Silta mill-Omelija tal-Papa Pawlu VI fil-quddiesa tal-għeluq tal-Konċilju. 8 ta' Diċembru 1965

"... Minn hawn u ftit ieħor, fi tmiem dil-Quddiesa, se tisimgħu xi messaġġi li l-Konċilju Ekumeniku, fi tmiem il-ħidma tiegħu, se jagħti lil kategoriji diffenti ta' persuni, bl-għan li bihom nieħdu in kunsiderazzjoni l-għamliet bla għadd li bihom tesprimi ruħha l-ħajja umana; u tisimgħu ukoll il-qari tad-Digriet uffiċjali Tagħna, li bih niddikjaraw l-għeluq tal-Konċilju Vatikan II. Għalhekk dan hu l-waqt - waqt qasir - tat-tislim. Wara, leħinna jiskot. il-Konċilju ntemm għal kollox; din il-laqgħa kbira u straordinarja xxolji. ..."

Ara l-omelija kollha tal-Papa Pawlu VI ...

Il-Messaġġi tal-Papa Pawlu VI kienu ndirizzati lil dawn il-kategoriji ta' persuni ...

Lill-Padri Konċiljari.

Lill-Governanti,

Lill-Ħassieba u n-Nies tax-Xjenza.

Lill-Artisti.

Lin-Nisa.

Lill-Ħaddiema.

Lill-Foqra, lill-Morda u lil kull min qiegħed ibati.

Liż-Żgħażagħ.

 


GĦELUQ TAL-KONĊILJU VATIKAN II

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAWLU VI

LILL-PADRI KONĊILJARI

Venerabbli ħuti,

1. Wasal il-ħin li titilqu u tinferxu.  Minn hawn u ftit ieħor intom se tħallu din l-assemblea konċiljari biex tmorru tiltaqgħu mal-umanità u twaslulha l-Bxara t-Tajba tal-Evanġelju ta’ Kristu u tat-tiġdid tal-Knisja tiegħu li ilna naħdmu dwarhom erba’ snin.

2. Dan hu mument uniku; mument ta’ tifsir u għana bla qies!  F’dil-laqgħa universali, f’dal-waqt privileġġjat taż-żmien u l-ispazju, jitwaħħdu flimkien fl-istess ħin, l-imgħoddi, il-preżent, il-ġejjieni.  L-imgħoddi: għax hawnhekk hawn miġbura l-Knisja ta’ Kristu, bit-tradizzjoni tagħha, bl-istorja tagħha, bil-Konċilji tagħha, bid-Dutturi tagħha, bil-qaddisin tagħha...  Il-preżent: għax aħna se ninfirdu biex immorru nimirħu fid-dinja tal-lum bil-miżerji tagħha, l-uġigħ tagħha, dnubietha, imma wkoll bil-kisbiet prodiġjużi tagħha, il-valuri tagħha, il-virtuwjiet tagħha...  Il-ġejjieni, fl-aħħar, jinsab hemm, fl-appell urġenti tal-popli għal ġustizzja akbar, bir-reida tagħhom għall-paċi, bl-għatx tagħhom koxjenti jew le ta’ ħajja aħjar: dik li tista’ u trid ittihom il-Knisja ta’ Kristu.

3. Donnu li qiegħdin nisimgħu jidwu minn kull rokna tad-dinja, ħsejjes kbar u konfużi: il-mistoqsija ta’ kulmin iħares lejn il-Konċilju u jistaqsina b’ansjetà: m’għandkomx xi kelma x’tgħidulna?... lilna l-Governanti?.... lilna l-intellettwali, ħaddiema, artisti?... u lilna n-nisa? Lilna ż-żgħażagħ, lilna l-morda u foqra?

4. Dawn l-ilħna ħerqana ma jibqgħux mingħajr tweġiba.  Il-Konċilju ilu jaħdem erba’ snin għal dawn il-kategoriji umani kollha; kien għalihom li żviluppa dik il-“Kostituzzjoni dwar il-Knisja fid-Dinja tal-lum” li aħna niedejna lbieraħ fost l-entużjażmu taċ-ċapċip tal-miġemgħa tagħkom.

5. Mill-meditazzjoni fit-tul dwar Kristu u dwar i-Knisja, f’dal-ħin għandha tgelgel l-ewwel kelma ta’ tħabbir tal-paċi u salvazzjoni għall-kotra li qed tistenna.  Qabel ma jinħall, il-Konċilju jrid iwettaq dil-funzjoni profetika li dal-Konċilju għandu għad-dinja u jittraduċiha f’messaġġi qosra u b’lingwaġġ li jiftiehem bla diffikultà, “il-bxara t-tajba” lil kulħadd; u li wħud mill-fost l-interpreti l-aktar awtorevoli issa se jwasslu lill-umanità kollha kemm hi, f’isimkom.

8 ta’ Diċembru, 1965

Miġjub għall Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 


GĦELUQ TAL-KONĊILJU VATIKAN II

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAWLU VI

LILL-GOVERNANTI

1. F’dan il-waqt solenni, Aħna, il-Padri tal-XXI Konċilju Ekumeniku tal-Knisja Kattolika, fil-ħin li se ninfirdu minn ma’ xulxin wara erba’ snin ta’ talb u ħidma, konxji għall-aħħar mill-missjoni tagħna lejn l-umanità, induru bir-rispett u bil-fiduċja lejn dawk li għandhom f’idejhom id-destin tal-bnedmin f’din id-dinja, u lejn dawk kollha li għandhom xi setgħa temporali.

2. Nistqarruh b’leħen għoli: aħna nirrispettaw l-awtorità tagħkom u s-sovranità tagħkom; nirrispettaw ir-rwol tagħkom; aħna nagħtu għarfien lil-liġijiet ġusti; għanda stima lejn min jagħmilhom u lejn dawk li jqiegħduhom fis-seħħ.  Però għandna kelma sagrosanta x’ngħidulkom, u din hi: Alla biss huwa kbir, Alla biss hu l-bidu u t-tmiem.  Alla biss hu l-għajn tal-awtorità tagħkom u s-sies tal-liġijiet tagħkom.

3. Hu dmirkom li f’din l-art isseddqu l-ordni u l-paċi fost il-bnedmin.  Iżda tinsewx: huwa Alla, Alla ħaj u veru, li Hu Missier il-bnedmin.  U huwa Kristu Ibnu etern, li ġie biex iħabbarulna u biex jgħallimna li aħna lkoll aħwa.  Huwa biss hu l-awtur tal-ordni u tal-paċi fuq din l-art, għaliex huwa Hu li jmexxi l-istorja umana u huwa Hu biss li jista’ jikkonvinċi l-qlub biex jiċħdu l-passjonijiet perversi li jiġġeneraw il-gwerra u l-uġigħ.  Huwa Hu li jbierek il-ħobż tal-umanità, li jqaddes hidmitha, tbatijietha, li jtiha l-ferħ li intom ma tistgħux ittuha, u jfarraġha fin-niket li intom ma tistgħux ittaffu.

4. Fil-belt tad-dinja u temporali tagħkom Hu jibni misterjożament il-belt spiritwali u eterna tiegħu, il-Knisja tiegħu.  U x’qed titlob minnkom din il-Knisja wara kważi elfejn sena ta’ taqlib ta’ kull xorta fir-relazzjonijiet tagħha magħkom, Setgħat tad-dinja; x’titlob illum?  Qalhulkom dal-Konċilju f’wieħed mit-testi ewlenin tiegħu: ma titlob minnkom xejn aktar ħlief il-libertà.  Il-liberta li temmen u tipprietka l-fidi tagħha, il-liberta li tħobb lil alla tagħha u taqdih, il-libertà li tgħix u li twassal lill-bnedmin il-messaġġ tagħha tal-ħajja.  Tibżgħux minha: hi xbieha tal-Imgħallem tagħha li l-imġieba misterjuza tiegħu ma ddgħajjifx il-prvileġġi tagħkom imma tfejjaq lill-bniedem mix-xejn tiegħu, tittrasfigurah, timlih bit-tama, bil-verità u bil-ġmiel.

5. Ħallu lil Kristu jħaddem din l-azzjoni ta’ tisfija fis-soċjetà!  Issalbuhx mill-ġdid: ikun sagrileġġ, għax Hu Iben Alla; ikun suwiċidju, għax Hu Bin il-bniedem.  U lilna, aħna l-ministri umli tiegħu, ħalluna nxerrdu ma kullimkien bla tfixkil “il-bxara t-tajba” tal-Evanġelju tal-paċi, li mmeditajna dwaru tul dal-Konċilju.  Il-popli tagħkom ikunu huma l-ewwel li jgawdu għax il-Knisja tifforma ċittadini leali għalikom, ħbieb tal-paċi soċjali u tal-progress.

6. F’dan il-jum solenni li fih qed ittemm l-assemblea tal-XXI Konċilju Ekumeniku tagħha, b’leħinha l-Knisja qed toffrilkom il-ħbiberija tagħha, is-servizzi tagħha, l-enerġiji spiritwali u morali tagħha.  Hi toffri lilkom ilkoll il-messaġġ tagħha ta’ tislim u ta’ barka.  Ilqugħ kif qed toffrihulkom, b’qalb hienja u sinċiera u wassluh lill-popli tagħkom kollha!

8 ta’ Diċembru, 1965

Miġjub għall Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 


GĦELUQ TAL-KONĊILJU VATIKAN II

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAWLU VI

LILL-ĦASSIEBA U N-NIES TAX-XJENZA

1. Tislima speċjali għal kollox lilkom, riċerkaturi tal-verità, ħassieba u nies tax-xjenza, li tesploraw ‘il-bniedem, l-univers u l-istorja, lilkom ilkoll, pellegrini f’mixja lejn id-dawl, u anki dawk li waqfu jimxu għajjenin u diżappuntati minn tfittxija fiergħa.

2. Għalfejn tislima speċjali lilkom?  Għax kulmin hawn hawnhekk, Isqfijiet, Padri Konċiljari, ilkoll qed nisimgħu l-verità.  X’kien l-isforz tagħna tul dawn l-erba’ snin jekk mux tfittxija b’attenzjoni akbar u studju aktar profond tal-messaġġ tal-verità mogħti lill-Knisja, jekk mhux sforz biex ikollna doċilità aktar perfetta għall-Ispirtu tal-verità?

3. Aħna, allura, ma stajniex ma niltaqgħux magħkom.  Il-mixja tagħkom hi wkoll tagħna.  It-toroq tagħkom qatt m’huma għorba għal tagħna.  Aħna ħbieb tal-vokazzjoni tagħkom ta’ riċerkaturi, l-allejati tal-isforzi tagħkom, l-ammiraturi tal-kisbiet tagħkom u, jekk hemm bżonn, il-faraġ fil-qtigħ il-qalb tagħkom u l-fallimenti tagħkom.

4. Għalhekk aħna għandna messaġġ għalikom ukoll, u huwa dan: komplu fittxu bla ma thedew, bla ma qatt taqtgħu jieskom mill-verità!  Ftakru l-kliem ta’ wieħed mill-akbar ħbieb tagħkom, Santu Wistin: “Infittxu bix-xewqa li nsibu, u nsibu bix-xewqa li nibqgħu nfittxu”.  Hienja dawk li għax għandhom il-verità, ikomplu jfittxuha biex iġedduha, biex jidħlu aktar fil-fond tagħha, biex ituha lill-oħrajn.  Hienja dawk li minkejja li għandhom ma sabuhiex, mexjin lejha b’qalb sinċiera: jalla huma jfittxu d-dawl ta’ għada bid-dawl tal-lum sa ma jaslu għall-milja tad-dawl!

5. Iżda tinsewx: jekk il-ħsieb hu ħaġa kbira, qabel kollox il-ħsieb hu dmir; gwaj għal min jagħlaq għajnejh għad-dawl għax irid!  Il-ħsieb huwa wkoll responsabbiltà:  gwaj għal min idallam l-ispirtu b’elf ħaġa fiergħa li tiddemoralizzah, titlagħlu rasu, tingannah, tisfigurah!  Liema hu l-prinċipju bażiku tal-bnedmin tax-xjenza jekk mhux biex jagħmlu ħilithom ħalli l-ħsieb tagħhom ikun ġust?

6. Għaldaqstant, bla ma nfixklulkom passikom, bla ma ndallmu ħarsitkom, aħna rridu noffrulkom id-dawl tal-lampa misterjuża tagħna: il-fidi.  Din afdaha f’idejna l-Imgħallem, ir-re tal-ħsieb, dak li aħna dixxipli umli tiegħu, il-waħdeini li seta’ u kellu dritt jgħid: “Jien id-dawl tad-dinja, jien it-triq, il-verità u l-ħajja”.

7. Dil-kelma tolqot lilkom.  Forsi, għall-grazzja t’Alla qatt ma dehret ċara daqs illum il-possibbiltà ta’ ftehim profond bejn ix-xjenza u l-fidi vera, il-waħda u l-oħra għas-servizz tal-verità waħdanija.  Tagħmlulhiex ostakli lil dil-laqgħa!  Ħa jkollkom fiduċja fil-fidi, dil-ħabiba kbira tal-intelliġenza!  Iċċaraw ħsibijietkom fid-dawl tagħha biex takkwistaw il-verità, il-verità kollha!  Dan hu l-awgurju, l-inkoraġġiment, it-tama li qed jesprimulkom qabel ma jinfirdu, il-Missirijiet tad-dinja kollha miġburin f’Konċilju f’Ruma.

8 ta’ Diċembru, 1965

Miġjub għall Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 


GĦELUQ TAL-KONĊILJU VATIKAN II

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAWLU VI

LILL-ARTISTI

1 Issa lilkom ilkoll, artisti nnamrati mal-ġmiel u li taħdmu għalih: poeti u kittieba, pitturi, skulturi, arkitetti, mużiċisti, nies tat-teatru u taċ-ċinema... Lilkom ilkoll il-Knisja tal-Konċilju tgħidilkom permezz tal-leħinna: jekk intom ħbieb tal-arti vera, intom ukoll ħbieb tagħna!

2 Il-Knisja ilha allejata tagħkom għal żmien twil.  Intom bnejtu u żejjintu t-tempji tagħha, iċċelebrajtu d-dommi tagħha, għanejtu l-liturġija.  Għintuha tittraduċi l-messaġġ divin tagħha f’lingwaġġ ta’ għamliet u figuri u għintu biex id-dinja li ma tidhirx tkun tista’ tinftiehem.

3 Illum bħall-bieraħ, il-Knisja għandha bżonnkom u ddur lejkom.  Tgħidilkom permezz tal-leħen tagħna: tħallux li din l-allejanza tant għammiela tinkiser!  Tiddejqux li t-talent tagħkom tqegħduh għas-servizz tal-verità divina.  Tagħlqux l-ispirtu tagħkom għall-fewġa tal-Ispirtu s-Santu!

4 Did-dinja li qed ngħixu fiha teħtieġ is-sbuħija biex ma togħdosx fid-disperazzjoni.  Is-sbuħija, bħalma hi l-verità, hi dak kollu li jnissel l-hena fi qlub il-bnedmin, hi dak il-frott prezzjuż li jiflaħ għax-xedd u l-kedd taż-żmien, li jgħaqqad il-ġenerazzjonijiet u jgħinhom jikkomunikaw bejniethom bl-ammirazzjoni.  U dan grazzi għal xogħol idejkom.....

5 Jalla dawn l-idejn ikunu safja u diżinteressati!  Ftakru li intkom l-għassiesa tal-ġmiel tad-dinja: dan għandu jkun biżżejjed biex ibegħedkom minn stili fiergħa u bla valuri, jeħliskom biex ma tfittxux espressjonijiet stravaganti jew immorali.

6 Kunu dejjem u kullimkien denji tal-ideal tagħkom, u tkunu denji wkoll tal-Knisja, li permezz ta’ leħinna, f’dal-jum, iddur lejkom bil-messaġġ tagħha ta’ ħbiberija, tislim, ringrazzjament u barka.

8 ta’ Diċembru, 1965

Miġjub għall Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 


GĦELUQ TAL-KONĊILJU VATIKAN II

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAWLU VI

LIN-NISA

1. U issa nduru lejkom nisa ta’ kull kundizzjoni, ulied, miżżewġin, ommijiet u romol; intom ukoll verġni konsagrati u xebbiet: intom tiffurmaw nofs il-familja kbira umana!

2. Il-Knisja tiftaħar, dan intom tafuh, li dejjem għolliet u tat il-libertà lill-mara; li tul il-mixja tas-sekli, bid-diversità tal-karatteristiċi, dejjem sostniet li sostanzjalment m’hemmx differenza bejn il-mara u r-raġel.

3. Imma tasal is-siegħa, u s-siegħa waslet, li fiha l-vokazzjoni tal-mara tilħaq il-milja tagħha, is-siegħa li fiha l-mara tikseb influwenza, pożizzjoni, setgħa li s’issa qatt ma kellha.

4. Huwa għalhekk, f’dan il-waqt li fih l-umanità qed iġġarrab trasformazzjoni tant profonda, li n-nisa mimlijin bl-ispirtu tal-Evanġelju jistgħu jgħinu bil-bosta sabiex l-umanità ma tiddeġenerax.

5. Intom in-nisa dejjem għandkom fikom it-talent tal-ħarsien tal-fuklar, l-imħabba tal-oriġini, is-sens tal-benniena.  Intom preżenti fil-misteru tal-bidu tal-ħajja.  Intom tfarrġu fil-firda tal-mewt.  It-teknika tagħna qed tirriskja li ssir diżumana.  Intom tirrikonċiljaw lill-bnedmin mal-ħajja.  U fuq kollox ishru, nitolbukom dan bil-ħerqa, fuq il-ġejjieni tal-ispeċi tagħna.  Żommu id ir-raġel li f’waqt ta’ ġenn jipprova jeqred iċ-ċiviltà umana.

6. Nisa miżżewġa, ommijiet tal-familja, l-ewwel edukaturi tal-ġeneru uman fis-satra tal-fuklar, għaddu lil uliedkom subjien u bniet it-tradizzjonijiet ta’ missirijietkom, intom u tħejjuhom għal ġejjieni li ħadd ma jaf x’fih.  Ftakru dejjem li permezz ta’ wliedha, omm tifforma parti minn dak il-ġejjieni li forsi hi qatt mhi se tarah.

7. U intom ukoll nisa mhux miżżewġa, kunu afu li tistgħtu twettqu l-vokazzjoni sħiħa tagħkom ta’ għotja.  Is-soċjetà qed issejħilkom minn kull naħa.  U l-istess familji ma jistgħux jgħixu mingħajr l-għajnuna ta’ dawk li m’għandhomx familja.

8. Intom fuq kollox, verġni konsagrati, f’dinja fejn l-egoiżmu u t-tfittxija tal-pjaċiri jridu jiddettaw kollox, kunu l-għassiesa tas-safa, tad-diżinteress, tal-ħniena.  Ġesù li lill-imħabba tal-miżżewġin taha l-milja kollha tiegħu, igglorifika wkoll iċ-ċaħda tal-imħabba umana meta tkun offruta lill-Imħabba infinita u għas-servizz ta’ kulħadd.

9. Nisa li għaddejjin mill-prova, intom li tixbħu lil Marija u tieqfu dritti taħt is-salib, intom li spiss ħafna tul l-istorja tajtu l-forza lill-bnedmin biex jibqgħu jissieltu sal-aħħar, biex ikunu xhieda sal-martirju, għinuhom għal darb’oħra biex isibu mill-ġdid il-kuraġġ tal-isfidi l-kbar, flimkien mal-paċenzja u s-sens tal-oriġini umli.

10. O, intom nisa li għandkom ħila li l-verità ttuha l-ħlewwa, tagħmluha tenera, aċċessibbli, impenjaw ruħkom biex l-ispirtu ta’ dal-Konċilju ddaħħluh fl-istituzzjonijiet, fl-iskejjel, fil-fuklari, fil-ħajja ta’ kuljum.

11. Nisa tal-univers kollu, insara jew li ma temmnux, li bħalissa għandkom f’idejkom il-ħajja f’dal-waqt gravi tal-istorja, imiss lilkom issalvaw il-paċi fid-dinja!

8 ta’ Diċembru, 1965

Miġjub għall Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 


GĦELUQ TAL-KONĊILJU VATIKAN II

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAWLU VI

LILL-ĦADDIEMA

1. Matul dal-Konċilju, aħna l-isqfijiet kattoliċi mill-ħames kontinenti, irriflettejna flimkien, fost ħafna argumenti oħra, dwar il-kwistjonijiet gravi li lill-kuxjenza umana jgħabbuha bil-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tad-dinja tal-lum, il-koeżistenza bejn in-nazzjonijiet, il-problema tal-armamenti tal-gwerra u tal-paċi.  U aħna konxji għall-aħħar mill-effett li s-soluzzjoni mogħtija għal dawn il-problemi jista’ jkollha fuq il-ħajja konkreta tal-ħaddiema rġiel u nisa tad-dinja kollha kemm hi.  Għalhekk fi tmiem dil-ħidma tagħna nixtiequ ngħaddu messaġġ ta’ fiduċja, ta’ paċi u ta’ ħbiberija lil kulħadd.

2. Għeżież uliedi, ibqgħu żguri li l-Knisja hi konxja mit-tbatijiet tagħkom, mit-taqbid tagħkom, mit-tamiet tagħkom; li hi tapprezza bil-kbir il-virtuwjiet li jinnobilitaw qlubkom: il-kuraġġ, id-dedikazzjoni, il-kuxjenza professjonali, l-imħabba lejn il-ġustizzja; tagħraf ukoll il-firxa kbira tas-servizzi bla qies li intom tagħtu lis-soċjetà kollha kemm hi, kull wieħed u waħda fil-post tiegħu/tagħha u kultant fl-imkejjen l-aktar imdallma u l-aktar disprezzati.  Il-Knisja dan tafhulkom u troddilkom ħajr permezz ta’ leħinna.

3. Tul dawn l-aħħar snin hi qatt ma hediet iżżomm f’moħħha l-problemi, li qed isiru dejjem aktar kumplikati, tad-dinja tax-xogħol.  U l-eku li qanqlu fostkom l-enċikliċi pontifiċji ta’ dan l-aħħar wera kemm il-qalb tal-ħaddiem ta’ żmienna taqbel ma dik tal-kapijiet spiritwali l-aktar għolja tagħha.

4. Dak li seddaq l-għana tal-patrimonju tal-Knisja b’messaġġi li ma bħalhom, il-Papa Ġwanni XXIII, għaraf isib it-triq lejn qlubkom.  Hu wera b’mod tal-għaġeb, bil-persuna tiegħu, l-imħabba tal-Knisja lejn il-ħaddiema, kif ukoll lejn il-verità, il-ġustizzja, il-libertà, il-karità li fuqhom hi mibnija l-paċi fid-dinja.

5. Aħna wkoll irridu nkunu xhieda quddiemkom ta’ din l-imħabba tal-Knisja lejn il-ħaddiema u ngħidulkom, bil-konvinzjoni kollha tagħna: il-Knisja hi ħabiba tagħkom.  Araw li jkollkom fiduċja fiha!  Xi nuqqas ta’ ftehim ta’ niket fl-imgħoddi, sfortunatament baqa’ feles bejnietna u kien  ta’ nuqqas ta’ fehim reċiproku għal żmien wisq twil; il-Knisja u l-klassi tal-ħaddiema sofrew minħabba dan it-tnejn li huma.  Issa qed iddoqq is-siegħa tar-rikonċiljazzjoni u l-Knisja tal-Konċilju tistedinkom biex tiċċelebrawha mingħajr għanijiet ulterjuri.

6. il-Knisja tfittex li dejjem tifhimkom aħjar.  Imma intom, min-naħa tagħkom għandkom tifhmu x’inhi l-Knisja għalikom il-ħaddiema, intom li intkom l-awturi tat-trasformazzjonijiet prodiġjużi magħrufin mid-dinja tal-lum: għax intom tafu sewwa li jekk ma jkunux imqanqla minn fewġa spiritwali qawwija huma jkun l-irvina tal-umanità minflok il-kawża tal-hena tagħha.  Id-dinja ma ssalvax bil-mibgħeda! Mhux il-ħobż tad-dinja biss jaqta’ l-ġuħ tal-bniedem.

7. Għalhekk ilqgħu l-messaġġ tal-Knisja.  Ilqgħu l-fidi li qed toffrielkom biex iddawwal il-mixja tagħkom: hi l-fidi tas-suċċessur ta’ Pietru u tal-elfejn isqof miġburin fil-Konċilju, hi l-fidi tal-poplu nisrani kollu.  Jalla ddawwalkom hi!  Jalla tmexxikom!  Jalla tgħinkom tagħrfu lil Ġesù Kristu, il-kumpann tagħkom waqt ix-xogħol, l-Imgħallem, is-Salvatur tal-umanita kollha.

8 ta’ Diċembru, 1965

Miġjub għall Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 


GĦELUQ TAL-KONĊILJU VATIKAN II

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAWLU VI

LILL-FOQRA, LILL-MORDA U LIL KULL MIN QIEGĦED IBATI

 1. Għalikom ilkoll, ħuti mġarrbin li żaritkom it-tbatija b’ħafna uċuħ, il-Konċilju għandu messaġġ partikolarment speċjali.  Iħoss fissi fuqu għajnejkom ħerqana, ileqqu bid-deni jew qalbkom maqtugħa bl-għejja, ħarsa ta’ ħniena li tfittex bla temma l-għala tat-tbatija umana u ansjużi jistaqsu meta u mnejn ġejja l-konsolazzjoni.

2. Ħuti l-aktar għeżież, aħna nħossu jidwi fil-fond ta’ qalbna bħala missirijiet u rgħajja, it-tnehid tagħkom.  U l-weġgħa tagħna tiżdied mal-ħsieb li m’għandniex is-setgħa ntukom lura s-saħħa u lanqas li ntaffulkom l-uġigħ fiżiku li t-tobba, l-infermieri u li kulmin jiddedika ruħu għall-marda jagħmel ħilitu kollha biex itaffielkom mill-aħjar li jista’.

3. Iżda għandna xi ħaġa aktar profonda u aktar prezzjuża x’intukom: il-verità waħdanija li twieġeb għall-misteru tat-tbatija u li taħjikom bla ebda illużjoni: il-fidi u l-għaqda mal-Bniedem tal-uġigħ, ma’ Kristu, Iben Alla, mdendel fuq salib għal dnubietna u għas-salvazzjoni tagħna.

4. Kristu ma neħħiex it-tbatija; u lanqas ried jikxiflna l-misteru tagħha għal kollox: ħadha fuqu u dan biżżejjed biex aħna nifhmu l-valur sħiħ tagħha.

5. Intom ilkoll li tħossu fuqkom il-piż tat-toqol tas-salib, intom li intom fqar u abbandunati, intom li tibku, intom ippersegwitati minħabba l-ġustizzja, intom li ħadd ma jitkellem dwarkom, intom li t-tbatija tagħkom mhix magħrufa, agħmlu kuraġġ: intom preferuti fis-saltna t’Alla, is-saltna tat-tama, tal-hena u tal-ħajja; intom aħwa ta’ Kristu li jbati; u miegħu, jekk tridu, issalvaw id-dinja!

6. Dan hu l-għarfien kristjan tat-tbatija, l-uniku li jnissel il-paċi.  Kunu afu li m’intkomx waħedkom, lanqas mifrudin, lanqas abbandunati, u lanqas intom inutli:  intom imsejħin minn Kristu, intom ix-xbieha ħajja u trasparenti tiegħu.  F’ismu l-Konċilju jsellmilkom bl-imħabba, iroddilkom ħajr, jiżgurakom mill-ħbiberija u l-għajnuna tal-Knisja u jberikkom.

8 ta’ Diċembru, 1965

Miġjub għall Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 


GĦELUQ TAL-KONĊILJU VATIKAN II

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAWLU VI

LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ 

U lilkom żgħażagħ tad-dinja kollha, il-Konċilju jrid itikom l-aħħar messaġġ tiegħu.  Għaliex intom tirtu l-fjakkola minn idejn missierijietkom u se tkunu tgħixu fid-dinja fiż-żmien tat-trasformazzjonijiet ġganteski tal-istorja tagħha.  Intom, li tixorbu l-aħjar mill-eżempju u t-tagħlim tal-ġenituri tagħkom u tal-għaliema tagħkom, se tiffurmaw is-soċjetà ta’ għada: intom se ssalvaw jew se tgħerqu magħha.

Tul erba’ snin, il-Knisja ħadmet biex wiċċha jsir aktar żgħażugħ, biex ikun jaqbel aħjar mal-pjan tal-fundatur tagħha, il-kbir Ħaj, Kristu żgħażugħ ta’ dejjem.  U fi tmiem din “ir-reviżjoni imponenti ta’ ħajjitha” hi ddur lejkom: kien għalikom, speċjalment għalikom iż-żgħażagħ, li bil-Konċilju tagħha xegħelt dawl, dak li jdawwal il-ġejjieni, il-ġejjieni tagħkom.

Il-Knisja tixtieq li s-soċjetà li intom se tibnu tkun tirrispetta d-dinjità, il-libertà, id-drittijiet tal-persuni: u dawn il-persuni huma intom.

Hi ansjuża biex f’din is-soċjetà ġdida tifrex aktar it-teżori tagħha dejjem antiki u dejjem ġodda: il-fidi li minnha qlubkom jistgħu jixorbu ħielsa miċ-ċarezza li taħji.  Il-Knisja għandha fiduċja li fiha intom issibu tant qawwa u tant ferħ, li ma taqgħux għat-tentazzjoni, kif għamlu wħud minn dawk ta’ qabilkom, li tinħakmu mill-filosofiji tal-egoiżmu u tal-pjaċiri, jew mid-disperazzjoni u n-nikiliżmu; u li quddiem l-ateiżmu, fenomenu li jgħejja u jxejjaħ, intom ikollkom ħila taffermaw il-fidi tagħkom fil-ħajja u f’dak kollu li jagħti sens lill-ħajja: iċ-ċertezza tal-eżistenza t’Alla ġust u twajjeb.

Huwa f’isem dan Alla u ta’ Ibnu Ġesù li aħna nħeġġukom biex tiftħu qlubkom skont id-daqs tad-dinja, biex tisimgħu l-għajta ta’ ħutkom u biex bil-kuraġġ, l-enerġiji żgħażagħ tagħkom ikunu ta’ servizz għalihom.  Tqabdu kontra kull egoiżmu.  Tħallux lill-istinti tal-vjolenza u tal-mibgħeda jiġru bikom, istinti li jiġġeneraw il-gwerer u l-purċissjoni ta’ niket u miżerja li jħallu wrajhom.  Kunu: ġenerużi, safja, rispettużi, sinċieri.  U bl-entużjażmu ibnu dinja aħjar minn dik t’issa!

Il-Knisja tħares lejkom bil-fiduċja u l-imħabba.  Għanja bl-imgħoddi li dejjem għadu ħaj u miexja lejn il-perfezzjoni umana fiż-żmien, u lejn id-destini aħħarija tal-istorja u tal-ħajja, hija hi l-vera żgħożija tad-dinja.  Hi għandha dak li jagħti l-qawwa u l-ġmiel liż-żgħażagħ: il-ħila li tifraħ b’dak li se jibda, li tingħata bla ma tistenna xejn lura, li tiġġedded u li terġa’ tibda biex tikseb il-ġdid.  Ħarsu lejha u fiha ssibu l-wiċċ ta’ Kristu, il-veru eroj, umli u għaref, il-profeta tal-verità u tal-imħabba, il-kumpann u l-ħabib taż-żgħażagħ.  U appuntu f’isem Kristu li aħna nsellmulkom, ninkoraġġukom, inberkukom.

8 ta’ Diċembru, 1965

Miġjub għall Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

 

 

...