u fil-ħidma ta' poplu jekk tonqos il-ħidma bieżla tal-lajċi. Huwa għalhekk illi sa mill-ewwel żmien tat-twaqqif ta' Knisja  jkun jeħtieġ li tingħata l-akbar importanza fil-formazzjoni ta' lajkat nisrani matur.

          Nsara lajċi, infatti jagħmlu sehem mill-Poplu ta' Alla u fl-istess ħin mis-soċjetà  ċivili: huma jagħmlu parti min-nazzjon li fiha twieldu, bl-edukazzjoni huma bdew jieħdu sehem mit-teżori kulturali tagħha, huma marbutin ma ħajjitha b'relazzjonijiet soċjali ta' għamliet differenti, jikkooperaw fl-iżvilupp tagħha bil-ħidma professjonali tagħhom; huma jħossu tagħhom il-problemi tagħha u jfittxu li jsolvuhom.

          Fl-istess ħin huma wkoll ta' Kristu għaliex huma twieldumill-ġdid fil-Knisja permezz tal-fidi u l-magħmudija biex, iġeddin fil-ħajja u fil-ħidma, ikunu ta' Kristu[105] u b'hekk fi Kristu kollox jitqiegħed taħt Alla u fl-aħħar Alla jkun kollox f'kollox.[106]

          Id-dmir ewlieni tagħhom, rġiel u nisa, huwa li jagħtu xhieda ta' Kristu, bil-ħajja u bil-kelma, fil-familja, fil-grupp soċjali tagħhom, fl-ambjent tal-professjoni tagħhom. Fihom jeħtieġ li jidher il-bniedem il-ġdid maħluq skont Alla fil-ġustizzja u l-qdusija ġejja mill-verità.[107] Iżda huma għandhom ifissru din il-ħajja ġdida fl-ambjent tas-soċjetà u tal-kultura ta' arthom skont it-tradizzjonijiet nazzjonali tagħha. Huma għandhom ikunu jafu din il-kultura, ifejquha, iħarsuha, jiżviluppawha skont kif jaqbel is-sitwazzjonijiet il-ġodda u, fl-aħħar jipperfezzjonawha fi Kristu biex il-fidi ta' Kristu u l-ħajja tal-Knisja ma jkunux ħwejjeġ barranin għas-soċjetà li fiha jgħixu iżda jibdew jippenetrawha u jagħtuha sura oħra. Jissieħbu maċ-ċittadini ta' arthom b'karità mingħajr wiċċ b'ieħor, sabiex fl-imġiba tagħhom tidher ir-rabta l-ġdida u s-solidarjetà universali li toħroġ mill-misteru ta' Kristu! Ixerrdu wkoll il-fidi ta' Kristu fost dawk li magħhom huma marbutin b'relazzjonijiet ta' ħajja u ta' professjoni! Dan id-dmir isir iżjed urġenti mill-fatt illi għadd kbir ta' bnedmin ma jistgħux jisimgħu bl-Evanġelju ta' Kristu u jagħrfu lil Kristu jekk mhux permezz tal-lajċi li huma qrib tagħhom. Anzi, safejn dan jista' jkun, il-lajċi għandhom ikunu mħejjija għal kooperazzjoni iżjed immedjata mal-ġerarkija biex jaqdu l-missjoni speċjali li jħabbru l-Evanġelju u jwasslu t-tagħlim nisrani. B'hekk huma jkunu qegħdin isaħħu l-Knisja li tkun għadha qed tibda.

          Min-naħa tagħhom il-ministri tal-Knisja jkollhom stima kbira tal-ħidma appostolika tal-lajċi. Huma għandhom jiffurmawhom biex bħala membri ta' Kristu jħossu r-responsabbiltà tagħhom għall-ġid tal-bnedmin kollha, jagħtuhom tagħlim profond dwar il-misteru ta' Kristu, iħarrġuhom fil-metodi prattiċi u jgħinuhom fid-diffikultajiet skont kif jgħidu l-Kostituzzjoni dwar il-Knisja u d-Digriet dwar l-appostolat tal-lajċi.

          Għalhekk waqt li jitħarrsu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet speċifiċi li għandhom ir-Rgħajja minn naħa u l-lajċi minn oħra, il-Knisja ġdida kollha għandha tagħti xhieda għalenija, ħajja, qawwija biex tkun sinjal jiddi tas-salvazzjoni li ġiet lilna fi Kristu.

 

Id-diversità fl-unità

22.     Iż-żerriegħa, li hi l-kelma ta'Alla, hi u tarmi minn art tajba, imsoqqija min-nida divina, tiġbed is-sugu, tbiddlu, tassimilah biex fl-aħħar jagħti ħafna frott. Bla dubju ta' xejn, hekk kif sar fil-pjan tal-Inkarnazzjoni, il-Knejjes ġodda li għandhom għeruqhom fi Kristu u huma mibnija fiq il-pedament tal-appostli jixorbu b'qawwa tal-għaġeb l-għana kollu tan-nazzjonijiet li ngħataw lil Kristu b'wirt.[108] Mid-drawwiet u t-tradizzjonijiet, mill-għerf u t-tagħlim, mill-arti u x-xjenza tal-popli tagħhom, il-Knejjes ġodda jażgħlu u jissellfu dak kollu li jista' jagħti glorja lill-Ħallieq, jitfa' d-dawl fuq il-grazzja tas-Salvatur u jfassal tajjeb il-ħajja nisranija.[109]

          Biex jintlaħaq dan l-iskop jeħtieġ li f'kull territorju soċjo-kulturali - kif jissejjaħ- ta' ċertu daqs tinbeda riflessjoni teoloġika li, fid-dawl tat-tradizzjoni tal-Knisja universali, teżamina mill-ġdid il-ġrajja u l-kliem rivelati minn Alla, imniżżla fil-Kotba Mqaddsa u mfissra mill-Padri u l-Maġisteru tal-Knisja. B'hekk wieħed jifhem aktar ċar minn liema triqat il-fidi tista' tgħaddi  biex tfittexl-intelliġenza waqt li tħares il-filosofija u l-għerf tal-popli, u jifhem ukoll kif wieħed jista' jikkonċilja d-drawwiet, is-sens tal-ħajja u l-ordni soċjali mal-kriterji ta' moralità mfissra mir-Rivelazzjoni divina. B'dan il-mod hija eskluża kull għamla ta' sinkretiżmu jew partikolariżmu falz, il-ħajja nisranija taddatta ruħha għad-dehen u x-xejra ta' kull xorta ta' kultura,[110] u t-tradizzjonijiet partikolari, flimkien ta' kull komunità nazzjonali, imdawlin mid-dawl tal-Evanġelju, jitwaħħdu fl-unità kattolika. Fl-aħħarnett il-Knejjes ġodda partikolari, mogħnija mit-tradizzjoni tagħhom, ikollhom posthom fil-komunjoni tal-Knisja waqt li jitħares għalkollox il-Primat tal-Kattedra ta' Pietru li jippresedi l-ġemgħa universali tal-karità.[111]

          Għalhekk hi ħaġa ta' min jixtieqha, anzi tixraq tassew, illi l-Konferenzi Episkopali, fil-limiti ta' kull territorju soċjo-kulturali kbir, jingħaqdu flimkien biex ikunu jistgħu jħaddmu dan il-programm ta' addattament qalb waħda u bi pjan komuni.

 

 

KAP IV

IL-MISSJUNARJI

 

Il-vokazzjoni missjunarja

23.     Għalkemm kull dixxiplu ta' Kristu għandu l-impenn li jagħmel li jista' biex ixerred il-fidi,[112] iżda Kristu l-Mulej isejjaħ dejjem minn fost id-dixxipli tiegħu lil dawk li hu iridhom jibqgħu miegħu u li jibgħathom jippritkaw lill-ġnus.[113] Għalhekk, permezz tal-Ispirtu s-Santu li jqassam kif jogħgbu l-kariżmi għall-ġid,[114] Kristu jnebbaħ fil-qlub ta' xi wħud is-sejħa missjunarja  u fl-istess ħin iqajjem fol-Knisja Istituti[115] li jieħdu bħala dmir il-ħidma ta' evanġelizzazzjoni, dmir li hu tal-Knisja kollha.

          Fil-fatt iġibu fuqhom is-sinjali ta' sejħa speċjali dawk li, għax mogħnija b'xeħta naturali xierqa u għandhom id-dehen u l-kwalitajiet meħtieġa, huma lesti biex jidħlu għax-xogħol missjunarju.[116] Dawn jistgħu jkunu kemm nies tal-post kemm nies ġejjin minn barra; saċerdoti, reliġjużi, lajċi. Mibgħuta  mill-awtorità leġittima għand dawk li huma mbegħdin minn Kristu, huma jitilqu, bi spirtu ta' fidi u ta' ubbidjenza, bħala ministri tal-Evanġelju, magħżulin għax-xogħol li Alla sejħilhom,[117] biex issir ''mill-ġnus offerta mqaddsa mill-Ispirtu Santu u li togħġob lil Alla.'' (Rum 15,16.)

 

Spiritwalità missjunarja

24.     Għalhekk il-bniedem għandu jwieġeb għas-sejħa ta' Alla bla ma jisma' mid-demm u l-laħam[118] u jagħti ruħu kollha għal-ħidma tal-Evanġelju.Iżda ma jistax jagħti din it-tweġiba jekk l-Ispirtu s-Santu ma jagħtihx l-ispirazzjoni u l-qawwa. Għaliex il-mibgħut jidħol fil-ħajja u l-missjoni ta' dak ''li xejjen lilu nifsu billi ħa n-natura ta' lsir'' (Fil 2,7). Għalhekk huwa għandu jżomm ruħu mħejji biex jibqa' fidil għas-sejħa tiegħu matul ħajtu kollha, jiċħad lilu nnifsu u dak kollu li qabel kien tiegħu u jsir kollox għal kulħadd.[119]  

          Meta jxandar l-Evanġelju lill-ġnus huwa għandu jgħarraf il-misteru ta' Kristu, li tiegħu hu l-ambaxxatur, b'daqshekk fiduċja illi ma jibżax jitkellem kif jenħtieġ[120] u lanqas mill-iskandlu tas-salib. Waqt li jimxi wara l-eżempju tal-Imgħallem tiegħu li hu ta' qalb ħelwa u umli, huwa għandu jagħti prova li l-madmad tiegħu ħelu u t-toqol tiegħu ħafif.[121] B'ħajja tassew evanġelika,[122] b'sabar kbir, bil-ħlewwa, b'qalb miftuħa, bl-imħabba sinċiera,[123] huwa għandu jagħti xhieda tal-Mulej tiegħu, jekk jenħtieġ sat-tixrid tad-demm. Huwa jitlob u jaqla' minn għand Alla l-virtù u l-qawwa biex jagħraf illi l-ferħ kien kotran fejn il-prova kienet twila u l-faqar bla tarf.[124]  Huwa għandu jikkonvinċi ruħu illi l-ubbidjenza hija virtù karatteristika tad-dixxiplu ta' Kristu illi bl-ubbidjenza tiegħu feda l-ġnus tal-bnedmin.

          Il-ħabbara tal-Evanġelju, biex ma jinsewx il-grazzja li għandhom fihom, għandhom jiġġeddu minn jum għal ieħor b'tibdila spiritwali tal-fehma tagħhom.[125] Min-naħa tagħhom l-Ordinarji u s-Superjuri għandhom, fi żminijiet determinati, jiġbru flimkien il-missjunarji biex jissaħħu fit-tama tal-vokazzjoni u jġġeddu fil-ministeru appostoliku. Huma għandhom iwaqqfu wkoll djar għal dan l-iskop.

 

Formazzjoni spiritwali u morali

25.     Il-missjunarju tal-ġejjieni għandu jingħata formazzjoni spiritwali u morali speċjali għal dan ix-xogħol hekk kbir.[126] 

Huwa għandu jkun lest li jieħu inizjattivi,  li jkollu l-kostanza li jtmm ħidmietu, il-perseveranza li jegħleb id-diffikultajiet u li jerfa' bi spirtu ta' sabar u ta' qawwa s-solitudni, l-għeja u x-xogħol li ma jagħtix riżultati. Hu jersaq lejn il-bnedmin b'moħħ miftuħ u b'qalb kbira, jilqa' bil-qalb l-inkarigi li jagħtuh, jaddattta ruħu wkoll bil-ġenerożita għad-drawwiet tal-popli u għaċ-ċirkustanzi li jitbiddlu; bi spirtu ta' ftehim u ta' karità reċiproka huwa jikkopetra mal-aħwa u ma dawk kollha li qegħdin jagħtu rwieħhom għall-istess xogħol b'mod illi, fuq l-eżempju tal-komunità appostolika, huwa u l-fidili jkunu qalb waħda u ruħ waħda.[127]

          Dawn id-dispożizzjonijiet tal-ispirtu jridu jkunu mħarrġa sewwa sa miż-żmien tal-formazzjoni; il-ħajja spiritwali għandha televahom u tgħajjixhom. Mimli b'fidi ħajja u b'tama li ma tiġix nieqsa, il-missjunarju għandu jkun bniedem tat-talb; għandu jkun mixgħul bl-ispirtu ta' virtù, ta' mħabba u ta' rażan,[128] għandu jsir jaf jgħaddi b'dak li jkollu;[129] bi spirtu ta' sagrifiċċju għandu jġorr f'ġismu l-mewt ta' Ġesù biex il-ħajja ta' Ġesù taħdem f'dawk li jintbagħtilhom;[130] fiż-żelu tiegħu għall-erwieħ huwa għandu bil-qalb jonfoq u jintefaq għall-ġid tal-erwieħ[131] u b'hekk jikber bl-eżerċizzju ta' kuljum tal-ministeru tiegħu fl-imħabba ta' Alla u tal-proxxmu.[132] B'hekk f'għaqda ma' Kristu fl-ubbidjenza għar-rieda tal-Missier huwa jkompli l-missjoni tiegħu taħt l-awtorità ġerarkika tal-Knisja u jissokta jikkoopera fil-misteru tas-salvazzjoni.

      

Formazzjoni dottrinali u appostolika

26.     Dawk li jintbagħtu lil ġnus differenti, bħala ministri tajbin ta' Kristu, għandhom jitrawwmu ''fil-kliem tal-fidi u fit-tagħlim tajjeb'' (1 Tim 4,6) li huma għandhom l-ewwelnett isibu fil-Kotba Mqaddsa waqt li jkunu jgħarblu l-Misteru ta' Kristu li tiegħu huma l-ħabbara u x-xhieda.

          Għalhekk il-missjunarji kollha - saċerdoti, reliġjużi, rġiel u nisa, lajċi - għandhom ikunu mħejjija u ffurmati kull wieħed minnhom skont il-ħtigiet tiegħu b'mod illi jkunu kapaċi jwieġbu għall-esiġenzi tax-xogħol futur tagħhom.[133] Sa mill-bidu l-formazzjoni dottrinali għandha tingħata b'mod illi tħaddan kemm l-universalità tal-Knisja kemm id-diversità tal-ġnus. Dan jgħodd għall-materji kollha li jħejju għall-qadi tal-ministeru u jgħodd ukoll għax-xjenzi l-oħra li jintgħallmu għaliex jiswew biex jagħtu tagħrif ġenerali dwar il-popli, il-kulturi u r-reliġjonijiet mhux bidd għal dak li jolqot l-istorja tal-imgħoddi iżda wkoll għal dak li jiteressa l-attwalità. Għaliex kull min ikun ser imur għand poplu ieħor għandu jkollu rispett kbir għall-wirt, l-ilsna u d-drawwiet tiegħu. Jeħtieġ qabel xejn li min ser isir missjunarju jagħmel studji ta' missjoloġija, jiġifieri li jkun jaf it-tagħlim u l-liġijiet tal-Knisja dwar il-ħidma missjunarja, ikun ukoll jaf minn liema toroq għaddew il-ħabbara tal-Evanġelju mal-mixja taż-żminijiet, x'inhi l-qagħda preżenti tal-missjonijiet u liema huma l-metodi li llum jitqiesu li jħallu l-akbar ġid.[134]

          Għalkemm din il-formazzjoni integrali għandha tkun kollha animata minn żelu pastorali, jeħtieġ izda tingħata formazzjoni appostolika speċjali li tkun maħsuba tajjeb kemm fit-teorija kemm fit-taħriġ prattiku.[135]

          Għandu jkun hemm għadd kbir ta' reliġjużi, rġiel u nisa, li għandhom jitgħallmu l-arti katekista u jitħarrġu fiha sabiex ikunu jistgħu jikkollaboraw iżjed fl-appostolat.

          Jeħtieġ li dawk ukoll li għal xi żmien jieħdu sehem fil-ħidma missjunarja jiksbu formazzjoni xierqa għall-iskopijiet tagħhom.

          Dawn l-għamliet kollha ta' formazzjoni għandhom ikunu kompletati fl-artijiet li fihom jintbagħtu sabiex il-missjunarji jsiru jafu aħjar l-istorja, l-istrutturi soċjali u d-drawwiet tal-popli, jistudjaw tajjeb is-sistema ta' valuri morali, il-preċetti reliġjużi u l-ideat profondi li, skont it-tradizzjonijiet sagri tagħhom, huma ffurmaw dwar Alla, id-dinja u l-bniedem.[136]  Min-naħa l-oħra għandhom jitgħallmu l-ilsna daqshekk tajjeb illi jkunu jistgħu jużawhom b'ħeffe u bi stil mirqum u b'hekk isibuha eħfef li jilħqu l-imħuħ u l-qlub.[137] Barra hekk huma għandhom jithejjew kif imiss għal xi ħtiġiet pastorali partikolari.

          Xi wħud, imbagħad, għandhom jirċievu preparazzjoni akbar f'istituti  ta' missjoloġija jew f'universitajiet jew fakultajiet oħra sabiex ikunu jistgħu jaqdu b'akbar ġid xi dmirijiet speċjali li jingħatawlhom.[138] Huma jkunu jistgħu jgħinu wkoll, bil-kultura li jkollhom, lill-missjunarji l-oħra fil-ħidma missjunarja li, l-aktar fi żmienna, tippreżenta daqshekk diffikultajiet u fl-istess ħin daqshekk okkażjonijiet favorevoli. Hi ħaġa ta' min jixtieqha ħafna li l-Konferenzi Episkopali Reġjonali jkollhom għall-qadi tagħhom għadd biżżejjed ta' esperti li jużaw ix-xjenza u l-esperjenza tagħhom fil-ħtiġiet tal-uffiċċju tagħhom. M'għandhomx jonqsu wkoll l-esperti fl-użu tal-mezzi tekniċi u tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali li tagħhom kulħadd għandu jagħraf l-importanza kbira.

 

L-Istituti li jaħdmu fil-missjonijiet

27.     Dan kollu, għalkemm meħtieġ għalkollox għal kull min jintbagħat lill-ġnus, ma jistax fil-fatt jintlaħaq mill-individwi waħedhom. U billi l-ħidma missjunarja nnifisha, kif tixhed l-esperjenza, ma tistax ssir mill-individwi waħedhom, sejħa komuni wasslithom biex jingħaqdu f'istituti li fihom jgħaqqdu l-enerġiji tagħhom flimkien biex jiksbu formazzjoni tajba u jagħmlu dik il-ħidma f'isem il-Knisja u kif trid l-awtorità ġerarkika. Dawn l-Istituti, minn sekli ilu, tgħabbew bil-piż tal-jum u s-sħana kemm jekk ingħataw għalkollox għal l-ħidma missjunarja kemm jekk taw sehem minn ħinhom. Ta' sikwit is-Santa Sede fdat f'idejhom għall-evanġeliżżazzjoni territorji kbar li fihom huma ġemgħu għal Alla poplu ġdid u Knisja lokali maqgħuda mar-Rgħajja tagħha. Lill-Knejjes li waqqfu b'għaraqhom, anzi b'demmhom huma jaqduhom biż-żelu u bl-esperjenza tagħhom f'ħidma flimkien tal-aħwa. Dan jagħmluh jew b'ħidma pasrorali ta' kura tal-erwieħ jew billi jaqdu xi uffiċċji speċjali għall-ġid komuni.

          Xi drabi jieħdu f'idejhom ħidmiet aktar urġenti għal dak kollu li għandu x'jaqsam ma' xi żona kbira partikolari bħal, ngħidu aħna, l-evanġeliżżazzjoni ta' gruppi jew ta' popli li forsi għal xi raġunijiet partikolari qatt ma jkunu semgħu t-taħbira tal-Evanġelju jew s'issa irreżistewha.[139]  

          Jekk ikun jeħtieġ huma għandhom ikunu lesti li jiiffurmaw lil dawk li qegħdin jingħataw għal xi żmien għall-ħidma missjunarja u jgħinuhom bl-eserjenza tagħhom.

          Għal fdawn ir-raġunijiet u minħabba il-fatt li baqa' ħafna ġnus li għad iridu jitwasslu għand Kristu, dawn l-Istituti għadhom meħtieġa ħafna.  

 

 

 

Kap V

L-ORGANIZZAZZJONI TAL-ĦIDMA MISSJUNARJA

 

Daħla

28.     L-insara għaliex irċevew doni differenti (cf. Rum 12,6) għandhom jaħdmu flimkien għall-kawża tal-Evanġelju kull wieħed minnhom skont l-opportunitajiet, il-mezzi, il-kariżmi u l-ministeru li jkollu. (cf. 1 Kor 3,10). Għalhekk jeħtieġ li l-insara kollha, dawk li jiżirgħu u dawk li jaħsdu (cf. Ġw 4,37) dawk li jħawlu u dawk li jsaqqu, ikunu qalb waħda[140] sabiex waqt li lkoll jaħdmu bil-libertà u b'mod ordinat għall-istess skop,[141] iħaddmu għalenija l-forzi tagħhom għall-bini tal-Knisja.

          Għal din ir-raġuni l-ħidma tal-ħabbara tal-Evanġelju u l-għajnuniet li jagħtu l-insara l-oħra għandhom ikunu diretti u koordinati b'mod illi ''kollox isir kif imur u bl-ordni'' (1Kor 14,40) fl-oqsma kollha tal-ħidma u tal-kooperazzjoni missjunarja.

         

Organizzazzjoni ġenerali

29.     Il-ħsieb li jixandar l-Evanġelju mad-dinja kollha huwa qabel xejn dmir tal-korp tal-Isqfijiet,[142] imiss għalhekk lis-Sinodu tal-Isqfijiet, jew ''il-Kunsill permanenti tal-Isqfijiet għall-Knisja kollha'',[143] li fost ħwejjeġ ta' importanza ġenerali[144] jagħti ħsieb speċjali lill-ħidma missjunarja li hi l-akbar u l-eqdes dmir tal-Knisja.[145]

          Għandu jkun hemm dikasteru kompetenti wieħed biss għall-missjonijiet u għall-ħidma missjunarja kollha, jiġifieri dak ''għall-propagazzjoni tal-fidi''. Dan id dikasteru għandu jidderieġi u jikkoordina x-xogħol missjunarju u l-kooperazzjoni missjunarja kollha, iżda jibqa' mħares dejjem id-dritt tal-Knejjes Orjentali.[146] 

          Ghalkemm l-Ispirtu s-Santu jqajjem l-ispirtu missjunarju fil-Knisja ta' Alla f'għamliet differenti u mhux rari illi jasal ukoll qabel il-ħidma ta' dawk li għandhom id-dmir li jmexxu l-ħajja tal-Knisja, b'danakollu jeħtieġ li dsan id-dikasteru jġib 'l quddiem, safejn jista', il-vokazzjoni u l-ispiritwalità missjunarja, iż-żelu u t-talb, u jagħti informazzjonijiet awtentiċi u eżatti dwarhom. Huwa dmir ukoll ta' dan id-dikasteru illi jfittex u jħeġġeġ il-missjunarji u jqassamhom skont il-ħtiġiet l-iżjed urġenti. Imiss lilu li jfassal pjan ta' azzjoni, joħroġ direttivi u jagħti prinċipji li jkunu tajbin għall-evanġeliżżazzjoni, u jagħti spinta lill-ħidma missjunarja. Huwa dmir tiegħu li jġib 'l quddiem u jikkoordina l-ġbir effettiv tal-fondi li mbagħad għandhom jitqassmu skont il-ħtieġa jew l-utilità, il-firxa tat-territorju, l-għadd tal-fidili u tal-infidili, tal-ħidmiet u tal-istituti, tal-ministri u tal-missjunarji.

          Flimkien mas-Segretarjat għall-Għaqda tal-insara dan id-dikasteru għandu jfittex it-triqat u l-meżżi biex jibda u jorganiżża kollaborazzjoni tal-aħwa mal-ħidmiet missjunarji ta' komunitajiet insara oħra, ifittex li l-komunitajiet kattoliċi  u dawk ta' nsara oħra jgħixu flimkien fis-sliem u, safejn hu possibli, jitneħħa l-iskandlu tal-firda.

          Għalhekk jeħtieġ illi dan id-dikasteru jkun hemm strument ta' amministrazzjoni kemm organu ta' direzzjoni dinamika li tagħmel użu mill-metodi xjentifiċi u mill-meżżi li jkunu addattati għall-kondizzjonijiet ta' dan iż-żmien, jiġifieri direzzjoni li żżomm quddiem għajnejha dak kollu li waslu għalih it-teoloġija, il-metodoloġija u l-pastorali missjunarja.

          Fid-direzzjoni ta' dan id-dikasteru għandu jkollhom sehem attiv b'vot deliberattiv ir-rappreżentanti ta' dawk kollha li jikkollaboraw fil-ħidma missjunarja: isqfijiet magħżula mid-dinja kollha, wara li jkunu nstemgħu l-Konferenzi Episkopali, u d-diretturi tal-Istituti tal-Opri Pontifiċji; il-ħatra tagħhom issir skont kriterji u metodi  stabbiliti mill-Isqof ta' Ruma, il-Papa. Dawn kollha għandhom jitlaqqgħu minn żmien għal żmien u, taħt l-awtorità tal-Papa, għandu jkollhom f'idejhom tmexxija tal-ħidma missjunarja kollha.

           Dan id-dikasteru għandu jkollu ġemgħa permanenti ta' konsulenti esperti magħrufa għall-għerf jew l-esperjenza tagħhom. Fost dmirijiet oħra din il-ġemgħa permanenti jkollha dak li tiġbor informazzjonijiet utli dwar is-sitwazzjoni lokali f'żoni differenti, dwar il-mentalità tal-gruppi differenti tal-bnedmin udwar il-metodi ta' evanġeliżżazzjoni li għandhom ikunu addottati. Fuq il-bażi ta' dawn l-informazzjonijiet hija għandha tipproponi konklużjonijiet xjentifikament validi għall-ħidma u l-kooperazzjoni missjunarja .

          Għandhom ikunu rappreżentati wkoll b'mod xieraq l-istituti tar-reliġjużi, il-ħidmiet reġjonali għall-missjonijiet u l-organiżżazzjonijiet tal-lajċi l-aktar dawk ta' xejra internazzjonali.

         

L-organiżżazzjoni lokali fil-missjonijiet

30.     Biex il-ħidma missjunarja ssir b'mod li tilħaq l-iskopijiet u tikseb ir-riżultati jeħtieġ li dawk kollha li jaħdmu fil-missjonijiet ''ikunu qalb waħda u ruħ waħda'' (Atti 4,32).

          Huwa d-dmir tal-Isqof, bħala l-mexxej u ċ-ċentru tal-għaqda fl-appostolat djoċesan, illi jġib 'l quddiem l-attività missjunarja, jiddiriġiha u jikkordinaha b'mod, iżda, illi jħares u jinkoraġġixxi l-inizjattiva ta' dawk li jieħdu sehem fiha. Il-missjunarji kollha, ir-reliġjużi eżenti wkoll, jiddependu mill-awtorità tiegħu fil-ħidmiet differenti li għandhom x'jaqsmu mat-tħaddim tal-appostolat imqaddes.[147] Għal koordinament aħjar l-Isqof, min-naħa tiegħu, għandu, safejn jista' jkun, iwaqqaf il-kunsill pastorali li fih il-kjeriċi, ir-reliġjużi u l-lajċi jkollhom sehem permezz ta' rappreżentanti magħżula. Huwa għandu jieħu ħsieb ukoll illi l-ħidma appostolika ma tillimitax ruħha għal dawk biss li diġa huma konvertiti iżda li parti xierqa tal-operaturi pastorali u tal-meżżi li jkollu jingħataw għall-evanġeliżżazzjoni ta' dawk li mhumiex insara.

 

Koordinament reġjonali

31.     Il-Koferenzi Episkopali għandhom jittrattawbi ftehim bejniethom il-kwistjonijiet u l-problemi l-aktar urġenti mingħajr, iżda, ma jittraskuraw id-differenzi lokali.[148] Sabiex ir-riżorsi tal-personal u tal-meżżi li jkollhom ma jinħlewx u sabiex ma jiżdiedux l-inizjattivi bla ħtieġa, ikun tajjeb illi l-Konferenzi Episkopali jgħaqqdu l-forzi li għandhom meta jiġu biex jibdew dawk il-ħidmiet li huma ta' ġid għal kulħadd bħal, ngħidu aħna, is-seminarji, l-iskejjel għoljin u dawk tekniċi, iċ-ċentri pastorali, katekistiċi u liturġiċi, u dawk għal meżżi tal-komunikazzjoni soċjali.

          Kooperazzjoni bħal din għandha ssir ukoll bejn il-Konferenzi Episkopali differenti kull meta jkun f'waqtu.

 

Organiżżazzjoni tal-ħidma tal-Istituti

32.     Jaqbel ukoll li jsir il-koordinament tal-attivitajiet li jsiru mill-Istituti u mill-assoċjazzjonijiet ekkleżjastiċi. Dawn kollha, ikunu ta' liema għamla jkunu, għandhom jiddependu mill-Ordinarju tal-post għal dak kollu li jolqot il-ħidma missjunarja. Għalhekk jiswa ta' ġid kbir li jsiru kuntratti li bihom ikunu regolati r-relazzjoni bejn l-Ordinarju tal-post u s-Superjur tal-Istitut.

          Meta xi territorju jitħalla f'idejn xi istitut partikolari, is-Superjur Ekkleżjastiku u l-Istitut innifsu jridu jaħsbu illi jagħmlu minn kollox biex din il-komunità nisranija ġdida tikber fi Knisja lokali illi, malli jkun il-waqt, tibda titmexxa mill-Isqof u l-kleru tagħha.

          Meta jintemm il-mandat fuq xi territorju tinħoloq sitwazzjoni ġdida. F'dak il-waqt il-Konferenzi Episkopali u l-Istituti, bi ftehim bejniethom, għandhom jistabbilixxu normi li bihom ikunu regolati r-relazzjonijiet bejn l-Ordinarji tal-post u l-Istituti.[149] Imiss, iżda, lis-Santa Sede li tagħti l-prinċipji ġenerali li fuqhom isiru l-kuntratti reġjonali jew ukoll dawk partikolari.

          L-Istituti jkunu żgur lesti li jkomplu x-xogħol li huma jkunu bdew billi jikkollaboraw fil-ministeru ordinarju tal-kura tal-erwieħ. B'danakollu, malli l-kleru lokali jibda jikber ikun jeħtieġ illi jingħata ħsieb biex l-Istituti, sakemm dan ikun jaqbel ma-iskopijiet tagħhom, jibqgħu fidili lejn id-djoċesi nnifisha billi bil-ġenerożità jieħdu f'idejhom jew xi ħidmiet speċjali jew xi part mid-djoċesi.

 

Koordinament bejn l-Istituti

33.     Jeħtieġ min-naħa l-oħra illi l-Istituti li qegħdin jagħmlu attività missjunarja fl-istess territorju jsibu t-triqat u l-meżżi biex jikkoordinaw il-ħidmiet tagħhom. Ghalhekk ikunu ta' siwi kbir il-konferenzi tar-reliġjużi rġiel u l-għaqdiet tar-reliġjużi nisa li fihom jieħdu sehem l-Istituti kollha tal-istess nazzjon jew tal-istess reġjun. Dawn il-Konferenzi għandhom jaraw x'jista' jsir bi sforz komuni u jżommu rwieħhom f'kuntatt mill-qrib tal-Konferenzi Episkopali.

          Dan kollu, għall-istess raġunijiet, jiswa li jkun applikat ukoll għall-kollaborazzjoni fost l-istituti missjunarji fl-artijiet minn fejn huma ġejjin sabiex b'hekk il-kwistjonijiet jirrisolvu rwieħhom b'aktar ħeffa u l-inizjattivi komuni jsiru b'mod eħfef u bi spejjeż anqas. Eżempji ta' dan jistgħu jkunu l-formazzjoni dottrinali ta' dawk li jkunu ser isiru missjunarji, il-korsijiet għall-missjunarji, ir-relazzjonijiet mal-awtoritajiet pubbliċi jew mal-organiżmi internazzjonali jew sopranazzjonali, u r-rapporti li jridu jintbagħtu lilhom.

         

Koordinament bejn l-istituti xjentifiċi

34.     Biex issir sewwa u kif imiss, il-ħidma missjunarja titlob li l-ħaddiema evanġeliċi jkunu mħejjija xjentifikament biex jaqdu dmirijiethom, l-aktar għad-djalogu mar-reliġjonijiet u kulturi mhux insara, u titlob ukoll li huma jkunu megħjunin b'mod effetttiv waqt li jkunu qegħdin jagħmlu x-xogħol missjunarju. Għalhekk huwa mixtieq li l-istituti xjentifiċi kollha li jispeċjaliżżaw fil-missjoloġija jew f'xi xjenza jew arti oħra li jiswew għall-missjonijiet, bħall-etnoloġija, il-lingwistika, l-istorja u x-xjenza tar-reliġjonijiet, is-soċjoloġija, il-metodi pastorali u materji oħra bħal dawn, jaħdmu id f'id bħall-aħwa u bil-ġenerożità għall-ġid tal-missjonijiet.

   

 

Kap VI

IL-KOOPERAZZJONI

 

Daħla

35.     Billi l-Knisja hija kollha kemm hi missjunarja u billi l-ħidma ta' evaġeliżżazzjoni hija dmir fundamentali tal-Poplu ta' Alla, dan il-Konċilju Mqaddes jistieden lil kulħadd għal tiġdid ġewwieni profond biex b'kuxjenza ħajja tar-responsabbiltà li kulħadd għandu għat-tixrid tal-Evanġelju l-insara kollha jagħtu sehemhom għall-ħidma missjunarja fost il-ġnus.

 

Id-dmir missjunarju tal-Poplu ta' Alla kollu

36.     Il-fidili kollha, bħala membri ta' Kristu ħaj, li saru bil-Magħmudija, bl-Ewkaristija u bil-Griżma, sehem mill-Ġisem tiegħu u jixbhuh, għandhom id-dmir li ġej mill-uffiċċju tagħhom ta' nsara li jikkooperaw biex il-Ġisem tiegħu jikber u jinfirex biex mill-aktar fis iwassluh għall-milja tiegħu.[150] 

          Għalhekk l-ulied kollha tal-Knisja għandu jkollhom kuxjenza ħajja tar-responsabbiltà tagħhom lejn id-dinja, irawmu fihom nfushom spirtu tassew kattoliku, u jagħtu l-enerġija tagħhom fix-xogħol tal-evanġeliżżazzjoni. Iżda jeħtieġ li l-insara kollha jagħrfu illi l-ewwel u l-aqwa dmir tagħhom għat-tixrid tal-Evanġelju huwa li jgħixu profondament il-fidi nisranija. Għaliex il-ħerqa tagħhom fis-servizz ta' Alla u l-karità tagħhom lejn l-oħrajn iġibu żiffa spiritwali ġdida għall-Knisja kollha li tkun tidher bħala sinjal mgħolli fuq il-ġnus,[151] ''dawl tad-dinja'' (Mt 5,14) u ''melħ tal-art'' (Mt 5,13). Din ix-xhieda tal-ħajja jkollha l-effett tagħha b'akbar ħeffa jekk tingħata f'għaqda mal-gruppi nsara l-oħra, skont kif jitlob id-Digriet dwar l-Ekumeniżmu.[152]

          B'dan l-ispirtu mġedded isiru bil-qalb lil Alla talb u għemejjel ta' penitenza biex bil-grazzja tiegħu jkattar il-ħidma tal-missjunarji, jitqanqlu l-vokazzjonijiet missjunarji u minnhom joħorġu l-għajnuniet li l-missjonijiet jeħtieġu.

          U biex il-fidili kollha u kull wieħed minnhom ikunu jafu sewwa x'inhil-qagħda tal-Knisja fid-dinja llum u jisimgħu leħen il-ġnus jgħajjat ''Għinuna''[153] jeħtieġ li jaslulhom l-aħbarijiet missjunarji wkoll permezz tal-meżżi moderni tal-komunikazzjoni soċjali. B'hekk huma jkunu jistgħu jħossu li l-ħidma missjunarja hija tagħhom ukoll u jkunu jistgħu jiftħu qalbhom għall-ħtiġiet daqshekk kbar u profondi tal-bnedmin.

          Jeħtieġ ukoll li l-aħbarijiet ikunu koordinati  u li jkun hemm kooperazzjoni mal-organiżmi nazzjonali u internazzjonali.

 

Id-dmir missjunarju tal-komunitajiet insara.

37.     Iżda l-Poplu ta' Alla jgħix fil-komunitajiet, l-aktar dawk djoċesani u parrokkjali,  u fihom jieħu b'xi mod forma li tidher.

 Għalhekk imiss lil dawn il-komunitajiet li jkunu xhieda ta' Kristu quddiem il-ġnus.

          Il-grazzja tat-tiġdid ma tistax tikber fil-komunitajiet jekk kull waħda minnhom ma twassalx il-karità tagħha sa truf l-art u ma tiħux ħsieb ta' dawk li huma 'l bogħod hekk kif tahseb fil-membri tagħha.

          Hekk hija l-komunità li titlob, li tikkoopera u tagħmel ħidma fost il-ġnus permezz ta' dawk fost uliedha li Alla għażel għal dan ix-xogħol l-aktar għoli.

          Sakemm ms titħalliex fil-ġenb il-ħidma missjunarja universali, ikun ta' siwi kbir illi jnżamm kuntatt mal-misjunarji li ħarġu mill-komunità jew ma' xi paroċċa jew djoċesi parikolari sabiex il-komunjoni bejn il-komunitajiet issa tidher u tisfa' ta' ġid għaż-żewġ naħat.

 

Id-dmir missjunarju tal-Isqof.

38.     L-Isqfijiet kollha, bħala membri tal-korp episkopali li huwa suċċessur tal-Kulleġġ tal-Appostli, kienu kkonsagrati mhux għad-djoċesi tagħhom biss iżda għas-salvazzjoni tad-dinja kollha. Il-kmand ta' Kristu li l-Evanġelju jixxandar lill-ħolqien kollu[154] jolqot qabel kulħadd u immedjatament lilhom f'għaqda ma Pietru u taħt l-awtorità tiegħu. Minn hawn ġejja dik il-komunjoni u dik il-kooperazzjoni bejn il-Knejjes li llum hija daqshekk meħtieġa biex il-ħidma tax-xandir tal-Evanġelju tissokta. Huwa bis-saħħa ta' din il-komunjoni illi kull waħda mill-Knejjes terfa' r-responsabbiltà tal-Knejjes l-oħra, jgħidu lil xulxin il-ħtiġiet li jkollhom u jaqsmu bejniethom il-ġid li għandhom. Dan isir għaliex huwa dmir tal-Kulleġġ tal-Isqfijiet kollu li jkabbar il-Ġisem ta' Kristu.[155]                    

          Meta l-Isqof fid-djoċesi tiegħu, li magħha jagħmel ħaġa waħda, iqanqal il-ħidma missjunarja, iġibha 'l quddiem u jmexxiha, ikun qiegħed jirrendi preżenti u qishom jidhru fl-għajnejn l-ispirtu missjunarju u l-ħrara missjunarja tal-Poplu kollu ta' Alla. Id-djoċesi kollha ssir missjunarja.

          Huwa dmir tal-Isqof li jqanqal fil-poplu tiegħu, l-aktar fost il-morda u fost dawk li jkunu qegħdin ibatu, għadd ta' erwieħ li joffru lil Alla b'qalb miftuħa talb u għemejjel ta' penitenza għall-evanġeliżżazzjoni tad-dinja, li jinkoraġġixxi bil-qalb il-vokazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-kjeriċi għall-Istituti missjunarji, u jiżżi ħajr jekk Alla jagħżel lil xi wħud minnhom biex jieħdu sehem fil-ħidma missjunarja tal-Knisja, li jħeġġeġ lill-Kongregazzjonijiet djoċesani u jgħinhom biex jagħmlu l-parti tagħhom fil-missjonijiet, li jġib 'l quddiem il-ħidma tal-Istituti missjunarji qalb il-fidili, l-aktar l-Opri Misjunarji Pontifiċji. Fil-fatt lil dawn l-Opri Misjunarji Pontifiċji jistħoqq l-ewwel post għaliex huma il-mezz kemm biex jimlew il-fidili, sa mindu jkunu tfal, bi spirtu tassew universali u missjunarju kemm biex jiġbru b'mod sewwa l-fondi li jmorru għall-ġid tal-missjonijiet kollha u jitqassmu skont il-ħtieġa ta' kull waħda.[156]

          Iżda billi l-ħtieġa tal-ħaddiema qiegħda tikber kuljum iżjed fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej u s-saċerdoti djoċesani qegħdin jixtiequ li jkollhom sehem dejjem akbar fl-evanġeliżżazzjoni tad-dinja, il-Konċilju Mqaddes jixtieq li l-isqfijiet jieħdu f'konsiderazzjoni kemm qed ifixkel l-evanġeliżżazzjoni ta' ħafna artijiet in-nuqqas gravi ta' saċerdoti u jibagħtu lid-djoċesijiet li qegħdin ibatu minn nuqqas ta' kleru xi wħud mill-aħjar saċerdoti tagħhom li, wara l-preparazzjoni meħteġa, joffru rwieħhom, almenu għal żmien, għall-ministeru missjunarju fi spirtu ta' servizz.[157]

          Sabiex l-attività missjunarja tal-Isqfijiet tkun tista' ssir b'riżultati aħjar għall-ġid tal-Knisja kollha, ikun tajjeb illi l-Konferenzi Episkopali jirregolaw il-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-kooperazzjoni organiżżata tar-reġjun tagħhom.

          Fil-Konferenzi tagħhom l-Isqfijiet huma fid-dmir li jittrattaw dwar is-saċerdoti tal-kleru djoċesan li għandhom jingħataw għall-evanġeliżżazzjoni tal-ġnus, dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja  li kull djoċesi għandha tagħti kull sena għall-ħidma tal-missjonijiet, kontribuzzjoni li għandha tkun proporzjonata għall-fondi li kull djoċesi jkollha,[158] dwar id-direzzjoni u l-organiżżazzjoni tal-modi u l-mezzi li bihom il-missjonijiet ikunu direttament megħjuna, dwar l-Istituti missjunarji u s-seminarju tal-kleru djoċesan għall-għajnuna tal-missjonijiet, kemm dawk diġa mwaqqfa kemm dawk li, jekk ikun jeħtieġ ikunu jridu jitwaqqfu, dwar ir-relazzjonijiet aktar mill-qrib li għandu jkun hemm bejn istituzzjonijiet bħal dawn u d-djoċesijiet.

          Imma bl-istess mod lill-Konferenzi Episkopali li jwaqqfu u jġibu 'l quddiem dawk l-istituzzjonijiet li jaħsbu biex lil dawk li, għal raġunijiet ta' studju jew ta' xogħol, jemigraw mill-artijiet tal-missjoni jilqgħuhom bħal aħwa u jgħinuhom b'kura pastorali xierqa. Permezz tagħhom, infatti, popli mbegħdin minn xulxin isiru b'xi mod qrib wieħed tal-ieħor u komunitajiet li ilhom żmien twil insara tingħatalhom l-okkażjoni li jiftħu djalogu ma' nazzjonijiet li qatt ma semgħu l-Evanġelju u li juruhom bil-qadi tagħhom ta' mħabba u ta' għajnuna l-wiċċ veru ta' Kristu.[159]          

               

Id-dmir missjunarju tal-presbiteri

39.     Il-presbiteri jirrappreżentaw il-persuna ta' Kristu u huma kooperaturi tal-ordni episkopali fl-uffiċċji tlieti li min-natura tiegħu għandu x'jaqsam mal-missjoni tal-Knisja.[160] Huma għalhekk għandhom jagħrfu profondament illi l-ħajja tagħhom hija kkonsagrata għall-qadi tal-missjonijiet ukoll. U billi huma jidħlu f'għaqda ma' Kristu ras tal-Knisja u jwasslu lil oħrajn għal din l-għaqda permezz tal-ministeru tagħhom - ministeru li għandu bħala ċentru tiegħu l-Ewkaristija li jagħti lill-Knisja l-perfezzjoni tagħha - huma ma jistgħux ma jħossux dak li għad jonqos biex il-Ġisem tiegħu jilħaq il-milja tiegħu u kemm għad irid isir iżjed biex jikber kuljum aktar. Għalhekk huma għandhom jorganiżżaw il-ħidma pastorali tagħhom hekk illi sservi ta' ġid għat-tixrid tal-Evanġelju fost dawk li mhumiex insara.

          Fil-ħidma pastorali tagħhom il-presbiteri għandhom iqajmu u jħarsu fost il-fidili ż-żelu għall-evaġeliżżazzjoni tad-dinja. Dan jagħmluh billi, permezz tal-katekeżi u tal-predikazzjoni, jgħallmu 'l-insara dwar id-dmir li l-Knisja għandha tħabbar lil Kristu lill-ġnus, jgħallmu lill-familji nsara dwar il-ħtieġa u l-unur li jrawmu f'uliedhom, subjien u bniet, il-vokazzjonijiet missjunarji, iġibu 'l quddiem fiż-żgħażagħ tal-iskejjel u l-assoċjazzjonijiet kattoliċi x-xewqa u l-ħerqa missjunarja hekk illi minnhom jistgħu joħorġu 'l quddiem il-ħabbara tal-Evanġelju. Huma għandhom jgħallmu 'l-fidili jitolbu għall-missjonijiet u m'għandhomx jistħu jgħidulhom jagħtu l-elemożina għall-missjonijiet u jsiru bħal tallaba għal Kristu u għas-salvazzjoni tal-erwieħ.[161]

          L-għalliema tas-seminarji u tal-universitajiet għandom jgħallmu liż-żgħażagħ dwar il-qagħda vera tad-dinja u tal-Knisja sabiex jagħrfu iżjed ċar il-ħtieġa ta' evanġeliżżazzjoni aktar intensa ta' dawk li mhumiex insara u b'hekk jikber iż-żelu tagħhom għall-kawża missjunarja. Waqt li jgħallmuhom id-dommatika, l-iskrittura, it-teoloġija morali u l-istorja huma għandhom jixħtu dawl fuq l-aspetti missjunarji ta' dawn il-materji ta' tagħlim sabiex b'hekk jiffurmaw kuxjenza missjunarja fis-saċerdoti tal-ġejjieni.

 

Id-dmir missjunarju tal-Istituti ta' Perfezzjoni

40.     L-Istituti ta' ħajja attiva u kontemplattiva kellhom s'issa u għad għandhom parti importanti ħafna fl-Evanġeliżżazzjoni tad-dinja. Il-Konċilju Mqaddes jagħraf bil-qalb il-merti tagħhom u jiżżi ħajr 'l Alla għal kemm għamlu għall-glorja ta' Alla u għas-servizz tal-erwieħ. Huwa jħeġġiġhom biex ikomplu jaħdmu bla waqfien fil-ħidma li bdew; huma jafu li l-virtù tal-karità, li huma għandhom irawmu ġo fihom b'mod aktar perfett għaliex hekk titlob il-vokazzjoni tagħhom, timbuttahom u tobbligahom għal spirtu u ħidma tassew kattoliċi.[162]

          Min-naħa tagħhom l-Istituti ta' ħajja kontemplattiva, bit-talb, bl-għemejjel ta' penitenza u bit-tiġrib li jgħaddu minnu, għandhom importanza mill-akbar fil-konverżjoni tal-erwieħ għaliex Alla, meta wieħed jitolbu, jibgħat il-ħaddiema fil-ħsad tiegħu,[163] jiftaħ il-qalb ta' dawk li mhumiex insara biex jisimgħu l-Evanġelju[164] u jkabbar il-kelma tas-salvazzjoni fi qlubhom.[165] L-Istituti huma mitluba li jiftħu d-djar tagħhom fl-artijiet tal-missjoni, kif ħafna minnhom diġà għamlu.Għalkemm ikollhom bilfors jagħmlu l-adattamenti meħtieġa għat-tradizzjonijiet reliġjużi tassew ġenwini tal-popli differenti li jkollhom jiltaqgħu magħhom, dawn ir-reliġjużi, bil-ħajja tagħhom, jistgħu jagħtu xhieda mdawla tal-kobor u l-karità ta' Alla u tal-għaqda tagħhom fi Kristu.

          L-Istituti ta' ħajja attiva, kemm jekk l-iskop essenzjali tagħhom huwa missjunarju kemm jekk le, għandhom jistaqsu lillhom infushom bis-sinċerità kollha quddiem Alla jekk humiex f'qagħda li jestendu l-ħidma tagħhom għat-tixrid tas-saltna ta' Alla fost il-ġnus; jekk jistgħux iħallu f'idejn oħrajn xi ministeri li għandhom biex jiddedikaw l-enerġija tagħhom għall-missjonijiet; jekk jistgħux jibdew xi ħidma fil-missjonijiet, imqar billi jaddattaw, jekk ikun meħtieġ, il-kostituzzjonijiet tagħhom għall-bżonnijiet ġodda mingħajr ma jmorru kontra l-ispirtu tal-Fundatur tagħhom; jekk il-membri tagħhom humiex qegħdin jieħdu sehem, skont kif jistgħu, fil-ħidma missjunarja; jekk l-imġiba tal-ħajja tagħhom hix xhieda tal-evanġelju applikat għax-xeħta u l-qagħda tal-poplu li miegħu jgħixu.

          U fl-aħħarnett, billi l-Istituti sekulari, bl-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu, qegħdin jikbru kuljum iżjed fil-Knisja, il-ħidma tagħhom, taħt l-awtorità tal-Isqof, tista' tkun ta' ġid fil-missjonijiet taħt aspetti differenti bħala sinjal ta' dedikazzjoni sħiħa għall-evanġeliżżazzjoni tad-dinja.

         

Id-dmir missjunarju tal-lajċi

41.     Il-lajċi jikkooperaw fil-ħidma ta' evanġeliżżazzjoni tal-Knisja u jieħdu sehem, bħala xhieda u fl-istess ħin strumenti ħajjin, fil-missjoni tagħha ta' salvazzjoni.[166]  Dan hu minnu l-iżjed jekk, imsejħin minn Alla, ikunu mqabbdin għal din il-ħidma mill-Isqfijiet.

          Fil-pajjiżi diġa nsara l-lajċi jikkooperaw fil-ħidma tal-evanġeliżżazzjoni billi jsaħħu fihom infushom u fl-oħrajn it-tagħrif u l-imħabba għall-missjonijiet, billi jqajmu l-vokazzjonijiet fil-familja tagħhom stess, fl-għaqdiet kattoliċi u fl-iskejjel, u billi jagħtu kull xorta ta' għajnuna biex id-don tal-fidi, li huma qalgħu b'xejn, jingħata lill-oħrajn.

          Fl-artijiet tal-missjoni l-lajċi, kemm dawk ġejjin minn barra l-pajjiż kemm dawk tal-post, għandhom jgħallmu fl-iskejjel, jamministraw il-ħid temporali, jikkollaboraw fil-ħidma parrokkjali u djoċesana, jibdew u jġibu 'l quddiem l-appostolat tal-lajċi ta' għamliet differenti sabiex il-fidili tal-knejjes il-ġodda jkunu jistgħu mill-aktar fis jieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja.[167]

          Il-lajċi għandhom joffru bil-qalb il-kooperazjoni tagħhom fil-qasam ekonomiku u soċjali lill-popli li jkunu qegħdin jiżviluppaw. Din il-kooperazzjoni ħaqqha tifħir akbar aktar ma jkollha x'taqsam mat-twaqqif ta' istituti li jaħdmu fuq l-istrutturi fundamentali tal-ħajja soċjali jew ikunu mwaqqfa għall-formazzjoni ta' dawk li jkollhom f'idejhom ir-reponsabbiltà tal-ħajja pubblika.

          Ħaqqhom tifħir speċjali dawk il-lajċi li fl-universitajiet jew fl-istituti xjentifiċi jġibu 'l quddiem fir-riċerki tagħhom xjentifiċi jew xjentifiċi-reliġjużi l-għarfien tal-popli utar-reliġjonijiet u b'hekk jgħinu 'l-missjunarji u jħejju għad-djalogu ma' dawk li mhumiex insara.

          Għandhom jaħdmu id f'id u bi spirtu ta' aħwa ma' dawk li mhumiex insara, l-aktar mal-membri tal-organiżżazzjonijiet internazzjonali, waqt li jżommu dejjem quddiem għajnejhom li ''il-belt tal-art tinbena dejjem fuq il-Mulej u timxi lejh''.[168]

          Biex jaqdu dawn id-dmirijiet kollha l-lajċi jeħtieġu l-preparazzjoni teknika u spiritwali neċessarja li għandha tingħata mill-istituti mwaqqfin għalhekk sabiex il-ħajja tagħhom tkun xhieda għal Kristu fost dawk li mhumiex insara bħalma jgħid l-Appostlu: ''Tkunux ta' tfixkil, la għal-Lhud, la għall-Griegi, u lanqas għall-Knisja ta' Alla. Hekk jien nogħġob lil kulħadd f'kollox, bla ma nfittex l-interessi tiegħi, imma tal-ħafna biex isalvaw.'' (1 Kor 10,32-33).

 

Konklużjoni

42.     Il-Padri tal-Konċilju, f'għaqda mal-Isqof ta' Ruma, waqt li jħossu l-piż tqil li għandhom li jxerrdu s-Saltna ta' Alla ma kullimkien, isellmu tassew bil-qalb lill-missjunarji kollha tal-Evanġelju, l-aktar lil dawk li qegħdin ibatu l-persekuzzjoni għall-isem ta' Kristu, u jingħaqdu magħhom fit-tbatija .[169]

          Il-Padri huma wkoll imħeġġin bl-istess imħabba li kienet tħeġġeġ fi Kristu. Huma jafu sewwa li Alla jrid ikun biex is-Saltna tiegħu tiġi fuq l-art. Għalhekk huma jitolbu flimkien mal-insara kollha biex, bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, Sultana tal-Appostli, il-ġnus jitwasslu mill-aktar fis għall-għarfien tal-verità[170] u l-glorja ta' Alla li tiddi f'wiċċ Kristu Ġesù tibda ddawwal lill-bnedmin kollha permezz tal-Ispirtu s-Santu.[171]     

 

 

7 ta' Diċembru 1965

Il-votazzjoni fuq dan id-dokument kienet hekk:

                   Iva 2394,    Le 5   (Total 2399).                 

         



[1] KD Lumen Gentium,48: AAS57 (1965), p.53.

[2] Cf. Mk 16,15

[3] S. Wistin, Enarr, in Ps. 44,23: PL36,508; CChr 38,510.

[4] Cf.Mt 5,13-14.

[5] Cf. Sir 36,19

[6] Cf. KD Lumen Gentium,1.

[7] Cf.Ġw 11,52

[8] S.IRINEW, Adv. Haer, 111 ,18,1 "Il-Verb li kien ma'  Alla,li permezz tiegħu sar kollox,u li kien dejjem preżenti mal-ġens tal-bnedmin...." PG 7,932; id. IV, 6.7: "Infatti sa mill-bidu l-Iben kien mal-ħolqien tiegħu: hu  jirrivela l-Missier lil dawk kollha li lilhom il-Missier irid jirrivela ruħu, u meta u kif irid il-Missier." Ibid. 990; cf. IV, 20, 6 u 7: ibid. 1037; Demonstratio n.34; Patr. Or. XII, 773; Sources Chr. 62, Paris 1958,p, 87; Klement ta' Lixandra, Protrept. 112,1:  GCS Klement 1, 79, Strom. VI, 6,44,1; GCS Klement II,453; 13,106,3 u 4: ibid. 485. Dwar id-dottrina nnifisha cf. PIJU XII, Diskors fuq ir-radju, 31 Diċ 1952, KD Lumen  Gentium, 16: AAS 57 (1965) p, 20.                              

[9] Cf. Kol 1, 13; Atti 10,38.

[10] Cf. 2 Kor 5,19.

[11] Cf. Lhud 1,2; Ġw 1,3,10; I Kor 8,6; Kol 1,16.

[12] Cf, Ef 1,10.

[13] 2 Kor  8,9.

[14] Cf. Mk 10,45.

[15] Cf. SAN ATANASJU,  Ep ad Epictetum 7: PG 26,1060; S. ĊIRILLU ta' Ġerusalemm, Catech. 4,9:PG 33,465; MARIUS VICTORINUS, Adv. Arium,3,3: PL 8,1101; S. BAŻILJU, Epist. 261,2: PG 32,969; S. GIRGOR NAZ.., Epist.101: PG 37,181;  S. GIRGOR ta' Nyssa, Antirrheticus, Adv. Apollin., 17:PG 45,1156; S. AMBROĠ, Epist. 48,5: PL 16,1153; S. WISTIN, In Joan. Ev. tr XXIII,6: PL. 35,1585; CChr 36,236; barra minn hekk, b'dan il-mod juri biċ-ċar li l-Ispirtu s-Santu ma fdiniex, għaliex ma inkarnax; De Agone Christ. 22,24: PL 40,302; S. ĊIRILLU ta' Lixandra, Adv. Nestor. 1,1: PG 76,20; S. FULĠENZJU, Epist. 17,3,5: PL 65,454; Ad Trasimundum, III, 21: PL 65,284 dwar is-swied il-qalb u l-biża'.    

[16] Cf. Lhud 4,15; 9,28.

[17] Atti 1,8.

[18] Cf. Lq 24,47.

[19] Huwa l-Ispirtu s-Santu li tkellem permezz tal-profeti: Symb. Costantinopol: DENZ 150 (86);  S. LJUN il-KBIR, Sermo 76: PL 54,405-406: "Meta nhar Għid il-Ħamsin  l-Ispirtu s-Santu mela d-dixxipli tal-Mulej ma kienx il-bidu ta' don imma żjieda ta' ġenerożità: għaliex il-patrijaki wkoll, il-profeti, is-saċerdoti u l-qaddisin kollha, li għexu fiż-żminijiet ta' qabel, kienu mgħajxin mill-opra ta' qdusija tal-istess Spirtu.... għalkemm ma kienx l-istess il-kejl tad-don."  Ara wkoll Sermo 77,1: PL 54,412;LJUN XIII, IE Divinum illud : 9 Mej 1897: ASS 29 (1897), pp 650-651. Ara wkoll S. ĠWANN KRIŻOSTOMU, għalkemm jinsisti fuq il-missjoni ġdida tal-Ispirtu s-Santu nhar Għid il-Ħamsin: In Eph, c,4, Hom. 10,1:PG 62,75.

[20] Cf. Ġw 14,16.

[21] Is-Santi Padri spiss jitkellmu dwar Babel u l-Pentekoste: ORIĠENE, in Ġenesim.c.1:PG 12,112; S. GIRGOR NAZ. , Oratio 41,16: PG 36,449; S. ĠWANN KRIŻOSTOMU, Hom. 2 in Pentec., 2: PG 50,467; In Act Apost:PG 60,44; S. WISTIN, En in PL. 54,11: PL.36,664s; Sermo 271;PL. 38,1245; S.ĊIRILLU ta' Lixandra, Glaphyra in Genesim II; PG 69,79; S. GIRGOR il-KBIR, Hom in Evang., Lib II Hom. 30,4: PL 76,1222; S BEDA. In Hexaem; lib III: PL 91,125. Ara wkoll ix-xbieha fl-atriju tal-Bażilika ta' S. Mark f'Venezja.

Il-Knisja titkellem bl-ilsna kollha u b'hekk tiġbor lil kulħadd fil-kattoliċità tal-fidi: S. WISTIN, Sermones 266,267,268,269: PL. 38,1225-1237; Sermo175,3: PL. 38,946; S. ĠWANN KRIŻOSTOMU, In Ep. I ad Cor., Hom. 35: PG 61,296; S. ĊIRILLU ta' Lixandra, Fragm.in Act: PG 74,758; S. FULĠENZJU, Sermo 8,2-3: PL 65,743-744.

Dwar il-Pentekoste bħala l-konsagrazzjoni tal-Appostli ghax-xogħol missjunarju, cf. J.A.CRAMER, Catena in Acta SS. Apostolorum , Oxford 1838, p.24s.

[22]  Cf. Lq. 3,22; Atti 10,38.

[23] Cf. Ġw aKapi.14-17; PAWLU VI, Diskors magħmul fil-Konċilju, 14 Set 1964: AAS (1964) p. 807.

[24] Cf. KD Lumen Gentium, 4; AAS 57 (1965), p.7.

[25] S. WISTIN, Sermo 267,4:PL 38,1231: "L-Ispirtu s-Santu jagħmel fil-Knisja kollha dak li r-ruħ tagħmel fil-membri kollha ta' ġisem wieħed." cf. KD Lumen Gentium 7 (u ara nota 8); AAS 57 (1965) p. 11.

[26] Cf. Atti 10,44-47; 11,15; 15,8.

[27] Cf. Atti 4,8; 5,32; 8,26.29.39; 9,31; 10,11.24.28; 13,2.4.9; 16,6-7; 20,22-23; 21,11; eċċ.

[28] Cf. Mt 10,1-42.

[29] Cf. Mt  28,18

[30] Cf. Atti 1,4-8, 11.

[31] Cf. Ġw20,21.

[32] Cf. Kol 1,24.

[33] TERTULLJANU , Apologeticum 50,13: PL1,534; CChr 1,171.

[34] Diġa S. TUMAS ta' Akwinu kien tkellem fuq ix-xogħol appostoliku tat-twaqqif tal-Knisja; cf. Sent. Lib. 1, dist. 16, q.1 a.2 ad 2 u ad 4; a.3 sol; Summa Theol. I, q. 43,  a.7 ad 6; I, II q.106, a.4 ad 4. cf. BENEDITTU XV, IE. Maximum Illud, 30 Nov 1919: AAS(1919) pp.445, 453; PIJU XI, IE Rerum Ecclesiae, 28 Frar 1926:  p. 74; PIJU XII, Apr 1939, lid-Diretturi tal-Opri Missjunarji Pontifiċi; id., 24 Ġun 1944, lid- Diretturi tal-Opri Missjunarji Pontifiċi: AAS(1944) p. 210; mill-ġdid f'AAS (1950) p. 727, u f'AAS (1951) p. 508; Id., 29 Ġun 1948, lill-kleru indiġenu : AAS(1948) p. 374; id. IE Evanġelii Praecones, 2 Ġun 1951: AAS(1951) p. 507;  Id. IE Fidei Donum 15 Jan 1957: AAS (1957) p. 236; ĠWANNI XXIII, Princeps Pastorum, 28 Nov 1959 p. 835; PAWLU VI, Om 18 Ott 1964 p. 911. Kemm il- Papiet kemm il-Padri u l-Iskolastiċi jitkellmu spiss dwar it-tixrid tal-Knisja (''dilatatione Ecclesiae''); S. TUMAS ta' Akwinu, Comm in Matth. 16,28; LJUN XIII, IE. Sancta Dei Ċivitas: AAS (1881) p. 241; BENEDETTU XV, IE Maximum Illud :AAS (1919) p. 442; Piju XI, IE Rerum Ecclesiae: AAS (1926) P. 65.

[35] Cf. 1 Pt 1,23.

[36] Cf. Atti 2,42.

[37] Jidher ċar li f'din it-tifsira ta' l-attività missjunarja oġġettivament huma inklużi dawk il-partijiet tal-Amerika Latina li fihom la hemm ġerarkija propja, la maturità ta' ħajja nisranija u lanqas xandir biżżejjed tal-Evanġelju. Jekk, imbagħad, dawn it-territorji humiex, fil-fatt, magħrufa jew le bħala art ta' missjoni mis-Santa Sede ma jiddependix ċertament mill-Konċilju. Għalhekk, għal dak li għandu x'jaqsam mal-konnessjoni bejn in-nozzjoni ta' attività missjunarja u ċerti territorji, jingħad tajjeb li fl-akbar għadd ta' każi din il-ħidma ssir f'artijiet determinati mis-Santa Sede.

[38] Digr. Unitatis redintegratio, 1.

[39] Mk 16,16; Ġw 3,5.

[40] Cf. KD Lumen GENTIUM, 14; AAS 57 (1965), p. 18.

[41] Lhud 11,6.

[42] Cf.1 Kor 9,16.

[43] Cf. Ef 4,11-16.

[44] Cf. Ġw 7,18; 8,30 u 44; 8,50; 17,1.

[45] Dwar din l-idea sintetika ara d-duttrina ta' S. IRINEW, De Recapitulatione. cf. ukoll IPPOLITU, De Antichristo, 3: ''Waqt li ħabb lil kulħadd, waqt li xtaq isalva lil kulħadd u lil kulħadd jagħmel iben ta' Alla, waqt li sejjaħ ill-qaddisin kollha biex ikunu bniedem uniku perfett ...'' PG. 10,732; GCS IPPOLITU 1, 2 p. 6: Benedictines Jacob, 7 Tull, 38-1 p.18, lin. 4s; ORIĠENE, In Joann. tom.1, n.16: ''Għaliex, imbagħad, fl-għarfien ta' Alla, waħda tkun l-azzjoni ta' dawk li jkunu waslu għand Alla, taħt it-tmexxija ta' dak il-Verb li hu ma' Alla; sabiex b'hekk l-ulied kollha jkollhom formazzjoni bir-reqqa biex jagħrfu l-Missier hekk kif il-Missier issa jagħrfu biss l-Iben. ''; PG, 14,49; GCS. Orig. IV,20; S. WISTIN De Sermone Domini in monte 1,41:''Għandna nħobbu lil dak li magħna jista' jitwassal f'dik is-saltna fejn ħadd ma jgħid: Missieri, iżda lkoll ngħidu lil Alla wieħed: Missierna''. PL 34,1250; S. ĊIRILLU ta' Lixandra, In Joann. I: ''Għaliex aħna lkoll ninsabu fi Kristu, u fih il-persuna komuni tal-umanità terġa' tieħu l-ħajja. Huwa sewwasew għalhekk li ssejjaħ Adam il-ġdid ... Fina tabilħaqq għammar dak li min-natura tiegħu huwa Iben u Alla; huwa bis-saħħa tal-Ispirtu tiegħu li nistgħu ngħajtu: Abba Missier! Il-Verb jgħammar fina lkoll bħala f'tempju wieħed li hu ħa minħabba fina u minna sabiex, waqt li jħaddanna lkoll fih, lkoll f'ġisem wieħed, kif jgħid S. Pawl, ikun jista' jerġa' jħabbibna mal-Missier.''; PG 73,161-164.          

[46] BENEDITTU XV, IE Maximum illud: AAS (1919) p.445: ''Infatti kif il-Knisja ta' Alla hija kattolika u mhix barranija fost l-ebda ġens jew nazzjon''.... cf. ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra: ''Bi dritt divin (il-Knisja) hija tal-ġnus kollha ... il-Knisja, meta jkun irnexxielha tidħol bil-qawwa tagħha fl-intimità, qisu fil-vini, ta' xi poplu, hija la tkun u lanqas tqis lilha nnifisha bħal xi istituzzjoni imposta fuqu minn barra ... Għaldaqstant kull ħaġa li huma (i. e. dawk li jitwieldu mill-ġdid fi Kristu) iqisu bħala tajba u onesta jaċċettawha u jipperfezzjonawha.''  AAS (1961) p. 444.

[47] Cf. Ġw 3,18.

[48] Cf. IRINEW, Adv. Haer, III, 15, n.3: PG 7,919: ''Kienu predikaturi tal-verità u appostli tal-libertà '' .  

[49] Antifona O tal-Għasar tat-23 ta' Diċembru.

[50] Mt 24,31. Didachè,  10,5; FUNK, p.32.

[51] Cf. Mk 13,10.

[52] KD Lumen Gentium, 17; S, WISTIN, De Civitate Dei 19, 17; PL 41,646; Instr. S.C.P,F.: Collectanea I. n. 135 , p.42.

[53] Skont Oriġene l-Evanġelju għandu jixxandar qabel l-aħħar tad-dinja: Hom in Lc. XXI: GCS Orig.IX, 136,21sq; In Matth comm, .ser. 39:XI 75,25sq, Hom in lerem., III, 2 VIII, 308,29sq;  S. TUMAS, Summ Theol. 1,1, q. 106, a.4 ad 4.

[54] Cf,. Atti 1,7.

[55] ILARJU ta' Poitiers, In Ps. 14; PL 9,301; EWSEBJU ta' Ċesarija, In Isaiam 54,2-3: PG24,462-463; ĊIRILLU ta' Lixandra , In Isaiam V, cap. 54,1-3: PG 70,1193.

[56] Cf. Ef 4,13.

[57] Cf. Ġw 4,23.

[58] Cf. Mt 5,16

[59] Cf. 1 Ġw 4,11.

[60] Cf. Mt 9,35ss; Atti 10,38.

[61] Cf. 2 Kor 12,15.

[62] Cf. Mt 20,26; 23,11. Cf. PAWLU VI, Diskors fil-Konċilju, 21 Nov 1964; AAS (1964) P. 1013

[63] Cf. Ef 4,24.

[64] Cf. Kol 4,3.

[65] Cf. 1Kor 9,15; Rum 10,14.

[66] Cf. Mk 16,15.

[67] Cf. Atti 4,13. 29. 31; 9,27. 28; 13,46; 14,3;19,8; 26,26; 28,31; 1 Tess 2,2; 2 Kor 3,12; 7,4; Fil 1,20.

[68] Cf, 1 Tess 1,9-10; 1 Kor 1,18-21; Gal 1,31; Atti 14,15-17; 12,22-31.

[69] Cf. Atti 16,14.

[70] Cf. Kol 3,5-10; Ef 4,20-24.

[71] Cf. Lq 2,34; Mt 10,14-39.

[72] Cf. Tess 1,16.

[73] Cf. KD Lumen Gentium,17.

[74] Cf. K Dwar il-Liturġija Mqaddsa, 64-65.

[75] Cf. Kol 1,13. Dwar dan il-ħelsien mill-jasar tax-xitan u tad-dlamijiet, fl-Evanġelju cf. Mt 12,28; Ġw 8,44; 12,31; cf. Ġw 3,8; Ef 2,1-2. Fil-Liturġija tal-Magħmudija  cf. Rit Rom.

[76] Cf . Rum 6,4-11; Kol 2,12-13; 1 Pt 3,21-22; Mk 16,16.

[77] Cf.Tess 3,5-7; Atti 8,14-17.

[78] Cf. KD Lumen Gentium ,14.

[79] Cf. S. WISTIN, Tract, in Joann. II,4: PL 35,1476.

[80] Cf. KD Lumen Gentium, 9.

[81] C. 1 Kor 3,9.

[82] Cf. Ef 4,1.

[83] Cf. KD Lumen Gentium 10,11,34.

[84] Cf. KD Dwar ir-Rivelazzjoni Divina, 21.

[85] Cf. KD Lumen Gentium, 12,35.

[86] Cf.  ibid, 23,36.

[87] Cf. ibid 11,35,41.

[88] Cf. Digr. Dwar il-Knejjes Orjentali, 4,30.

[89] Epist ad Diognetum, 5; PG 2,1173; cf. KD Lumen Gentium,38.

[90] Cf. KD Lumen Gentium 32; Digr. Dwar l-appostolat tal-lajċi.

[91] Cf. Digr. Dwar il-formazzjoni saċerdotali, 4,8,9.

[92] Cf. K Dwar il-Liturgija Mqaddsa, 17.

[93] Cf. Digr. Dwar il-formazzjoni saċerdotali, 1.

[94] Cf. ĠWANNI XXIII IE Princeps Pastorem: AAS (1959) pp.843-844.

[95] Cf. Digr. Dwar l-Ekumeniżmu, 4.

[96] Cf. ĠWANNI XXIII IE Princeps Pastorem: AAS (1959) p. 842.

[97] Cf. KD Lumen Gentium, 29.

[98] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Princeps Pastorem: AAS (1959) p. 855.

[99] Qegħdin nittrattaw dwar dawk li jgħidulhom katekisti full time.

[100] Cf. KD Lumen Gentium, 31,44.

[101] Cf. ĠWANNI XXXIII, IE Princeps pastorum: AAS (1959) p. 838.

[102] Cf. Digr. Dwar il-ministeru u l-ħajja tal-presbiteri, 11; Digr. Dwar il-formazzjoni saċerdotali, 2.

[103] Cf. KD  Lumen Gentium, 25.

[104] Cf. Digr. Dwar il-ministeru u l-ħajja tal-presbiteri, 10, fejn biex iħaffef l-inizjattivi pastorali ta' karattru speċjali favur diversi gruppi soċjali, huwa previst it-twaqqif ta'Prelaturi personali meta dan ikun meġtieġ biex il-ħidma appostolika ssir aħjar.

[105] Cf. 1 Kor 15,23.

[106] Cf. 1 Kor 15,28.

[107] Cf. Ef 4,24.

[108] Cf. S 2,8.

[109] Cf. KD Lumen Gentium. 13.

[110] Cf. PAWLU VI, Diskors waqt il-Kanonizzazzjoni tal-Qaddisin martri tal-Uganda: AAS (1964) p. 908.

[111] KD Lumen Gentium, 13.

[112] KD Lumen Gentium, 17.

[113] Cf. Mk 3,13.

[114] 1 Kor 12,11.

[115] Lisem ''Istituti'' jiġbor fih l-Ordnijiet, il-Kongregazzjoniiet, l-Istituti u l-Assoċjazzjonijiet li jaħdmu fil-missjonijiet.

[116] Cf. PIJU XI, Rerum Ecclesiae: AAS (1926) pp. 69-71; PIJU XII, Saeculo exeunte: AAS (1940). p. 256; IE Evangelii Praecones: AAS (1951), p. 506.

[117] Cf. Atti 13,2.

[118] Cf. Gal 1.16.

[119] 1 Kor 9,22.

[120] Cf. Ef 6,19s; Atti 4,31.

[121] Mt 11,29s.

[122] Cf. BENEDETTU XV, IE Maximum illud: AAS (1919) pp. 449-450.

[123] 2 Kor 6,4s.

[124] Cf. 2 Kor 8,2.

[125] Cf. 1 Tim 4,14; Ef 4,23; 2 Kor 4,16.

[126] Cf. BENEDETTU XV, IE Maximum illud: AAS (1919) pp. 448+449; PIJU XII, IE Evangelii Praecones: AAS (1951) p.507. Fil-formazzjoni tas-saċerdoti missjunarji għandu jitqies dak li stabbilixxa id-Digr. Dwar il-formazzjoni saċerdotali tal-Konċilju Vatikan II.

[127] Cf. Atti 2,42; 4,32.

[128] Cf. 2 Tim 1,7.

[129] Cf. Fil 4,11.

[130] Cf. 2 Kor 4,10ss.

[131] Cf. 2 Kor 12,15s.

[132] KD Lumen Gentium 41.

[133] Cf. BENEDETTU XV, IE Maximum illud: AAS (1919) p. 440; PIJU XII, IE Evangelii Praecones: AAS (1951) p. 507.

[134] BENEDETTU XV,  IE Maximum illud: AAS (1919) p. 448; Digr. tas-Sagra Kongregazzjoni għall-Propagazzjoni tal-Fidi, 20 Mej 1923:  pp. 369-370; PIJU XII, Saeculo exeunte; AAS (1940) p. 256; IE Evangelis Praecones AAS (1951) p.507; ĠWANNI XXIII, Princeps Pastorem : AAS (1959) pp. 843-844.

[135] Digr. Dwar il-formazzjoni saċerdotali, 19-21; KD Sedes Sapientiae flimkien mal-Istituti ġenerali .

[136] PIJU XII, IE Evangelii Praecones: AAS (1951) pp. 523-524.

[137] BENEDETTU XV, IE Maximum illud: AAS (1919) p.448; PIJU XII, IE  Evangelii Praecones: AAS (1951), p. 507

[138] Cf. PIJU XII, IE Fidei Donum: AAS 49 (1957) p. 243.

[139] Cf. VAT II Dwar il-ministeru u l-ħajja tal-presbiteri , n. 10, fejn jingħad dwar id-djoċesijiet, prelaturi personali u ħwejjeġ oħra bħal dawn, AAS 58 (1966), p, 1007. 

[140] Cf. 1 Kor 3,8.

[141] Cf. KD Lumen Gentium, 18

[142] Cf. KD Lumen Gentium, 23.

[143] Cf. Moto Proprio Apostolica Sollicitudo, 15 Sept 1965.

[144] Cf. PAWLU VI, Diskors fil-Konċilju tal-21 ta' Nov 1964: AAS (1964).

[145] Cf. BENEDETTU XV, IE Maximum illud: AAS (1919) pp. 39-40.

[146] Jekk xi missjonijiet għadhom, għal xi raġunijiet speċjali, pro tempore taħt Dikasteri oħra, jaqbel li dawk id-Dikasteri jżommu relazzjoni mas-Sagra Kongregazzjoni għall-Propagazzjoni tal-Fidi sabiex f'dak li għandu x'jaqsam mal-organiżżazzjoni u t-tmexxija tal-Missjonijiet kollha jkun hemm kriterju direttiv assolutament koerenti u uniformi.

[147] Cf. Digr. Dwar l-uffiċċju pastorali tal-Isqfijiet fil-Knisja, 35,4.

[148] Cf. ibid. 36-38.

[149] Cf. ibid. 35,5-6.

[150] Ef 4,13.

[151] Cf. Is 11,12.

[152] Cf. Digr Dwar l-Ekumeniżmu, 12.

[153] Cf. Atti 16,9.

[154] Mk 16,15.

[155] Cf. KD Lumen Gentium, 23-24.

[156] Cf. BENEDETTU XV, IE Maximum illud : AAS (1919) pp. 453-454; PIJU XI, IE Rerum Ecclesiae : AAS (1926) pp. 71-73; PIJU XII, IE Evangeli Praecones: AAS (1951) pp. 525-526;id., IE Fidei Donum: AAS (1957) p. 241.

[157] Cf. PIJU XII, IE Fidei Donum: AAS (1957) pp.245-246.

[158] Digr. Dwar l-uffiċċju pastorali tal-Isqfijiet, 6.

[159] Cf. PIJU XII IE Fidei donum: AAS (1957) p. 245.

[160] Cf. KD Lumen Gentium, 28.

[161] Cf. PIJU XI, IE Rerum Ecclesiae: AAS (1926) p. 72.

[162] Cf. KD Lumen Gentium, 44.

[163] Cf. Mt 9,38.

[164] Cf. Atti 16,14.

[165] Cf. Kor 3,7.

[166] Cf. KD Lumen Gentium, 33, 35.

[167] Cf. PIJU XII, IE Evangeli Praecones: AAS (1951) pp. 510-514; ĠWANNI XXIII, IE Princeps Pastorem: AAS (1959) pp. 851-852

[168] Cf. Lumen Gentium, 46.

[169] Cf. PIJU XII, IE Evangeli Praecones: AAS (1951) p. 527; ĠWANNI XXIII, Princeps Pastorum:AAS (1959) p. 864.

[170] 1 Tim 2,4.

[171] 2 Kor 4,6.