Aktar dwar Ħadd il-Kelma ta' Alla ...

 

Talbiet Universali għal Ħadd il-Kelma ta’ Alla

 

Ċelebrant

Ħuti għeżież, f’Ibnu Ġesù l-Missier lissen lill-bnedmin l-isbaħ kelma tiegħu: wara l-kliem li ħabbru l-profeti, huwa l-Kelma li ġiet imlissna darba għal dejjem għas-salvazzjoni tagħna. Hekk hu jsejħilna biex inkunu ħbieb tiegħu. B’radd ta’ ħajr għal din il-grazzja, nittallbu l-ħniena tiegħu u ngħidulu:

Agħti widen, Missier, għat-talba tagħna.

 

Lettur

Għall-Knisja universali u għall-Knisja fid-Djoċesi tagħna: biex il-Kelma ta’ Alla tagħti l-ħajja u twieżen kull azzjoni pastorali u ta’ evanġelizzazzjoni. Nitolbu.

(jew)

Għall-Papa Franġisku, għall-Isqof N.N. u għall-isqfijiet kollha: biex fil-ministeru tagħhom iħallu dejjem iżjed tnebbaħhom ix-xbieha ta’ Kristu ragħaj u ħabbar tal-Kelma li jħares u jitma’ lill-merħla tiegħu. Nitolbu.

 

Għaż-żgħażagħ: biex fil-qari ta’ spiss tal-Iskrittura Mqaddsa jistgħu jiltaqgħu ma’ Kristu l-Imgħallem, li bl-għerf tiegħu jdawwal, jisfida u jsieħeb lil kull dixxiplu. Nitolbu.

 

Għal dawk kollha li huma mġarrbin minħabba l-mard, il-faqar u s-solitudni: biex l-Iskrittura Mqaddsa tidwi għalihom bħala Kelma li tfejjaq, li toħloq komunjoni u li ssalva. Nitolbu.

 

Għall-katekisti u dawk kollha li jħabirku għall-evanġelizzazzjoni: biex jgħixu l-ħidma tagħhom ta’ edukaturi fil-Knisja billi jgħinu lil kull persuna, mit-tfal sal-adulti, u jikbru fil-familjarità mal-Kelma ta’ Alla. Nitolbu.

 

Għal dawk kollha li fil-fidi jagħrfu lil Kristu: biex, imdawrin mal-Iskrittura Mqaddsa, jiskopru mill-ġdid il-ferħ tal-fidi waħda fil-Verb ta’ Alla magħmul bniedem. Nitolbu.

 

Għall-fidili kollha: biex iniżżlu l-għeruq tal-fidi tagħhom dejjem iżjed fl-Iskrittura Mqaddsa, permezz tat-talb liturġiku, tal-meditazzjoni personali u tal-lectio divina. Nitolbu.

 

Ċelebrant

O Missier, f’Ibnek Ġesù aħna għarafna l-kobor ta’ mħabbtek għalina. Agħmel li l-Ispirtu jiftħilna widnejna għas-smigħ ubbidjenti tal-Kelma u jnebbaħ l-azzjonijiet tagħna skont ir-rieda tiegħek. Bi Kristu Sidna.