Laikos

 

PROFIL TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET

 

Is-Sinodu tal-Isqfijiet twaqqaf mill-Papa San Pawlu VI fil-15 ta’ Settembru 1965 bil-Motu Proprju Apostolica sollicitudo. It-twaqqif tiegħu seħħ fil-kuntest tal-Konċilju Vatikan II li, bil-Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium (21 ta’ Novembru 1964) kien ikkonċentra b’mod qawwi fuq it-tagħlim dwar l-episkopat u ħeġġeġ għal sehem ikbar min-naħa tal-Isqfijiet cum et sub Petro f’materji li jolqtu lill-Knisja universali.

 

Id-Digriet tal-Konċilju Christus Dominus (28 ta’ Ottubru 1965) hekk ifisser lil dan il-korp ġdid li kien għadu kemm twaqqaf: “Kollaborazzjoni aktar effikaċi mal-ogħla ragħaj tal-Knisja jistgħu jagħtuha, bil-modi diġà stabbiliti jew li għad ikunu stabbiliti mill-Papa, l-Isqfijiet magħżula min-naħiet differenti tad-dinja mlaqqgħin f’kunsill imsejjaħ bl-isem ta’ ‘Sinodu tal-Isqfijiet’, sinodu li, fil-waqt li jirrappreżenta l-Episkopat kollu, juri li l-Isqfijiet kollha f’għaqda ġerarkika jerfgħu flimkien it-toqol tar-responsabbiltà għall-Knisja universali” (n. 5).

 

Matul is-snin in-normi sinodali għaddew minn tiġdid għal ieħor, kif jixhdu d-diversi edizzjonijiet tal-Ordo Synodi Episcoporum ippubblikati fl-1966, l-1969, l-1971 u l-2006. Sadattant, il-Kodiċi tal-Liġi Kanonika (25 ta’ Jannar 1983), kanoni 342-348, u l-Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes Orjentali (18 ta’ Ottubru 1990), kanoni 46, integraw is-Sinodu fil-liġi universali ta-Knisja, u speċifikaw in-natura u l-funzjoni tiegħu.

 

Dan l-aħħar, il-Papa Franġisku, bil-Kostituzzjoni Appostolika Episcopalis communio (15 ta’ Settembru 2018), ġedded b’mod qawwi s-Sinodu tal-Isqfijiet, u daħħlu fil-qafas ta’ sinodalità bħala dimensjoni kostituttiva tal-Knisja, fuq kull livell tal-ħajja tagħha.

 

B’mod partikulari, is-Sinodu hu mifhum bħala proċess magħmul minn tliet partijiet: il-fażi ta’ preparazzjoni, fejn isseħħ il-konsultazzjoni mal-Poplu ta’ Alla fuq temi indikati mill-Papa; il-fażi ta’ ċelebrazzjoni, ikkaratterizzata mil-laqgħa tal-assemblea tal-Isqfijiet; u l-fażi ta’ implimentazzjoni, fejn il-konklużjonijiet tas-Sinodu, wara li jkunu ġew approvati mill-Papa, jiġu milqugħa mill-Knejjes lokali.

 

Għalhekk, il-fażi ċentrali, fejn titwettaq il-ħidma ta’ dixxerniment tar-Ragħajja, għandha qabilha u warajha fażijiet li jitolbu s-sehem tal-Poplu kollu ta’ Alla, fil-kotra ta’ komponenti tiegħu.

 

Is-Sinodu – li għandu Segretarjat Ġenerali magħmul minn Segretarju Ġenerali, Sottosegretarju u għadd ta’ Kunsilli speċjali tal-Isqfijiet – jiltaqa’ f’għamliet diversi ta’ Assemblej: f’Assemblea Ġenerali Ordinarja, għal kwistjonijiet dwar il-ġid tal-Knisja universali; f’Assemblea Ġenerali Straordinarja, għal kwistjonijiet ta’ kunsiderazzjoni urġenti; f’Assemblea Speċjali, għal kwistjonijiet li jolqtu reġjun speċifiku wieħed jew iktar. Barra minn hekk, hi wkoll ir-responsabbiltà tal-Papa li jsejjaħ Assemblea Sinodali fi qbil ma’ modalitajiet oħra stabbiliti minnu.