Laikos

Aktar dwar is-Sinodu Djoċesan ta' Malta 1999-2003 ...

L-EVANĠELIZZAZZJONI FID-DOKUMENTI TAS-SINODU DJOĊESAN

SERJE VALURI TAS-SINODU – 1

SINODU MALTA

 

Matul is-Sinodu Djoċesan, fi process ta’ dixxerniment, ġew identifikati sitt valuri fundamentali. Dawn huma l-valuri bażiċi li wieħed isib fid-dokumenti tas-Sinodu Djoċesan. Dawn huma: l-evanġelizzazzjoni, il-komunjoni, il-formazzjoni, id-djalogu, il-qadi, is-solidarjetà. Dan il-ktejjeb jagħti r-referenzi prinċipali li wieħed isib għall-evanġelizzazzjoni fid-dokumenti tas-Sinodu. Wieħed għandu jikkonsulta d-dokumenti nfushom biex ikollu t-test sħiħ.

Ħajr lil Dun Joe Mizzi li ġabar flimkien dawn ir-referenzi

 

Viżjoni ta’ Knisja komunjoni

Inkomplu ngħixu u ngħallmu l-Aħbar it-Tajba – preż;

L-Evanġelju jixxandar bix-xhieda ta’ ħajjitna – 34;

Mill-evanġelizzazzzjoni l-ġdida rridu ngħaddu għal ħajja sagramentali integrata mal-ħajja ta’ kuljum – 35;

L-istrutturi ċiviċi huma lok ta’ evanġelizzazzjoni u xhieda – 37;

Qabel mal-insara joħorġu jevanġelizzaw iridu jkunu huma stess evanġelizzati – 41;

L-evanġelizzazzjoni hi għall-membri kollha tal-Knisja – 41;

Nitbiegħdu minn pastorali sagramentalizzata għal waħda mibnija fuq l-evanġelizzazzjoni – 41;

Infasslu pjan u programm ta’ evanġelizzazzjoni għall-adulti fuq żewġ linji (i) f’komunitajiet żgħar u (ii) permezz tal-media.

 

Kultura – Soċjetà – Knisja

L-isfida ewlenija għall-Knsija llum hi li twassal lil Kristu b’modi ġodda u aġġornati, u b’lingwa relevanti u li tinftiehem min-nies – preż;

Fi żmien ta’ bidliet mgħaġġla fis-soċjetà u quddiem l-isfidi qawwija li toffri l-kultura llum, il-Knisja tfittex u tara kif tikxef modi ġodda ta’ kif twassal il-messaġġ tal-Evanġelju – preż iv;

L-Evanġelju hu indipendenti mill-kulturi kollha iżda l-messaġġ tas-Saltna mnedija fih irid jingħax fir-realtajiet tad-diversi kulturi – 3;

It-traġedja ta’ żmienna hi l-firda li nħolqot bejn il-kultura moderna u l-Evanġelju – 3;

It-triq tal-Knisja hi l-immersjoni tal-Evanġelju fil-fond tal-qalba tal-kultura u tal-kulturi – 3;

Bejn l-evanġelizzazzjoni u l-kultura hemm proċess ta’ arrikkiment reċiproku u ta’ konverżjoni – kemm ta’ min qed jiġi evanġelizzat kif ukoll ta’ min qed jevanġelizza – 4;

L-evanġelizzazzjoni ssir minn ġol-kultura nnifisha li qed tiġi evanġelizzata u allura ssir b’mod ħafna aktar radikali, permanenti u effettiv – 5;

Fil-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni tagħha l-Knisja teduka lin-nisrani biex, f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt, jagħmel għażliet li jkunu konsistenti mal-Evanġelju u mat-tagħlim tagħha – 27;

Huwa d-dmir ta’ kull membru tal-Knisja li jxerred it-twemmin u valuri li jħaddan, kif ukoll li, fuq kollox, jgħixhom – 37;

L-insara jridu jifhmu li r-responsabbiltà tagħhom fi ħdan il-ħolqien, u d-dmir tagħhom lejn in-natura u lejn il-Ħallieq, huma parti essenzjali tal-fidi tagħhom – 52;

L-offiżi kontra l-ambjent huma dnub li joffendi lil Alla u lill-oħrajn – 54;

Fejn jeżistu tfal li ma jafux bil-Malti, tkun provduta istruzzjoni kateketika b’ilsien ieħor u użu ta’ mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni fit-tagħlim tal-katekiżmu u fil-liturġija – 60;

Il-ħtieġa ta’ evanġelizzazzjoni vera u mill-ġdid f’pajjiżna qed tinħass tassew – 75;

Il-problema tal-evanġelizzazzjoni u l-katekeżi, u allura dik tal-edukazzjoni u l-formazzjoni, hija l-ewwel u qabel kollox problema ta’ metodu u lingwaġġ. Il-bniedem hu t-triq għall-Knisja u għalhekk dak li qed jiġri madwarna mhu xejn għajr opportunitajiet ġodda għall-evanġelizzazzjoni u l-katekeżi – 77.

 

Lajċi Nsara

Il-lajċi jkollhom sehem mill-proġett ta’ evanġelizzazzjoni ġdida indirizzata speċjalment  lejn dawk li tbiegħdu mill-Evanġelju – preż;

Il-preżenza tal-lajċi fid-dinja hi l-ewwel forma ta’ “predikazzjoni” fl-ambjenti kollha tas-soċjetà – 9;

L-inkorporazzjoni tal-lajċi fi Kristu tagħmilhom mhux biss operaturi tal-evanġelizzazzjoni tad-dinja imma anke kollaboraturi mar-rgħajja – 21;

Il-lajċi jkomplu l-missjoni profetika tagħhom billi jħabbru ‘l Kristu bix-xhieda ta’ ħajjithom u bi kliemhom – 25;

L-ogħla forma ta’ attitudni profetika hija l-kritika kostruttiva magħmula bl-imħabba – 25;

Sfortunatament, gruppi li l-ħidma tagħhom mhix  direttament  fl-impenn appostoliku mhux dejjem jifhmu s-sehem evanġeliku tagħhom – 31;

Il-familja hi l-post l-aktar naturali fejn il-lajċi jagħmlu l-appostolat tal-evanġelizzazzjoni – 34;

Kull imgħammed għandu sehem mill-proġett tal-evanġelizzazzjoni ġdida fil-ħeġġa, fil-metodi u fl-espressjoni tagħha – 44;

L-evanġelizzazzjoni ġdida għandna bżonnha għax is-soċjetà Maltija m’għadhiex waħda ispirata esklussivament mit-twemmin nisrani – 45;

Evanġelizzazzjoni esterna biss u mhux interna għall-kultura, jiġifieri li ma tinfluwenzax il-kultura, hi evanġelizzazzjoni kważi insinifikanti – 50;

Ma tkunx evanġelizzazzjoni li tħalli frott dik tagħna jekk ma tkunx mimlija tama fil-Mulej – 82.

 

Xandir tal-Kelma

Il-Kelma tixxandar fost l-oħrajn bil-mod kif il-Knisja tħaddem l-istituzzjonijiet tagħha, bil-mod kif tħaddem ir-riżorsi, u bl-għajnuna li tagħti lil min hu fil-bżonn. Din ix-xhieda fiha nnifisha hija Kelma li qed tixxandar – preż;

L-għaqda ta’ dawk li jemmnu ma tistax ma xxandarx il-Kelma li semgħet u ġarrbet – 4;

Il-Knisja hija msejħa biex f’kull żmien b’umiltà tilqa’ l-Kelma u twassal din il-Kelma li tagħti l-ħajja – 5;

Kull Knisja lokali trid tagħraf twassal il-Kelma u  tagħtiha sens fi sfond partikulari u speċifiku – 6;

Għax il-bniedem hu xbieha ta’ Alla, ix-xandir tal-Kelma jsir minn kull persuna ta’ rieda tajba li tagħmel ħilitha biex, fid-dawl u fuq l-eżempju ta’ Kristu, twassal messaġġ ta’ apprezzament u tama f’dak kollu li hu tassew uman – 7;

Il-Knisja bħala l-għaqda ta’ dawk li jemmnu, għandha dmir li xxandar l-Aħbar it-Tajba. Ix-xandir tal-kelma għandu l-għan li jwassal lill-individwi u lis-soċjetà biex jaċċettaw lil Kristu f’ħajjithom u jħallu l-Evanġelju jagħġnilhom ħajjithom – 8;

L-insara jkomplu l-ħidma tax-xandir tal-Kelma kull meta, bil-ħidma siekta tagħhom, jagħmlu dmirhom fis-soċjetà b’impenn u tama f’ġejjieni aħjar minn dak tal-lum – 8;

Ix-xandir tal-Kelma għandu l-ħsieb li jibni  komunità ta’ fidi- 10;

Dan ix-xandir kien imqassam b’mod li jilħaq diversi gruppi ta’ nies iżda llum hemm bżonn ta’ segmentazzjonijiet ġodda – 11;

Ix-xandir tal-Kelma irid isir b’mod ġdid biex l-adolexxenti u ż-żgħażagħ jintebħu li l-għażla tal-fidi hija don mogħti lilna biex Alla jkun preżenti f’ħajjitna u fir-rabtiet tagħna flimkien – 15;

Fejn m’hemmx sens qawwi ta’ komunità huwa diffiċli ferm, jekk mhux impossibbli, li ssir ħidma ta’ evanġelizzazzjoni jew katekeżi – 15;

Dwar l-omelija, jidher li hemm żewġ problemi: il-kontenut u l-mod kif jitwassal il-kontenut – 17;

Il-Knisja, permezz ta’ volontarjat, organizzat u xandret il-Kelma f’ħidma favur il-bniedem u wriet it-triq lejn bżonnijiet ġodda fil-ħajja ta’ pajjiżna – 25;

Diġa kellna numru ta’ kappillani li ddeċidew li jbiddlu t-tberik fi żjajjar lill-familji mifruxin matul is-sena. Tajjeb li aktar kappillani jieħdu din l-opportunità biex jisimgħu l-merħla afdata lilhom u  jħeġġu l-fidi tagħha – 42;

Jinħolqu għodod pastorali għat-tħejjija u għaċ-ċelebrazzjoni ta’ kull sagrament – 42;

Titkompla l-ħidma għat-tiġdid tal-festi titulari biex il-Poplu ta’ Alla jkollu fidi aktar matura u ħajja – 42;

Meta l-ħidma għall-iżvilupp tal-bniedem sħiħ issir b’xhieda għal dak li nemmnu, din ukoll tista’ tkun l-ewwel pass tal-evanġelizzazzjoni – 46.

 

Liturġija u Sagramenti

Ir-realtà tal-lum titlob b’urġenza akbar li l-parroċċi jkunu tassew strumenti ta’ ri-evanġelizzazzjoni biex iħabbru l-Evanġelju ta’ Kristu lil dawk l-imgħammdin li ma jipprattikawx il-ħajja nisranija, u hekk jinġibdu ħalli jgħixuha b’impenn fil-ħajja personali, familjari u komunitarja – 31;

Il-mentalità u l-ħidma proposta f’dan id-dokument huma parti mill-evanġelizzazzjoni ġdida – 55.

 

Djakonija u Ġustizzja

Il-ħidma favur il-ġustizzja hija parti essenzjali tat-tixrid tal-Evanġelju – 4;

Il-messaġġ soċjali tal-Evanġelju mhux xi teorija imma pedament u motiv ta’ ħidma – 4;

Hemm rabta bejn l-Evanġelju u l-promozzjoni umana – 13;

Għal Ġesù, il-fejqan u l-għajnuna huma parti integrali mit-tħabbir tal-Bxara t-tajba, tal-evanġelizzazzjoni – 23;

Id-djakonija hija evanġelizzazzjoni mmirata li tilħaq lil kulħadd – 23;

 L-ebda evanġelizzazzjoni ma tista’ tħalli barra lil dawk li huma fil-bżonn – 33.

 

Żwieġ u Familja

Il-familja nisranija għandha l-missjoni li tkun mhux biss oġġett imma ssir hi stess suġġett ta’ evanġelizzazzjoni, lesta li tferra’ l-inbid bnin tal-valuri nsara, tkun fejn tkun fis-soċjetà – 10;

Aktar żjarat fil-familji biex is-saċerdoti u l-operaturi pastorali juru l-interess tal-Knisja fihom – 44;

Il-koppji membri tal-Gruppi tal-Familji ma jkunux biss dawk li jirċievu l-evanġelizzazzjoni imma ukoll dawk li jwassluha. Dan jagħmluh kemm fil-ħajja fil-familja tagħhom, kemm bix-xhieda li jagħtu f’ħajjithom kull fejn ikunu, kif ukoll bix-xandir tal-Evanġelju fost koppji oħrajn – 52

 

Adolexxenti u Żgħażagħ 

Il-Knisja takkompanja liż-żgħażagħ fil-mixja ta’ żvilupp u ta’ maturazzjoni fil-fidi. Din il-mixja trid twassal liż-żgħażagħ stess biex jagħrfu s-sejħa tagħhom u jkollhom sehem sħiħ fl-evanġelizzazzjoni fl-ambjenti tagħhom – 5;

Il-pastorali maż-żgħażagħ ma tkunx sħiħa jekk ma twassalx liż-żgħażagħ biex ikunu mhux biss dixxipli iżda evanġelizzaturi fil-ħajja ta’ kuljum – 13;

Il-missjoni tal-Knisja hi li tgħin l-Ispirtu ta’ Kristu jidħol f’kull qasam u settur tas-soċjetà. Meta wieħed jindirizza temi li huma għal qalb iż-żgħażagħ, bħall-isport, l-ambjent u l-ġustizzja soċjali, wieħed ikun jista’ joffri wkoll il-valuri tal-Evanġelju – 25.