Laikos

Aktar dwar is-Sinodu Djoċesan ta' Malta 1999-2003 ...

IL-FORMAZZJONI FID-DOKUMENTI TAS-SINODU DJOĊESAN

 SERJE VALURI TAS-SINODU – 3

 SINODU MALTA 1999 - 2003

 

Matul is-Sinodu Djoċesan, fi proċess ta’ dixxerniment, ġew identifikati sitt valuri fundamentali. Dawn huma l-valuri bażiċi li wieħed isib fid-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan. Dawn huma: l-evanġelizzazzjoni, il-komunjoni, il-formazzjoni, id-djalogu, il-qadi, is-solidarjetà. Dan il-ktejjeb jagħti r-referenzi prinċipali li wieħed isib għall-formazzjoni fid-dokumenti tas-Sinodu. Wieħed għandu jikkonsulta d-dokumenti nfushom biex ikollu t-test sħiħ.

Ħajr lil Dun Joe Mizzi li ġabar flimkien dawn ir-referenzi.

 

Viżjoni ta’ Knisja komunjoni

F’kull livell tal-komunità ekkleżjali tagħna, hemm bżonn urġenti ta’ formazzjoni ta’ mexxejja b’saħħithom li jkunu kapaċi jnisslu fiduċja, jimmotivaw tassew, ikollhom u jkunu kapaċi jwasslu viżjoni, jistmaw u jivvalutaw tassew lill-membri u jnisslu spirtu ta’ kordinament veru  f’oqsma differenti fid-djoċesi, kif ukoll bejn l- għaqdiet u l-movimenti – 21.

Formazzjoni kontinwa fit-tmexxija (ongoing formation) mhux biss lill-mexxejja tagħha u dawk li b’xi mod qegħdin jagħtu sehemhom, imma lil kull min jixtieq jitgħallem aktar, kulħadd skont is-sitwazzjoni tiegħu – 22.

Noqogħdu f’riġlejh u nkunu dixxipli tiegħu – 32.

Kristu l-Imgħallem waħdieni tagħna – 33.

Kull parroċċa tieħu bis-serjetà l-formazzjoni fit-talb u fis-smigħ tal-Kelma – 35.

Il-lajċi jiġu ffurmati wkoll fis-sens ta’ kuxjenza professjonali u etika u dan isir għall-professjonijiet kollha. Il-Knisja tista’ tħeġġeġ lill-gvern biex dan jagħti formazzjoni etika, speċjalment f’dawk l-oqsma fejn dan huwa l-aktar meħtieġ. Il-Knisja mbagħad toffri l-kontribut tagħha fi programm bħal dan permezz ta’ personnel speċjalizzat – 37.

Importanti li jinstab mezz u tingħata l-għajnuna biex l-idejat ta’ formazzjoni, komunjoni, eċċ. jaslu u jitwettqu fil-parroċċa – 39.

Isir u jitwettaq programm serju ta’ formazzjoni kontinwa (jiġifieri tagħlim u approfondiment tal-fidi) għall-kategoriji kollha. Il-Knisja għandha tonfoq ir-riżorsi tagħha fi programmi bħal dawn – 41.

Il-formazzjoni fis-Seminarju għandha tħeġġeġ lil dawk li qed iħejju ruħhom għas-saċerdozju biex jirriflettu bis-serjetà dwar il-possibbiltà ta’ ħidma missjunarja, anke għal xi numru definit ta’ snin tal-ministeru presbiterali tagħhom – 42.

 

Kultura – Soċjetà – Knisja

Hi meħtieġa formazzjoni solida u profonda, kontinwa u aġġornata għall-insara kollha Maltin – preż;

Tingħata formazzjoni spiritwali ħalli dak li l-insara jiċċelebraw fit-tempju jkomplu barra mit-tempju – 11;

Jidher li hawn nuqqas ta’ min kapaċi jidher fuq programmi f’xandira diretta fuq il-midja – 16;

Jista’ jagħti l-każ li l-kawża li xi Maltin saru Musulmani kien minħabba nuqqas ta’ formazzjoni – 19;

Il-lajċi jridu jkunu aktar preparati teoloġikament u psikoloġikament biex ma jistennewx mill-kleru la direttivi u lanqas pariri dwar il-biċċa l-kbira tal-għażliet politiċi li jkun jeħtieġ li jsiru – 29;

Il-mexxejja tal-Knisja jipprovdu dawl fuq il-problemi jaħarqu tal-mument u jgħinu lill-insara jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom – 29;

Suġġeriment tad-dħul tal-leisure studies fis-sillabu ta’ l-iskola – 34;

Għat-turisti li jżuruna l-Knisja tista’ tintroduċi korsijiet edukattivi b’temi bħal katekeżi permezz tal-Arti; tagħmel mill-mużewijiet tagħha ċentri tabilħaqq edukattivi, u twaqqaf bibljoteki li jispeċjalizzaw fil-wirt kulturali nisrani – 54;

Il-Knisja għandha dejjem aktar tagħmel ħilitha sabiex tisħaq fuq il-formazzjoni kontinwa tal-membri tagħha kollha, l-aktar ta’ dawk li jgħallmu sew fl-iskejjel tagħha kif ukoll f’kull skola oħra – 36;

F’kull stadju tal-edukazzjoni, il-prijorità għandha tkun dik li l-bniedem jasal biex ikollu rispett kbir tas-sewwa, sakemm fl-aħħar jasal biex jagħraf li għandu wkoll iqim is-Sewwa- 37;

Il-lajċi li jgħallmu fl-iskejjel tal-Knisja għandhom ikunu mħejjija aktar f’dik li hi formazzjoni serja u kontinwa tal-fidi tagħhom kif ukoll fil-kariżma u l-ispiritwalità tal-kongregazzjoni fejn huma impjegati – 40;

Sew il-lajċi u sew ir-reliġjużi li jgħallmu fl-iskejjel tal-Knisja għandu jkollhom formazzjoni fl-aqwa  metodi ta’ tagħlim li hawn – 40;

Jeħtieġ li niggwidaw u niffurmaw l-operaturi kattoliċi dwar kwestjonijiet ta’ etika – 47;

Il-formazzjoni tal-għalliema fil-qasam ambjentali hija fundamentali u l-Knisja  għandha tinvesti flus u staff biex l-iskejjel tagħha jagħtu aktar attenzjoni għall-iżvilupp ta’ ambjent aktar ġust u inklużiv – 54;

Hi meħtieġa edukazzjoni kontra l-vizzji tal-ħela, vandaliżmu u ħmieġ – 54;

Sabiex tingħeleb “l-injoranza reliġjuża” jeħtieġ sforz biex l-opportunitajiet ta’ tagħlim u formazzjoni li diġa’ jeżisitu jiġu intensifikati, u fejn hemm bżonn ippjanifikati aħjar, biex isir l-aħjar użu minn kull riżorsa li l-Knisja għandha – 72;

Billi l-possibbiltà li l-kultura tkun influwenzata mill-Knisja qiegħda kull ma tmur tonqos, trid tingħata prijorità lill-formazzjoni u l-evanġelizzazzjoni aktar milli lill-pastorali ċċentrata fuq l-għoti tas-sagramenti – 72;

Il-ftit mumenti li għandna ta’ laqgħat żgur m’humiex biżżejjed biex jagħtu dik il-formazzjoni solida li n-nisrani adult jeħtieġ għall-għażla tiegħu u għall-impenn soċjo-politiku-kulturali li s-soċjetà tal-lum tesiġi – 73;

Bħala prassi komuni, ħafna mill-ketekeżi għadha wisq infunzjoni tas-sagramenti u għalhekk m’hijiex toffri preparazzjoni għall-ħajja inġenerali u edukazzjoni fil-fidi tassew – 73;

Jeħtieġ jittieħdu miżuri urġenti dwar il-formazzjoni permanenti ta’ katekisti u għalliema tar-reliġjon – 74;

In-nuqqas ta’ formazzjoni fil-fidi, anke fuq livell intellettwali, kompla jiġi aċċentwat mir-rwol dejjem jikber li l-midja qed ikollhom fis-soċjetà Maltija – 75;

L-istrutturi u l-għodda li l-Knisja f’Malta għandha u tħaddem bħalissa, fejn tidħol il-formazzjoni u l-konfront tal-fidi reliġjuża mal-kultura li qed tiżviluppa, mhumiex adegwati – 75;

Waħda mill-akbar sfidi li għandha quddiemha l-Knisja f’Malta bħalissa hi li tipprepara nsara għall-ħtiġijiet veri tar-realtà soċjali kif inhi llum – 75;

Jeħtieġ iżjed kordinament kif ukoll li jitfassal proġett komuni ta’ formazzjoni teoloġika b’indirizz iktar speċifiku għal ċerti ħtiġijiet. It-twaqqif ta’ Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali għandu jgħin f’din id-direzzjoni – 76;

Il-parti l-kbira tal-insara jirċievu l-formazzjoni tagħhom minn ħdan il-familja, il-parroċċa u l-iskola – 78;

Dawn l-oqsma għandhom jirċievu attenzjoni speċjali mill-Knisja – 79-80;

Il-ħtieġa wkoll li tkun inkuraġġita l-formazzjoni ta’ komunitajiet tal-bażi li jistgħu jagħmlu iktar possibli  kemm il-preparazzjoni kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-lajċi – 80;

Il-ħtieġa ta’ formazzjoni permanenti tas-saċerdoti – 81;

Għandu jiġi assigurat li, speċjalment fl-iskejjel tal-Knisja, jingħata tagħlim nisrani kif għandu jkun  l-għalliema jkunu xhieda ta’ ħajja nisranija u  kompetenti, u l-istudenti joħorġu minn dawn l- iskejjel b’esperjenza tabilħaqq nisranija – 83 ii.

 

Lajċi Nsara

Tissaħħaħ aktar il-formazzjoni tal-lajċi, mibnija fuq il-kelma ta’ Alla u t-tagħlim awtentiku u bl-għajnuna tax-xjenzi umani – preż.

Meta l-lajċi jimxu bil-kriterji teoloġiċi, jakwistaw sens ta’ direzzjoni – 13;

Meta l-lajċi jkunu ffurmati fuq bażi teoloġika u spiritwali soda, iżommu kontinwament quddiem għajnejhom li l-għaqda li qed jaħdmu fiha mhijiex  tagħhom imma tal-Mulej u li dak li qed jagħmlu hu kollu għalih – 13;

Il-Knisja f’Malta għandha taħdem biex dawn il-prinċipji teoloġiċi dwar il-lajkat ikunu magħrufa minn kulħadd – 14;

Jeħtieġ li lajċi nsara jkollhom formazzjoni teoloġika dwar il-lajkat, biex ikunu jistgħu jagħmlu dixxerniment fuq is-sitwazzjonijiet konkreti u fuq x’għandha tkun l-imġiba tagħhom fid-dawl tal-Evanġelju – 14;

Bħala poplu għad irridu naħdmu biex ir-reliġjożità nittrasformawha f’fidi awtentika – 17;

Ħafna ma jifhmux li bis-servizz tagħhom qed jgħinu fil-bini tal-komunità ekkleżjali – 21;

Hemm xi għaqdiet li għandhom formazzjoni tajba, oħrajn għandhom ċerti nuqqasijiet fil-formazzjoni tal-membri – 28;

Hu urġenti li ż-żgħażagħ jiġu ffurmati ħalli huma  stess ikunu mexxejja li jmexxu gruppi ta’ żgħażagħ – 38;

Fl-evanġelizzazzjoni ġdida mhux biżżejjed tkun taf il-messaġġ imma trid tkun taf ukoll id-dinja li fiha ser twasslu – 46;

L-istudju ta’ dawn ix-xjenzi umani jistgħu jgħinuna nifhmu aħjar lill-bniedem tal-lum u d-dinja ta’ madwaru – 52;

Jeħtieġ li l-ħidma lajkali tiġi speċjalizzata meta tiġi  biex tilħaq setturi speċifiċi – 53;

Jiġu mħarrġa lajċi adattati biex jidħlu għal responsabbiltajiet ġodda speċifiċi fil-parroċċi tagħna – 56;

Il-formazzjoni tal-lajċi kollha hi indispensabbli biex jintlaħqu l-prioritajiet u l-formazzjoni spiritwali għandha post privileġġat – 58;

Programm ta’ formazzjoni permanenti għall-adulti kollha , b’attenzjoni speċjali fuq il-familja fejn il-lajċi l-aktar li huma preżenti – 59;

Formazzjoni għal dawk li jixtiequ jidħlu fil-ħajja politika u pubblika – 61;

L-għaqdiet u l-movimenti japprofondixxu b’mod aġġornat il-formazzjoni tal-membri fil-kariżma partikolari tagħhom – 62;

Hu utli li l-membri jkollhom korsijiet f’leadership skills, public speaking, power point presentation u management minn esperti f’dawn l-oqsma – 64;

Ikun jiswa li l-lajċi li jservu fil-ministeri fil-parroċċa jkunu msaħħin b’korsijiet apposta – 68;

Għajnuna għall-formazzjoni spiritwali u professjonali tal-Istituti Sekulari – 72;

Tajjeb li fil-formazzjoni tal-operaturi pastorali tingħata attenzjoni xierqa lill-ugwaljanza bejn is-sessi – 77;

Issir ħidma ta’ formazzjoni nisranija wkoll għall-parteċipanti u għal dawk li jmexxu fil-qasam sportiv – 78.

 

Xandir tal-Kelma

Dan id-dokument jagħmel proposta li jkun hemm Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali immirat prinċipalment għall-operaturi pastorali – preż;

Ta’ min jinkoraġġixxi l-korsijiet ta’ tagħlim fuq il-Bibbja li jsiru fil-parroċċi – 12;

Ta’ min jinkoraġġixi wkoll il-laqgħat li jsiru fi gruppi bejn saċerdoti u lajċi biex iħejju l-liturġija tal-kelma għall-quddies ta’ Jum il-Mulej – 12;

Jeħtieġ li toħroġ aħjar id-distinzjoni u l-kumplimentarjetà bejn il-katekeżi parrokkjali, l-edukazzjoni reliġjuża u t-tagħlim tar-reliġjon fl-iskejjel għall-formazzjoni sħiħa tan-nisrani – 13, 39;

Hemm bżonn li l-kakekisti jiġu megħjuna u mħarrġa iżjed għall-ħidma li qed iwettqu – 14;

Il-qassis kultant isib li ftit hu mħarreġ għall-animazzjoni tal-fidi – 18;

Jekk it-tir tagħna ser ikun l-animazzjoni tal-fidi tal-Poplu ta’Alla, allura huwa importanti li l-qassis u  l-operaturi pastorali jingħataw taħriġ dwar id-dinamika/żvilupp tal-ħajja fl-Ispirtu biex dawn jistgħu jkunu ta’ għajnuna għal-ħuthom il-bnedmin – 19;

Hemm bżonn li jkun hemm taħriġ fl-istudju tal-Kelma, fid-dixxerniment komunitarju, fil-pedagoġija tal-fidi u l-katekeżi, fix-xjenzi umani u fil-komunikazzjoni – 19, 41;

Il-proċess ta’ edukazzjoni fis-sens veru tal-festi huwa twil u tqil, iżda huwa bżonnjuż jekk irridu festi li jsostnu l-fidi tal-insara Maltin – 20;

Il-programm tal-Media Education imfassal mis-Segretarjat għall-Komunikazzjoni Soċjali għandu  jifforma parti integrali mit-tagħlim bażiku fil-livelli  kollha tal-iskejjel tal-Knisja – 22;

Għalkemm hemm ħafna rieda tajba, jidher ċar li ħafna mill-operaturi pastorali huma nieqsa minn taħriġ u għajnuna biex iwettqu xogħol professjonali fil-ħidma fdata lilhom. Hi meħtieġa formazzjoni soda – 28, 30;

Isir pjan għall-katekeżi tal-adulti fid-djoċesi – 30 u fil-parroċċi – 42;

Il-programm ta’ formazzjoni għandu jiġi offrut ukoll għall-kleru u operaturi pastorali minn pajjiżi oħra – 30;

Ikun hemm Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali fl-Arċidjoċesi – 32;

Issir ħidma mal-Fakultà tat-Teoloġija u mal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali biex  jingħataw korsijiet ta’ tagħlim u jiġu ppreparati persuni għal diversi ministeri – 35;

Fost il-Poplu ta’ Alla, jeħtieġ jikber l-għarfien tal-Kotba Mqaddsa – 38;

Isiru korsijiet biex l-insara Maltin jagħrfu s-sejħa tagħhom fi ħdan knisja komunità – 38;

Mingħajr telf ta’ żmien għandu jinbeda proġett biex isostni lil dawk li jgħallmu r-reliġjon b’materjal u għajnuniet għat-tagħlim – 39;

Kull tant żmien, speċjalment bejn kariga u oħra, is-saċerdoti u l-operaturi pastorali għandu  jkollhom żmien ta’ studju/riflessjoni – 42;

Il-Kummissjoni Arti Sagra għandha teduka lill-kleru u l-lajċi biex japprezzaw forom oħra ta’ arti – 46;

It-tagħlim dwar kif naħdmu flimkien – saċerdoti,  reliġjużi u lajċi – għandu jkun parti essenzjali fil-formazzjoni ta’ saċerdoti ġodda, u fejn hu possibbli, parti mit-taħriġ isir waqt żmien sabbatiku – 48.

 

Liturġija u Sagramenti

Id-dokument ifisser il-ħtieġa ta’ formazzjoni liturġika, kif ukoll il-formazzjoni dwar id-devozzjonijiet popolari biex kulħadd jagħraf il-valur ta’ dawn id-devozzjonijiet u fl-istess waqt biex dawn ma jeħdux post il-liturġija – preż;

Jissaħħu l-inizjattivi tas-Segretarjat għal-Liturġija li għandhom bħala għan il-formazzjoni tal-ministri. Din il-ħidma ssir fil-qafas tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali – 4;

Hemm bżonn ta’ formazzjoni serja tas-sinjali u simboli fil-liturġija – 6;

Tajjeb li jkun hemm korsijiet ta’ formazzjoni serji għal-letturi li fihom jingħata tagħrif bibliku, liturġiku u tekniku – 8;

Is-saċerdot irid ikollu formazzjoni kontinwa li tinkludi aspetti bibliċi, liturġiċi, teoloġiċi, tekniċi, tax-xjenza umana u tat-tagħlim soċjali tal-Knisja – 9;

Il-Kummissjoni Mużika Sagra tgħin biex jimxu ‘l quddiem il-korijiet parrokkjali, l-aktar billi tħarreġ id-diriġenti tal-korijiet u tara wkoll kif tingħata formazzjoni liturġika ġenwina lill-mużiċisti u lill-kanturi, fil-qafas tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali – 12;

Minħabba d-devozzjonijiet qawwija lejn il-Madonna u l-qaddisin, trid issir katekeżi biex in-nies jifhmu sewwa t-tifsira tal-Misteru tal-Għid u l-post ċentrali tiegħu fl-Istorja tas-Salvazzjoni.

F’din il-katekeżi għandha tiġi ppreżentata “ġerarkija ta’ veritajiet” biex manifestazzjonijiet u ċelebrazzjonijiet li jduru lejn misteri oħra ta’ salvazzjoni fil-ħajja ta’ Kristu, u lejn il-Verġni Mqaddsa, l-Anġli u l-Qaddisin, isibu posthom – 19;

Il-Kummissjoni Arti Sagra, fil-qafas tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali, torganizza seminars u laqgħat fuq l-ispazju sagru u l-patrimonju artistiku- 22;

F’xi okkażjoni partikolari, bħall-festa tal-Magħmudija tal-Mulej, jixraq li ssir katekeżi bbażata fuq ir-rit tal-Magħmudija – 24;

Issir ukoll katekeżi battesimali għall-parrini u l-ġenituri biex jaqdu sew din il-missjoni afdata lilhom – 25;

It-tħejjija għall-Konfermazzjoni trid tfittex li twassal lill-persuna li qed tirċievi l-formazzjoni għal għaqda aktar intima ma’ Kristu, u għal familjarità aktar ħajja mal-Ispirtu s-Santu, mal-ħidma, id-doni u s-sejħat tiegħu – 30;

L-operaturi pastorali għandhom kemm jista’ jkun isegwu l-mixja kateketika-liturġika stabbilita mir-rit  liturġiku, bħala eżempju tipiku ta’ inizjazzjoni  sħiħa fil-fidi u fil-ħajja nisranija – 31;

Tingħata katekeżi dwar il-quddiesa – 33;

Tingħata importanza kbira lill-edukazzjoni fit-talb – 35;

Katekeżi biblika, teoloġika u morali dwar is-sens tad-dnub u l-bżonn tal-konverżjoni u r-rikonċiljazzjoni sagramentali ma’ Alla u mal-Knisja – 36;

Is-sagrament tar-rikonċiljazzjoni jitlob preparazzjoni serja u aġġornata kontinwa min-naħa tas-saċerdoti – 38;

Tingħata tħejjija anke liturġika għas-sagrament taż-żwieġ- 45;

Tajjeb li minn żmien għal żmien, l-insara f’xi Ħadd partikulari jkollhom tagħlim dwar x’ifisser iż-żwieġ nisrani – 47;

Tingħata katekeżi dwar is-sagrament tad-Dilka tal-Morda f’xi Ħadd qrib “Jum il-Morda” – 49;

Peress li ħafna mill-barkiet sagramentali jistgħu jingħataw mil-lajċi, jixraq li l-insara jiġu mgħallma dwar l-effetti spiritwali tagħhom u li jkollhom ġabra tagħhom fi ktejjeb sabiex ikunu jistgħu jiċċelebrawhom – 52;

Għandha tingħata formazzjoni tajba dwar il-liturġija u d-devozzjonijiet popolari lill-kleru u lil-lajċi – 54.

 

Djakonija u Ġustizzja

Id-deċiżjonijiet jittieħdu b’dixxerniment fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla u bil-kontribut tax-xjenza soċjali – 13;

Il-Knisja tinvolvi ruħha aktar fil-formazzjoni ta’ min hu involut fil-politika – 14;

Fl-isptarijiet naraw għandux ikun hemm membru tal-kleru u lajċi b’taħriġ fit-teoloġija u l-mediċina – 17;

Ir-razziżmu nirbħuh biss b’edukazzjoni minn kmieni u integrali tal-valuri tal-imħabba, tat-tolleranza, tal-pluraliżmu – 21;

Parti mill-edukazzjoni nisranija li tingħata kemm fil-katekeżi u l-iskejjel tkun dwar id-dinjità tal-persuna – 22;

It-tagħlim soċjali tal-knisja joffri mhux biss prinċipji li jgħinuna ngħaddu ġudizzju fuq sitwazzjonijiet partikulari imma wkoll suġġerimenti prattiċi għal ħajja aktar umana – 28;

L-għaqdiet u movimenti tal-lajċi għandhom jaraw kif iwasslu t-tagħlim soċjali tal-Knisja lill-membri tagħhom – 33;

Fil-programmi edukattivi, katekistiċi u ta’ formazzjoni nrawmu iżjed l-ispirtu tal-volontarjat – 34;

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi għandha tkabbar l-għarfien tat-tagħlim soċjali tal-Knisja fuq diversi livelli u perm+ezz ta’ diversi modi – 37.

 

Żwieġ u Familja

Ħadd ma jista’ jieħu post l-omm u l-missier fil-formazzjoni tal-ulied. Hu fir-relazzjoni mal-omm u mal-missier li l-ulied, speċjalment fl-ewwel snin, jistgħu jikbru tassew f’persuni maħbuba u mħejjija għall-ħajja – 17;

L-akbar u l-ewwel influwenza fuq l-ulied huma l-ġenituri – 18;

It-tħejjija għaż-żwieġ ma tibdiex mill-kors ta’ Kana imma mill-benniena, fid-dar tal-ġenituri tal-għarajjes meta dawn ikunu għadhom trabi. Anzi hawn min jgħid ukoll li anki qabel, sa minn meta t-tarbija tkun għadha fil-ġuf tal-omm – 30;

Fl-età ta’ wara l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof, ikun hemm edukazzjoni orjentata aktar lejn il-ħajja familjari u l-ħajja bejn il-miżżewġin – 30;

Jitwaqqfu gruppi going steady fil-parroċċi – 30;

Il-koppji mexxejja li jakkumpanjaw lill-għarajjes waqt il-kors għandhom ikunu mħarrġin sewwa – 33;

Taħriġ adegwat mill-moviment ta’ Kana għall-mexxejja tas-support groups tas-separati – 34; 

Saċerdoti mħarrġa biex jiltaqgħu mal-koppji qabel iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, jgħinuhom fit-tħejjija taċ-ċerimonja taż-żwieġ u jżuruhom id-dar fl-ewwel snin taż-żwieġ tagħhom – 36;

Il-counsellors jeħtieġ li jkunu mħarrġa professjonalment – 37;

Jeħtieġ li jkun hawn tagħlim ċar, aġġornat u korrett dwar il-paternità responsabbli. Responsabbli għat-tħejjija tal-għalliema tal-metodi naturali tal-ippjanar tal-familja għandha tkun aġenzija ċentrali bħall-moviment ta’ Kana – 39;

Is-Sinodu jħeġġeġ lil dawk il-miżżewġin li waslu għall-milja tar-responsabbiltà tagħhom bħala persuni f’kulma għandu x’jaqsam mal-imħabba u l-ħajja, biex jagħtu x-xhieda siewja tagħhom – 39;

Jeħtieġ li l-counsellors u l-għalliema tal-metodi naturali jirċievu taħriġ ċar u sod dwar it-tagħlim awtentiku tal-Knisja dwar il-valuri taż-żwieġ nisrani u dwar il-ħajja – 39;

Kemm il-kandidati għas-saċerdozju kif ukoll is-saċerdoti għandu jkollhom taħriġ neċessarju dwar ir-relazzjonijiet interpersonali u dwar ħiliet bażiċi – 41;

Isir sforz biex ikun hemm numru ta’ saċerdoti u lajċi li jkunu fluwenti fil-lingwa tas-sinjali Maltija. Dan jagħmilha possibbli għal persuni neqsin mis-smigħ li jattendu kors ta’ tħejjija għas-sagrament u xi laqgħat oħra apposta għalihom – 42;

Ir-rispett lejn il-persuni b’diżabilità jitlob mill-Knisja f’Malta li jkun hemm numru adegwat ta’ persuni kwalifikati li jkunu għall-qadi ta’ dawn il-persuni – 42;

Tajjeb li fil-kors ta’ tħejjija għas-sagrament taż-żwieġ jingħata spazju wkoll għall edukazzjoni dwar il-familja u l-persuni b’diżabilità – 42;

Jeħtieġ li ċerti punti jkunu ċari: per eżempju, li ż-żwieġ, l-ulied u l-familja huma responsabbiltà tal-mara u tar-raġel indaqs; li l-vjolenza qatt m’għandha tiġi ġustifikata jew tollerata; li ma nistgħux nifirdu s-sess mill-imħabba vera; u li s-saċerdoti, il-konfessuri u l-operaturi pastorali jwasslu l-messaġġ ta’ Kristu u tal-Knisja partikolarment fejn tidħol il-morali familjari – 43;

Il-Kummissjoni Djoċesana Familji għandha tifforma u tkompli taġġorna lill-operaturi pastorali tal-familja dwar il-morali familjari u dawn min-naħa tagħhom, jagħmlu ħilithom kollha biex iżommu ruħhom aġġornati – 43, 45;

Nippromovu kultura favur il-ħajja fost kultura  tal-mewt li qed thedded il-qdusija tal-ħajja umana kif ukoll l-integrità tal-familja – 46;

Issir diskussjoni serja dwar is-sitwazzjonijiet irregolari fid-dawl tat-tagħlim u l-prattika pastorali tal-Knisja, u li minnha joħorġu linji gwida għas-saċerdoti u għall-operaturi pastorali dwar kif tista’ ssir pastorali xierqa u effettiva ma’ koppji bħal dawn – 49;

Dawk li jaħdmu ma’ koppji fi żwiġijiet imħallta u ma’ koppji li qed jgħixu sitwazzjonijiet irregolari jkunu mħarrġin sew mhux biss fit-tagħrif imma wkoll fil-ħiliet meħtieġa – 51;

Jitjieb il-kors Marriage to a Foreigner li jsir għat-tfajliet Maltin li jiżżewġu barranin, u jkun mistħarreġ kif jista’ jiġi estiż b’mod regolari għal irġiel li jiżżewġu nisa barranin – 51;

Għal gruppi tal-familji jew tal-koppji, jeħtieġ li jsir tiġdid fil-materjal tal-laqgħat tagħhom kif ukoll taħriġ aħjar tal-mexxejja tagħhom – 52;

Għandhom jitħejjew kits b’materjal adattat biex jintużaw f’okkażjonijiet ta’ talb, weekend retreats u okkażjonijiet oħra – 53;

Jingħata tagħrif fil-parroċċi dwar x’inhu l-fostering – 55;

Fil-kors tal-parental skills organizzat fil-parroċċa tiżdied laqgħa dwar kif il-ġenituri jgħaddu l-fidi lil uliedhom – 56;

Isiru korsijiet speċifiċi dwar l-edukazzjoni tal-fidi lill-ġenituri fi żminijiet partikolari tat-trobbija ta’ wliedhom, bħall-Ewwel Tqarbina u l-Griżma tal-Isqof – 56;

 

Adolexxenti u Żgħażagħ

Il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ għandha fost l-oħrajn tara li jkun hemm servizz ta’ formazzjoni kontinwa tal-operaturi pastorali – 17, kif ukoll tal-ministri taż-żgħażagħ – 18;

Dawn ikunu mħarrġa umanament, spiritwalment u pastoralment – 35;

Għandha tingħata formazzjoni kemm fis-sillabu tal-reliġjon kif ukoll miċ-ċentri taż-żgħażagħ dwar komunitajiet ekkleżjali oħra, kif ukoll dwar reliġjonijiet oħra, b’mod partikulari l-Islam li hi realtà dejjem tikber fil-ġżejjer tagħna – 31;

Irid isir investiment xieraq fir-riżorsi kemm umani kif ukoll bħala tagħmir – 34;

Il-formazzjoni taż-żgħażagħ għandha jkollha l-iskop aħħari li twasslhom sabiex jibnu relazzjoni personali intima ma’ Kristu bħala ħabib u mudell ta’ ħajjithom u tal-ħidma kollha tagħhom – 36;

Il-Knisja tagħraf li l-għalliema għandhom rwol importanti fil-formazzjoni taż-żgħażagħ. Għalhekk trid tagħraf kif tista’ tikkontribwixxi waqt il-formazzjoni u t-taħriġ tagħhom – 38;

Billi l-formazzjoni spiritwali tal-istudenti hi hekk importanti, il-Knisja ma tistax taċċetta li l-istudenti ma jkollhomx religious counsellor – 40;

Trid tingħata prijorità lill-formazzjoni sħiħa tal-ġenituri taż-żgħażagħ – 41;

Tissaħħah il-librerija ta’ riżorsi tal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ – 42;

Iċ-ċentri ta’ spiritwalità għandhom jagħtu formazzjoni u akkumpanjament liż-żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu għażla iżjed profonda ta’ Ġesù – 43, 52;

Hemm bżonn li ż-żgħażagħ jiġu megħjuna u mħeġġa biex jiċċelebraw u jgħixu l-quddiesa – 47;

Tingħata katekeżi mġedda fuq is-sagrament tal-qrar u r-rikonċiljazzjoni – 52;

Tingħata formazzjoni sħiħa, anki fejn jidħol il-qasam tal-ħin ħieles – 58;

Ikun hemm programmi u stateġiji li jindirizzaw il-bżonnijiet u s-sitwazzjonijiet li dejjem jinbidlu taż-żgħażagħ. Dawn ikunu jvarjaw skont l-età taż-żgħażagħ, oħrajn li huma indirizzati għall-familji oħrajn li jolqtu ġenerazzjonijiet differenti flimkien, oħrajn għall-komunità sħiħa flimkien, oħrajn indirizzati għall-iskejjel, oħrajn għal gruppi jew komunitajiet żgħar eċċ. – prinċipji gwida 15.