Laikos

 

Il-qaddej fiċ-ċentru tal-miraklu ta' Ġesù. Dettal mill-pittura ta' Marko Ivan Rupnik sj, It-Tieġ ta' Kana. Knisja ta' St. Mary, New Haven U.S.A.

ASSOĊJAZZJONIJIET, GĦAQDIET, MOVIMENTI U KOMUNITAJIET TAL-LAJĊI

 FID-DOKUMENTI TAS-SINODU DJOĊESAN

Id-dokumenti tas-Sinodu jitkellmu fuq l-Assoċjazzjonijiet, l-Għaqdiet, il-Movimenti u l-Komunitajiet tal-lajċi li huma attivi fil-Knisja.

Dawn li ġejjin huma punti li jissemmew fid-dokumenti tas-Sinodu li jolqtu direttament lil dawn, kif ukoll li jitkellmu fuq l-istruttura djoċesana prinċipali li hi ta’ servizz għalihom – il-Forum.

Wieħed għandu jikkonsulta d-Dokumenti tas-Sinodu nfushom, biex ikollu t-test sħiħ u l-kuntest.

L-inizjali (bir-referenzi magħhom għad-dokumenti) ifissru:

VKK:    Viżjoni ta’ Knisja komunjoni

KSK:    Kultura-Soċjeta’-Knisja

LN:       Lajċi Nsara

XK:       Xandir tal-Kelma

LS:       Liturġija u Sagramenti

DĠ       Djakonija u Ġustizzja

ŻF:       Żwieġ u Familja

AŻ:       Adolexxenti u Żgħażagħ

 

Viżjoni ta’ Knisja komunjoni

 

▪  Dak li jsir mill-għaqdiet u l-movimenti għandu jwassal biex il-Knisja ssir is-sagrament tal-għaqda tat-Trinita’ Qaddisa u tal-bnedmin (VKK 14).

 

  Huma għandhom jagħrfu aktar ċar u jagħtu xhieda aktar ħajja tal-kariżmi tagħhom b'mod li l-membri l-oħra tal-Knisja jkunu jistgħu jilqgħuhom u japprezzawhom bħala rikkezza fi ħdan il-komunità u jifhmu wkoll li kull kariżma partikulari ngħatat għas-servizz tal-komunità ekkleżjali (VKK 17).

 

  Fil-Knisja hemm ħafna riżorsi li jistgħu jiġu wżati ferm aħjar. Ħafna individwi jew gruppi tiġihom it-tentazzjoni li jippreferu jaħdmu għal rashom. L-ispiritwalità tal-komunjoni ma tistax tibqa' biss idejal sabiħ li nitkellmu dwaru u nitolbu li nħaddnu, jekk imbagħad ma nfittxux li npoġġuh fil-prattika bis-serjetà. Għalhekk irridu verament nimxu flimkien. Fi Knisja li hi komunjoni ta' kariżmi u ta' ministeri diversi kulħadd hu msejjaħ biex jaħdem flimkien biex iġib 'il quddiem is-saltna ta' Kristu (VKK 18).

 

  Meta nitkellmu dwar il-komunjoni m'għandniex nibqgħu biss fuq livell astratt. Il-komunjoni għandha tissarraf f'azzjonijiet, strutturi u policies konkreti  -  anzi stil ta' ħajja sinodali (VKK 20).

 

  Hemm ħtieġa ta’ formazzjoni ta' mexxejja b'saħħithom li jnisslu spirtu ta' koordinament veru bejn l-għaqdiet u l-movimenti (VKK 21).

 

  Biex ngħixu l-komunjoni fuq livell wiesa' għandna nżommu rabtiet ħajja ma' kattoliċi u nsara oħra barra minn pajjiżna, speċjalment fi gruppi u movimenti internazzjonali (VKK 30).

 

  Fejn tidħol il-konverżjoni, kull persuna, grupp jew moviment, u kull struttura ekkleżjali teħtieġ li umilment tibda minn fejn fil-fatt hi, u twieġeb għall-isfida li, waqt li tgħix ħajja aktar konformi ma’ l-Evanġelju, tħaddan u tgħix il-komunjoni skond il-kariżma partikulari tagħha (VKK 34).

 

  Għandhom jinkoraġġixxu lill-membri tagħhom iffurmati biex jagħtu sehemhom fil-ħajja pubblika u fil-qasam tal-politika (nazzjonali u tal-kunsilli lokali), trejdujoniżmu u ekonomija (VKK 37).

 

  Aħna Knisja li hija għanja b'qawsalla ta' għaqdiet, movimenti u gruppi, imma li sfortunatament mhux dejjem jaħdmu id f'id u b'għan wieħed. Biex verament inkunu melħ, dawl u ħmira, hemm bżonn kbir li jibdlu l-mentalità u l-atteġġjamenti magħluqa li xi minn daqqiet uħud iħaddnu, u jitgħallmu japprezzaw u jifirħu fid-diversità u l-kumplimentarjetà tagħhom; ipoġġu l-kariżma partikulari tagħhom għas-servizz tal-komunità  (VKK 38).

 

  Isir dixxerniment dwarhom fid-djoċesi (VKK 39).

 

 

Kultura-Soċjetà - Knisja

 

  Jaħdmu għal bini ta’ komunitajiet insara fi spirtu ta’ fraternita’ (KSK 18; 30).

 

  Inizjattiva pożittiva hija dik ta’ wħud mill-kongregazzjonijiet reliġjużi li qed iwaqqfu assoċjazzjonijiet għal dawk il-lajċi li jkunu impjegati magħhom jew persuni qrib tagħhom biex jgħaddulhom l-ispiritwalita’ li huma stess qed jgħixu u jaqsmu magħhom il-kariżma li jħaddnu.  Dan qed jgħin kemm għall-preżent, biex il-lajċi wkoll ikollhom l-istess valuri, kif ukoll għall-futur, meta jridu jkunu l-lajċi li jmexxu (l-iskejjel tal-Knisja) (KSK 40).

 

  Wieħed għandu japprezza l-isforzi tal-“Movimenti l-ġodda” għall-evanġelizzazzjoni;  fl-istess waqt, trid issir attenzjoni għar-riskju ta’ ħafna knejjes ġo Knisja waħda u għall-fatt li xorta waħda dawk li ma jridux jew ma jistgħux jimpenjaw ruħhom fi gruppi bħal dawn jitħallew barra (KSK 76).

 

 

Lajċi Nsara

 

  Il-parroċċa trid tara li jkollha Kunsill Pastorali Parrokkjali li jiffunzjona, bis-sehem sħiħ ta’ l-assoċjazzjonijiet ekkleżjali… Ta’ min isemmi li fil-Knisja f’Malta hawn gruppi u assoċjazzjonijiet li l-membri tagħhom ġejjin minn diversi parroċċi, u għalhekk, minbarra li ma jidħlux jagħmlu sehem minn Kunsill Pastorali Parrokkjali partikulari, m’għandhom l-ebda rabta mal-komunita’ parrokkjali tagħhom u ftit li xejn jissieħbu fl-appostolat jew jieħdu sehem f’okkażjonijiet reliġjużi fil-parroċċa tagħhom (LN 20).

 

  Jidher li xi wħud jorbtu s-servizz li jagħtu ma’ qassis, kappillan, komunita’ reliġjuża, assoċjazzjoni, knisja, kappella jew ċirkustanzi partikulari, u ma jifhmux li bis-servizz tagħhom ikunu qed jgħinu fil-bini tal-komunita’ ekkleżjali (LN 21).

 

  L-insara jistgħu wkoll iħossuhom imsejħa biex bil-libertà ta’ wlied Alla jissieħbu f’assoċjazzjonijiet biex jagħtu xhieda kollettiva tal-fidi tagħhom. Għall-grazzja ta’ Alla f’pajjiżna għandna firxa wiesgħa ta’ għaqdiet, movimenti u gruppi lajkali li jaħdmu kemm fuq livell parrokkjali kif ukoll fuq dak djoċesan. Hemm għaqdiet u movimenti kbar b’mijiet u eluf ta’ membri u hemm numru sew ta’ gruppi bi ftit membri. Żgur li għad hemm spazju biex dan in-numru tal-membri f’dawn l-assoċjazzjonijiet jikber. Dan tħeġġu l-Knisja. M’hemmx dubju li dawn l-assoċjazzjonijiet qed jagħmlu ħidma enormi li qed tħalli ġid kbir. Fihom hemm eluf ta’ membri dedikati li jagħtu l-ħin, l-enerġija, il-ħila, il-flus u s-saħħa tagħhom għall-għan tal-għaqda tagħhom u l-ġid tal-Knisja (LN 27).

 

  Fl-assoċjazzjonijiet hemm taħlita sħiħa ta’ etajiet, livelli soċjali, livelli edukattivi u tipi ta’ struttura, imma tinħass l-assenza ta’ ċerti kategoriji bħalma huma l-professjonisti (LN 28).

 

  Ċerti għaqdiet, movimenti u gruppi “ġodda” għandhom il-vantaġġ li twieldu fuq il-bixra tal-bniedem ta’ llum, u għalhekk aktarx iħossu inqas il-problema tar-rilevanza li jistgħu jħossu l-assoċjazzjonijiet “tradizzjonali”. Il-periklu ta’ xi wħud mill-assoċjazzjonijiet il-“ġodda” hu dak li jieħdu attitudni “settarja”, billi jqisu l-assoċjazzjonijiet l-oħra u lill-istess Knisja, bħala antikwati, u hekk jibdew jinqatgħu mill-komunita’ ekkleżjali. Jistgħu jibdew jaħsbu li huma biss jirrappreżentaw il-Knisja tal-futur. Dan jaffettwa l-kollaborazzjoni.  Naturalment din ir-realta’ ma tnaqqas xejn mill-apprezzament tal-ġid kbir li qed jagħmlu. Iżda rridu nifhmu li l-ġid joktor u jissaħħaħ biss fil-kuntest tar-rabta mal-komunita’ ekkleżjali sħiħa u tas-servizz fi ħdanha (LN 29).

 

  Tul is-snin żviluppaw għexieren ta’ gruppi - uħud bi ftit membri waqt li oħrajn b’mijiet ta’ membri - kemm fuq skala parrokkjali kif ukoll fuq skala djoċesana, fuq inizjattiva ta’ persuna jew numru ta’ persuni.  Dawn huma gruppi li wħud twieldu fuq bażi ġdida u oħrajn ħarġu minn għaqdiet u movimenti stabbiliti. In-natura ta’ dawn il-gruppi ‘indipendenti’ fil-parroċċi u fid-djoċesi hi varja… Waqt li rridu noqogħdu attenti li ma nifgawx it-tqanqil ta’ l-Ispirtu, tajjeb li nagħmlu dixxerniment xieraq biex ma jkollniex frammentazzjoni bla ħtieġa li tista’ tfixkel il-kollaborazzjoni ta’ bejnietna (LN 30).

 

  Tajjeb li kull assoċjazzjoni tagħmel dixxerniment tagħha nnifisha skond il-kriterji ta’ Christifideles Laici dwar l-ekkleżjalita’ ta’ l-assoċjazzjonijiet tal-lajċi (LN 31).

 

  Hu importanti li tkompli tingħata attenzjoni għall-formazzjoni u l-qdusija tal-membri (LN 31).

  Gruppi li l-ħidma tagħhom mhix direttament fl-impenn appostoliku mhux dejjem jifhmu s-sehem evanġeliku tagħhom, bħalma wkoll għaqdiet fl-appostolat mhux dejjem jifhmu s-sehem tagħhom fid-djakonija. L-assoċjazzjonijiet ekkleżjali għandhom jitħarrġu tajjeb fit-tagħlim soċjali tal-Knisja, li fil-preżent jinħass skars (LN 31).

  Ħafna anzjani diġa’ jagħtu sehemhom fl-għaqdiet, imma hemm ħafna oħrajn li jkunu lesti jagħtu l-kontribut siewi tagħhom jekk xi ħadd jistedinhom. Kultant l-għaqdiet u l-gruppi stess iżommu lil dawn in-nies ’il bogħod billi jsiru ċirku magħluq li diffiċli wieħed jippenetrah. Hemm bżonn li dan iċ-ċirku jitwessa’ biex kulħadd ikollu l-opportunita’ li jagħti sehmu, indipendentement mill-eta’ (LN 36).

  In-numru ta’ assoċjazzjonijiet dedikati esklussivament għall-adolexxenti u ż-żgħażagħ hu pjuttost skars. Dawn l-assoċjazzjonijiet eżistenti ħaqqhom apprezzament għal xogħol mhux faċli li qed jagħmlu (LN 38).

  Għandha tkun għalhekk mira ewlenija tal-Knisja f’Malta li tistimola l-lajċi biex ma jikkuntentawx ruħhom li jitqaddsu huma biss jew li jaħdmu esklussivament fost il-membri ta’ l-assoċjazzjonijiet tagħhom. Ma nistgħux nippretendu li n-ngħaġ li tbiegħdu jerġgħu jirritornaw fil-merħla ta’ Kristu minn rajhom (LN 50).

  Għandha tkun prijorita’ wkoll għall-assoċjazzjonijiet lajkali li jiffurmaw lill-membri tagħhom biex dawn ikunu kapaċi jidħlu fil-kultura Maltija u jevanġelizzawha (LN 51).

  Il-Knisja għandha tara li tinżamm konsultazzjoni regolari mal-lajċi u ma’ l-assoċjazzjonijiet lajkali (LN 55i).

  Iż-żmien li qegħdin fih jitlob aktar mobilita’ tal-lajċi minn post għall-ieħor. Fuq skala limitata ħafna, din il-mobilita’ diġa’ teżisti, x’aktarx fuq bażi personali jew għall-esiġenzi interni ta’ xi għaqda. Issa rridu naġixxu bħala Knisja-familja. Il-mentalita’ tal-mobilita’ għandha twassalna biex fiż-żoni pastorali ma jmurx is-saċerdot biss imma jkun hemm miegħu tim ta' lajċi, li jistgħu jkunu kemm fuq bażi individwali kif ukoll mibgħuta mill-assoċjazzjonijiet (LN 57).

  Il-formazzjoni spiritwali trid tkun fuq nett ta’ l-aġenda ta’ l-assoċjazzjonijiet lajkali (LN 58).

 

  Japprofondixxu b’mod aġġornat il-formazzjoni tal-membri fil-kariżma proprja tagħhom (LN 62).

 

  L-assoċjazzjonijiet fl-appostolat għandhom jirrikonoxxu sitwazzjoni ta’ diffikulta’ u, bix-xewqa li jikbru,  jaċċettaw bil-ferħa l-għajnuna ta’ nies esperti li jistgħu jgħinu (LN 65).

 

  Ħlief għal raġunijiet serji, kollha għandhom jagħmlu parti mill-Forum tal-Għaqdiet u l-Movimenti; dan jiswa biex tinħoloq attitudni ta’ kollaborazzjoni u korresponsabbilta’ fid-djoċesi (LN 67).

 

  L-Għaqdiet u l-Movimenti tal-parroċċa huma għajn ta’ enerġija mill-aktar importanti għall-kunsill.  Għaldaqstant il-kunsill għandu jfittex li jsaħħaħ dawn l-assoċjazzjonijiet.  Dan jista’ jsir billi jagħraf u jsostni l-ħidma tagħhom, billi ma jkunux organizzati attivitajiet paralleli, imma minflok il-kunsill jassenjalhom rwol fit-tmexxija tal-kummissjonijiet skond il-kariżma tagħhom waqt li jittieħdu miżuri oħra biex is-servizzi ta’ l-assoċjazzjonijiet jiġu inkorporati fil-pjan parrokkjali.  Dan jgħin lill-membri tal-Għaqdiet, Movimenti u gruppi oħra biex iħossuhom parti mis-servizz li tagħti l-parroċċa, u biex jimxu flimkien (LN 71).

 

  Ikunu identifikati l-assoċjazzjonijiet u individwi li, skond il-kariżma proprja tagħhom, jistgħu jagħtu l-aħjar servizz f'dak il-post jew ambjent jew kategorija partikulari, bħal, ngħidu aħna f’postijiet tax-xogħol (e.g. it-tarzna, fabbriki eċċ.) u mal-ħaddiema; fl-Universita’ u ma’ l-istudenti; fi stazzjonijiet tar-radju u televiżjoni, u l-ġurnali; fil-politika u fl-oqsma kollha tal-ħajja pubblika; fid-divertiment, fl-isport u maż-żgħażagħ; fil-familja u ma’ l-anzjani; fil-fenomenu tal-festi u l-każini tal-banda; mal-professjonisti, mal-foqra l-“ġodda” u fejn jidħol il-ħin liberu (LN 73).

 

  Jibda jiġi ċċelebrat ‘Jum’ li jagħti għarfien lil sehem il-lajċi kollha fi ħdan il-Knisja li jibda jinkludi fih dak li s’issa kien “Jum l-Għaqdiet u l-Movimenti”. Din l-inizjattiva għandha turi li l-lajċi kollha, kemm jekk huma membri ta’ l-assoċjazzjonijiet ekkleżjali kif ukoll jekk m’humiex, huma membri tal-Poplu ta’ Alla u msejħa biex jaħdmu fil-Knisja (LN 79).

 

 

 

Xandir tal-Kelma

 

  Ħafna jduqu t-tagħlim tal-Kelma meta jħaddnu xi grupp jew moviment ta’ talb jew formazzjoni.  Dawn jistqarru li fil-gruppi jsibu ċerta ħajja li ma ssibhiex fil-parroċċi tagħna.  Hawn ħafna gruppi f’Malta li kollha jagħtu sehemhom biex il-poplu tagħna jikber fit-tagħlim.  Iżda anke f’dan il-kamp jeżisti sparpaljar ta’ enerġija.  L-enfasi għadha fuq ħajja ta’ fidi individwali u, xi drabi, pjetiżmu li kważi jwassal għal fundamentaliżmu.  Dan kultant jidher minn arroganza sottili (aħna l-imsejħin u l-oħrajn inferjuri), nuqqas ta’ tolleranza  u nuqqas ta’ ħidma ma’ gruppi oħra fl-istess Poplu ta’ Alla.  B’dispjaċir ninnutaw li hawn gruppi li jaħdmu biex iżidu l-membri u mhux biex aktar nies jingħaqdu fl-iżvilupp tal-fidi tagħhom biex isiru l-Poplu ta’ Alla fi triqtu lejn Ġerusalemm.  Uħud minn dawn il-gruppi qegħdin huma wkoll jaqgħu għal riġidita’ ġdida li toħnoq il-mixja tal-fidi (ara Mt 7,8-13) (XK 16).

 

  Hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-mod kif dawn il-gruppi għandhom jaħdmu fil-parroċċi tagħna.  Hawn min jaħseb li għandu jingħata lok biex parroċċa tieħu ċerta bixra msawra minn spiritwalita’ ta’ grupp jew ieħor partikulari.  Hemm min isostni li l-parroċċa għandha tieħu l-mudell tad-djoċesi fejn diversi tipi ta’ spiritwalita’ jgħixu flimkien u joffru l-alternattivi lill-Poplu ta’ Alla huwa u jsib triqtu lejn il-Missier.  Id-djoċesi għandha twettaq valutazzjoni serja u tfassal għajnuniet li, waqt li jirrispettaw l-awtonomija ta’ kull grupp, fl-istess ħin jgħinu biex il-ħidma tal-gruppi tkun aktar koordinata (XK 16).

 

  Għandu jkun hemm koordinament bejn il-gruppi lajkali (XK 27).

 

  Id-diversita’ ta’ l-għaqdiet iżewqu l-ħidma tax-xandir tal-Kelma b’ħafna kariżmi u karatteristiċi, li għandhom ikunu rispettati u mħarsa.  Għandhom jiffokaw l-attenzjoni tagħhom għat-tixrid tal-Kelma fost il-poplu ta’ Alla (XK 29).

 

 

Djakonija u Ġustizzja

 

  L-għaqdiet u l-movimenti tal-lajċi huma forza qawwija fil-Knisja f'Malta u jiġbru fihom eluf ta' nsara Maltin impenjati fil-ħajja nisranija. Fl-istess ħin, filwaqt li hemm impenn ċar favur il-ġustizzja u l-karità minn uħud minnhom, kemm Malta kif ukoll barra, dan l-impenn m’huwiex  dejjem prijorità ċara għalihom.    Għandha tkun aktar ċara li parti mill-impenn u l-ħidma tagħhom - dejjem fil-ħarsien tal-kariżma tagħhom - hija l-ħidma favur dinja aktar ġusta u fejn l-imħabba favur dawk li huma fil-bżonn tidher fil-prattika. L-ebda ħidma għall-evanġelizzazzjoni ma tista' tħalli barra dan l-aspett essenzjali (DĠ 33).

 

  Għandhom iwasslu t-tagħlim soċjali tal-Knisja lill-membri tagħhom, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell lokali u parrokkjali (DĠ 33; 37).

 

  Tkun ħaġa tajba li l-membri ta' dawn l-għaqdiet isibu l-inkuraġġiment biex jieħdu sehem attiv fil-ħajja pubblika, u li dawk il-membri li huma diġà impenjati isibu mill-għaqdiet tagħhom appoġġ u għajnuna fil-missjoni diffiċli li għażlu (DĠ 33).

 

  Ikun hemm iżjed għaqdiet li jieħdu r-responsabbiltà tat-tmexxija ta' istituzzjonijiet jew ħidmiet karitattivi u ta' ġustizzja fi ħdan il-Knisja (DĠ 33).

 

 

Żwieġ u Familja

 

  L-għaqdiet u l-movimenti jikkollaboraw mal-parroċċi f’xi forma ta’ follow-up għall-kors tat-tħejjija għaż-żwieġ li qed isir bħalissa (ŻF 35).

 

  Jeżistu diversi tipi ta’ gruppi tal-familja, jew aħjar tal-koppji. Jeħtieġ wieħed jara kif dejjem isir tiġdid fil-materjal tal-laqgħat tagħhom - biex dan ikun interessanti u aġġornat - kif ukoll f’taħriġ aħjar tal-mexxejja tagħhom. Fuq kollox jeħtieġ li dawn il-koppji jiskopru aktar x’inhi l-vera spiritwalita’ tal-ħajja miżżewġa u tal-familja, japprofondixxu l-ħajja tagħhom tat-talb u jikbru fil-mixja tal-fidi flimkien bħala koppja u bħala familja. Jeħtieġ ukoll li dawn il-koppji jkomplu jinfetħu għall-bżonnijiet ta’ koppji u familji oħrajn biex iservu ta’ dawl għalihom. Huwa minn fost koppji bħal dawn, fost oħrajn, li wieħed għandu jfittex l-operaturi li jaħdmu fil-qasam tal-familja (ŻF 52).

 

  Membri fil-Gruppi tal-Familji jistgħu jkunu strumentali f’ħidma ma’ ġenituri nsara bħalhom li għandhom bżonn sostenn kontinwu fil-mixja fil-fidi ta’ wliedhom (ŻF 56).

 

 

Adolexxenti u Żgħażagħ

 

  Studji juru kif 9.3% taż-żgħażagħ biss jgħidu li qegħdin f’movimenti jew f’xi għaqda tal-Knisja. (AŻ 4).

 

  L-Ispirtu għoġbu jżejjen din il-komunitaÏ ta’ fidi f’Malta b’diversi kongregazzjonijiet, ordnijiet, movimenti, u assoċjazzjonijiet reliġjużi u lajkali, li joffru servizzi u akkoljenza spiritwali skond il-kariżma tagħhom (AŻ 14).

 

  Jinħass li hemm nuqqas ta’ koordinament u komunikazzjoni fil-pastorali taż-żgħażagħ li jirriżulta f’dupplikazzjoni u ħela ta’ riżorsi b’detriment għaż-żgħażagħ stess. Barra minn hekk, diversi għaqdiet u movimenti jħossuhom maqtugħa u b’nuqqas ta’ appoġġ fil-ħidma pastorali tagħhom (AŻ 15).

 

  Jeżistu għaqdiet, gruppi u movimenti fejn iż-żgħażagħ qegħdin jgħixu esperjenza qawwija ta’ komunita’, fejn qegħdin iħossuhom mifhuma u apprezzati kemm minn żgħażagħ oħra kif ukoll minn adulti fl-istess komunita’ (AŻ 24).

 

  Tajjeb li l-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ toħloq okkażjonijiet spissi fejn il-mexxejja u l-membri attivi tal-għaqdiet ikollhom l-opportunitaÏ jiltaqgħu bejniethom. F’attivitajiet bħal dawn ikun hemm iċ-ċans jinqasmu l-esperjenzi biex jaqgħu ħitan, konflitti u kompetizzjoni bla sens u tiġi promossa l-kollaborazzjoni sħiħa bejn għaqdiet differenti (AŻ 27ii).

 

  Minn żmien għal żmien id-Delegat ta’ l-Arċisqof għaż-żgħażagħ għandu jżur lill-għaqdiet/movimenti li huma direttament involuti fil-ħidma maż-żgħażagħ biex jibni kuntatti aktar sodi u jistħarreġ modi ġodda ta’ kollaborazzjoni. (AŻ 27iv).

 

  Il-gruppi u l-movimenti għandhom joffru aktar opportunitajiet ta’ rikonċiljazzjoni sagramentali lill-membri tagħhom (AŻ 52).

 

  Jingħata l-appoġġ meħtieġ lil dawk l-għaqdiet, il-movimenti, l-ordnijiet jew il-kongregazzjonijiet li diġa nedew jew jixtiequ jibdew proġetti fil-qasam tad-divertiment (AŻ 59).

 

 

IL-FORUM TAL-GĦAQDIET U MOVIMENTI KATTOLIĊI

 

  Il-Forum tal-Għaqdiet u Movimenti Kattoliċi jiġbor fih numru ta’ għaqdiet u movimenti Kattoliċi importanti, imma mhux l-assoċjazzjonijiet kollha. Ir-relazzjoni bejn għaqda u oħra fi ħdan il-Forum hi tajba imma tista’ tkun aktar dinamika. Ħafna drabi hi waħda uffiċjali, pjuttost skarsa mis-sens ta’ Knisja, u waħda ta’ konvenjenza aktar milli ta’ konvinzjoni. Din il-qagħda tinħass l-aktar meta jiġu organizzati jew jittieħdu inizjattivi fuq skala djoċesana (LN 32).

 

  Iżomm bħala prijorita’ li jgħin lill-għaqdiet jaslu biex jitgħallmu japprezzaw id-diversità tagħhom, u jqiegħdu l-kariżma partikulari tagħhom għas-servizz tal-komunità (VKK 38).

 

  Ikun ikkunsidrat kif jista’ jsir aktar effettiv (LN 32).

 

  Jara li r-relazzjoni bejn għaqda u oħra tkun aktar dinamika u ta’ konvinzjoni (LN 32).

 

  Flimkien ma’ istituzzjonijiet oħra, jagħti sehmu fil-formazzjoni permanenti ta’ l-adulti (LN 59).

 

  Jista’ jorganizza korsijiet f’Leadership Skills, eċċ. għall-assoċjazzjonijiet biex ikunu iżjed effettivi fl-evanġelizzazzjoni. Dawn il-korsijiet jiswew biex l-assoċjazzjonijiet isiru aktar dinamiċi u aktar adatti għaż-żmien ta’ llum, biex jitrawmu mexxejja li huma tant meħtieġa għall-assoċjazzjonijiet, u biex ikunu aktar effettivi fl-evanġelizzazzjoni  (LN 64).

 

  Flimkien mas-Segretarjat għal-Lajċi jara li jkun hemm nies imħarrġa (esperti) biex jagħtu l-għajnuna lill-assoċjazzjonijiet f’diffikulta’ (LN 65).

 

  Bżonn li ssir riċerka fuq l-għaqdiet u l-movimenti fi ħdan il-Forum u studju dwar il-gruppi ‘indipendenti’ fid-djoċesi u fil-parroċċi (LN 67).

 

  Issir evalwazzjoni li twassal għal aġġornament u tiġdid tiegħu; hemm bżonn ikun iktar inċisiv u jinħass aktar fl-utilita’ tiegħu (LN 67).

 

  Flimkien mas-Segretarjat għal-Lajċi, jaħdem iżjed mad-diriġenti ta’ l-assoċjazzjonijiet biex dawn jifhmu l-ħtieġa tas-sens ta’ Knisja; joħloq aktar kuntatti fost l-assoċjazzjonijiet; jieħu miżuri biex il-lajċi kollha jagħtu sehemhom fuq livell djoċesan; isegwi l-ħidma tal-gruppi indipendenti; jgħin lil-lajċi jimxu skond l-orjentament tas-Sinodu Djoċesan (LN 67).

 

  Fir-rigward ta’ ħidma ta’ evanġelizzazzjoni f’setturi speċifiċi, jaħdem flimkien mas-Segretarjat għal-Lajċi u b’konsultazzjoni mat-Taqsima Pastorali fid-Dinja tax-Xogħol, mal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, mal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u ma’ diversi entijiet ekkleżjali relevanti (LN 73).

 

  Il-Forum jgħaqqad il-ħidmiet tal-gruppi lajkali favur ix-xandir tal-Kelma (XK 29).

 

  Ikun il-post ta’ koordinament biex jintlaħqu setturi differenti fi ħdan il-Poplu ta’ Alla li jgħammar f’Malta; jistħarreġ bżonnijiet ta’ taħriġ u jersaq bihom lejn enti ta’ formazzjoni (XK 40).