Laikos

Aktar dwar is-Sinodu Djoċesan ta' Malta 1999-2003 ...

IL-QADI FID-DOKUMENTI TAS-SINODU DJOĊESAN

 SERJE VALURI TAS-SINODU – 5

 SINODU MALTA 1999 - 2003 

 

Matul is-Sinodu Djoċesan, fi proċess ta’ dixxerniment, ġew identifikati sitt valuri fundamentali. Dawn huma l-valuri bażiċi li wieħed isib fid-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan. Dawn huma: l-evanġelizzazzjoni, il-komunjoni, il-formazzjoni, id-djalogu, il-qadi, is-solidarejtà. Dan il-ktejjeb jagħti r-referenzi prinċipali li wieħed isib għall-qadi fid-dokumenti tas-Sinodu. Wieħed għandu jikkonsulta d-dokumenti nfushom biex ikollu t-test sħiħ.

Ħajr lil Dun Joe Mizzi li ġabar flimkien dawn ir-referenzi.

 

Viżjoni ta’ Knisja komunjoni

Il-Knisja li hi qaddejja timita lil Ġesù – 9; 32; 34;

Ġesù jgħallimna kif inkunu qaddejja ta’ ħutna – 9;

Marija hi l-qaddejja tal-Mulej – 10;

Marija tgħallimna kif inkunu qaddejja ma’ Kristu l-Mulej tal-aħwa kollha – 10;

Il-Knisja turi li hi oħt u qaddejja meta tkun f’attitudni ta’ qadi u ta’ għotja sħiħa għal kull min hu fil-bżonn – 11.

 

Kultura – Soċjeta – Knisja

Alla qiegħed ikellem lill-Knisja fl-uġigħ ta’ tant nies, għalhekk il-Knisja trid tkun mal-bniedem f’dan kollu u tkompli toffrilu t-tama li hu Kristu – 9;

Il-Knisja tfakkar lill-insara li għandhom jibqgħu juru impenn biex jittieħdu miżuri li jgħinu lill-pajjiżi l-aktar fqar, bħalma huma dawk tal-Afrika, biex ikunu jistgħu jimxu ‘l quddiem. Fl-istess waqt tħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-pajjiż biex fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jmexxu ‘l quddiem aġenda li tiffavorixxi l-iżvilupp soċjali, ekonomiku u politiku fil-partijiet fqar tad-dinja – 31;

Jeħtieġ li l-Knisja f’Malta tinxteħet b’ruħha u ġismha aktar wara l-fqir – jġifieri tagħmel l-għażla preferenzjali ma’ min hu żvantaġġat jew emarġinat għal xi raguni – 39.

 

Lajċi Nsara

Il-lajċi jipparteċipaw fil-ħajja pubblika billi jaħdmu għall-ġustizzja, għas-solidarjetà, għall-paċi nazzjonali u internazzjonali u għall-progress veru fi spirtu ta’ servizz – 54.

 

 

Xandir tal-Kelma

Is-sit tad-djoċesi għandha twassal informazzjoni dwar il-Knisja (uffiċċji, kuntatti, eċċ) u l-parroċċi tagħna (attivitajiet ta’ tagħlim, ħinijiet ta’ quddies u duttrina, u oħrajn). Twassal għajnuniet għall-ħajja ta’ fidi li għandu l-Poplu ta’ Alla, bħal passi mill-Kotba Mqaddsa u xi spjega, talb, tweġibiet għall-mistoqsijiet li jistgħu jintbagħtu bl-email, dokumenti u spjegazzjoni tat-tagħlim tagħha, toffri wkoll speċi ta’ customer care għal dawk li jridu jikkuntattjaw id-djoċesi – 44.

 

Liturġija u Sagramenti

Il-liturġija hi għajn ta’ ħajja ġdida li turi ruħha f’għemejjel ta’ ġid  u ta’ servizz, speċjalment ma’ dawk fil-bżonn, u f’ħidma għall-ġustizzja soċjali – preż, 33;

Skont tradizzjoni antika, il-liturġija tal-Ħadd l-insara jgħixuha permezz ta’ għemejjel ta’ ġid u servizz umli mal-morda, ma’ min hu batut u mal-anzjani – 16;

Il-ħidma tal-ministru ordnat hi dik li jaqdi fi ħdan il-komunità f’isem Kristu u fil-persuna ta’ Kristu r-Ras – 42.

 

Djakonija u Ġustizzja

Is-servizz ta’ qadi fil-ħajja tal-Knisja huwa msejjaħ djakonija – 1;

L-istrutturi tad-dnub jagħmluha aktar diffiċli li aħna nkunu ġusti u li nkunu ta’ servizz għall-oħrajn – 5;

Il-Knisja f’Malta għandha storja twila ta’ servizz – 6;

Il-Knisja tfaħħar lil min jidħol għall-politika b’sens ta’ missjoni u ta’ qadi – 14;

Il-ħidma tal-Knisja għall-ġustizzja għandha tkun dejjem imsieħba b’atti ta’ qadi konkreti lil min hu fil-bżonn – 23;

Is-servizz li tagħti l-Knisja huwa l-wiri ta’ wiċċ Kristu l-feddej – 23;

Il-parroċċa għandha d-djakonija bħala parti ċentrali tal-ħidma tagħha – 24;

Il-parroċċa trid tiżgura li m’hemmx persuni li d-dinjità tagħhom bħala bnedmin hija mkasbra minħabba l-qagħda tagħhom – 31.

 

Żwieġ u Familja

Huwa lejn dawk il-familji li “spiċċalhom l-inbid” li rridu nitfgħu ħarsitna biex flimkien naraw x’nistgħu nagħmlu – 12;

Il-familji mġarrbin minn sitwazzjonijiet diffiċli jistennew li l-Knisja tferragħlhom ftit inbid – 26;

Fuq l-eżempju tal-qaddejja tat-tieġ ta’ Kana, il-Knisja għandha jkollha dan l-ispirtu ta’ qadi fis- servizz li tagħti meta hi wkoll tieħu, tnewwel u tferragħ l-imħabba u t-tagħlim tagħha lil min irid jilqgħu, bla ma timponi xejn fuq ħadd – 28;

F’kordinament mal-Moviment ta’ Kana jitwaqqfu fil-parroċċi gruppi ta’ sapport għal persuni separati u jsir ftehim bejn Kana u l-parroċċi dwar counselling – 34;

Jekk verament tixtieq tkun qaddejja ta’ familji fil-bżonn u ta’ żwiġijiet li spiċċalhom l-inbid, jeħtieġ li l-Knisja f’Malta tieħu b’serjetà kbira l-formazzjoni tal-counsellors – 37;

Issir kummissjoni li teżamina x’jeħtieġ isir biex il-funzjoni pastorali tat-Tribunal Ekkleżjastiku f’Malta tkun imwettqa aħjar – 48;

Tingħata għajnuna pastorali lil dawk il-persuni li jkunu ressqu l-każ tagħhom quddiem it-Tribunal Ekkleżjastiku u jkunu rċevew sentenza negattiva – 49;

Iċ-ċentri ta’ spiritwalità u l-movimenti għandhom joffru okkażjonijiet ta’ talb u rtiri indirizzati għall-għarajjes u l-miżżewġin u familji – 53;

Jitwaqqfu fil-parroċċi gruppi ta’ sapport għal koppji bla tfal, koppji li adottaw – 55.

Adolexxenti u Żgħażagħ

 

Iż-żgħażagħ jersqu lejn min hu fil-bżonn jew dgħajjef bl-istess spirtu ta’ Kristu u f’għaqda miegħu – 53;

Il-qadi hu ħafna għal qalb iż-żgħażagħ; għalhekk kultant żmien għandu jkun hemm esperjenza qawwija ta’ djakonija u, kemm jista’ jkun, ikunu ż-żgħażagħ stess li joħolquha u jwettquha – 54;

Il-Knisja għandha tagħti attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ li jkunu maqbudin f’ħajja ta’ xi vizzju, li jsofru minn vjolenza, li jisfaw vittmi ta’ sfruttament sesswali, li jkunu delinkwenti, u li jkunu vittmi ta’ faqar intellettwali – 56.