Laikos

Aktar dwar is-Sinodu Djoċesan ta' Malta 1999-2003 ...

 IS-SOLIDARJETÀ FID-DOKUMENTI TAS-SINODU DJOĊESAN

SERJE VALURI TAS-SINODU – 6

 SINODU MALTA 1999 - 2003

 

Matul is-Sinodu Djoċesan, fi proċess ta’ dixxerniment, ġew identifikati sitt valuri fundamentali. Dawn huma l-valuri bażiċi li wieħed isib fid-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan. Dawn huma: l-evanġelizzazzjoni, il-komunjoni, il-formazzjoni, id-djalogu, il-qadi, is-solidarjetà. Dan il-ktejjeb jagħti r-referenzi prinċipali li wieħed isib għas-solidarjetà, b’attenzjoni partikulari għall-imbegħdin u l-emarġinati, fid-dokumenti tas-Sinodu.  Wieħed għandu jikkonsulta d-dokumenti nfushom biex ikollu t-test sħiħ.

Ħajr lil Dun Joe Mizzi li ġabar flimkien dawn ir-referenzi.

 

Viżjoni ta’ Knisja komunjoni

Xhieda aktar qawwija ta’ solidarjetà mal-imbegħdin jew diskriminati minn ħaddieħor – 9;

Knisja qrib tal-batut u tal-imbiegħed – 43;

Knisja li tkun f’solidarjetà sħiħa mal-bniedem fejn qiegħed – 43;

L-għażla preferenzjali tal-fqar tfisser konverżjoni radikali tal-moħħ u tal-qalb kif ukoll is-solidarjetà bħala stil ta’ ħajja – 46,47.

 

Kultura – Soċjetà – Knisja

Il-Knisja kienet pijuniera  fejn tidħol il-kura ta’ dawk li huma mwarrbin mis-soċjetà – 9;

Mhux biss ħadd m’għandu jinqabeż mill-pastorali tal-Knisja, anzi għandha tingħata importanza lil dawk li tbiegħdu mill-prattika tal-ħajja nisranija – 11;

Li ma nwarrbu lil ħadd tfisser li dejjem nilqgħu fi spirtu ta’ djalogu u rispett, u b’fedeltà lejn l-Evanġelju u fid-dawl tal-qawwa tiegħu, lil dawk li għal xi raġuni jħossuhom emarġinati fil-Knisja – 11.

 

Lajċi Nsara

Li jkun hemm attenzjoni speċjali għall-Maltin li tbiegħdu mill-Knisja u għal dawk li huma emarġinati, is-sieħba fis-setet jew f’xi denominazzjoni jew reliġjon oħra – preż, 74;

Il-lajċi jgħixu u jibnu s-Saltna ta’ Alla fil-ħajja ta’ kuljum ma’ kulħadd, ma’ dawk li m’humiex membri tal-komunità nisranija jew m’humiex prattikanti – 9.

 

Xandir tal-Kelma

Kull parroċċa trid toħloq metodi biex tintebaħ b’dawk li ma jersqux għat-tagħlim, u waqt li tirrispetta d-deċiżjoni tagħhom, toffrilhom id miftuħa ħalli tħajjarhom isibu t-triq tagħhom lejn Alla – 14

 

Liturġija u Sagramenti

L-insara kollha huma fid-dmir li jagħmlu żjajjar lill-morda fid-djar jew fl-isptarijiet – 48

  

Djakonija u Ġustizzja

L-imħabba tagħna għandha tasal għand dawk li huma fil-bżonn tal-għajnuna, huma min huma – 1;

Nagħtu sehemna fil-bini ta’ strutturi ta’ solidarjetà – 5;

Aħna lkoll responsabbli lejn xulxin – 10;

Tgħin kemm dawk fil-qrib kif ukoll dawk fil-bogħod mhux biss miż-żejjed iżda wkoll min-neċessarju – 10;

Hawn  min jabbuża mis-sistema ta’ benefiċċji u dan huwa nuqqas serju ta’ solidarjetà – 18;

Solidarjetà mar-refuġjati u l-emarġinati u mhux biss karità kif ukoll l-opportunità li jipparteċipaw f’komunità ta’ bnedmin fejn id-dinjità u d-drittijiet tagħhom huma mħarsa – 21;

Il-bniedem għax hu xbieha ta’ Alla bis-solidarjetà kapaċi jmur lil hemm minnu nnifsu u jkun bniedem għal ħaddieħor – 29;

Is-solidarjetà mhix li wieħed jitħassar lill-ieħor, iżda rieda soda u perseveranti ta’ impenn b’riżq il-ġid komuni – 29;

Il-familja hi skola ta’ solidarjetà – 30.

 

Żwieġ u Familja

Kiber in-numru ta’ familji ġenerużi li lesti jimpenjaw  ruħhom favur min hu fil-bżonn – 12;

Lil dawk li qegħdin jgħixu f’sitwazzjonijiet irregolari, il-Knisja, filwaqt li tkompli turihom it-triq it-tajba, trid  tkompli taqdihom u tqishom bħala wliedha – 27;

Il-kappillani tal-parroċċi għandhom ikunu qrib dawk li qegħdin jgħixu fi żwiġijiet bi prova, f’għaqdiet bla ebda rabta, insara li żżewġu bi żwieġ ċivili biss, dawk f’relazzjonijiet bejn persuni ta’ l-istess sess dawk li ġabu d-divorzju minn barra u reġgħu żżewġu ċivilment biex b’xi mod jgħinuhom jagħmlu mixja ta’ fidi – 49;

Il-Knisja għandha tkun qrib il-koppji bla tfal, biex dawn jaslu biex jiskopru li, minkejja li ma jistgħux ikollhom ulied, xorta waħda jistgħu jkunu ta’ siwi kbir billi “jagħtu ħajja” lis-soċjetà, permezz ta’ ħidma edukattiva, għajnuna lil familji oħra jew lill-fqar, jew lil tfal b’diżabilità – 55;

 

Adolexxenti u Żgħażagħ

Huwa meħtieġ li l-Knisja tieħu inizjattivi pastorali ġodda biex tgħin lil ħafna żgħażagħ b’diżabilità fl-oqsma edukattivi u soċjali, u billi ġġib ‘il quddiem ħolqien ta’ xogħol – 55;

Għandu jingħeleb kull xkiel ta’ parteċipazzjoni u integrazzjoni taż-żgħażagħ b’diżabiltà fil-ħajja tal-Knisja – 55;

Il-Knisja lil dawk iż-żgħażagħ li skoprew l-identità omosesswali tagħhom għandha tagħtihom l-opportunità li jintegraw ruħhom fil-Knisja u fis-soċjetà – 55;

Il-Knisja trid tkompli toħroġ minnha nfisha biex taqsam l-esperjenza tagħha u tal-Mulej Ġesù ma’ dawk li huma fil-periferija jew anki li huma kompletament indifferenti lejha – prinċipji  gwida 6.