Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 30 ta’ Marzu, 1977

 

L-Għerf tas-Salib

 

Għal darb’oħra, mal-mixja taż-żmien, riesaq l-Għid.  Dan iġib miegħu ġudizzju doppju: l-ewwel hu li d-dinja, mistiedna tkun spettatur tal-Passjoni ta’ Ġesù, li warajha wasal il-qawmien, se tagħti lill-protagonista tad-dramm messjaniku, jiġifieri Ġesù nnifsu: min hu, min kien dak il-persunaġġ li f’mument deċisiv tal-proċess il-prokuratur ruman, Pilatu, jippreżentah lill-folla li kienet toħnoq il-Pretorju, f’dehra ta’ qsim il-qalb u kommoventi u jgħid il-kliem fatidiku: “Hekkhu l-bniedem” (Ġw 19,5).   U l-bniedem kien Ġesù, ġej dritt mill-flaġellazzjoni, imżeblaħ krudelment, Dak li kien stqarr lilu nnifsu Sultan tal-Lhud, b’kuruna tax-xewk u mlibbes b’mantar aħmar.

Pilatu ried imiss qalb il-poplu u b’leħen għoli jgħid” “Hekkhu, ġibtulkom hawn sabiex tkunu tafu li jien ma nsib ebda ħtija fih”.  Intom tafu kif il-qassisin il-kbar u l-għassiesa laqgħu dik id-dehra: “sallbu, sallbu!”  U din, wara talba mill-ġdid waqt il-proċess imqanqal, kellha tkun ix-xorti li misset lil Ġesù: is-salib.

Din hi d-dinja li titkexkex quddiem il-vittma, li d-destin tagħha issa hi l-agunija infami tas-salib.

Dak is-salib li Hu kien ħabbru minn qabel u żied kumment dwar ġudizzju l-ieħor, dak li l-kundannat kellu jagħti lid-dinja li qed tikkuntempla l-att tat-tislib tiegħu: “meta nkun merfugħ mill-art (b’riferiment għall-mod kif kellu jmut) niġbed lil kulħadd lejja” (ibid. 12, 32).  Id-dinja tinġibed, tħossha affaxxinata mill-Mislub divin.  Minnu joħroġ seħer misterjuz li jiġbed lejh l-umanità kollha li temmen.  Madwar is-Salib ta’ Kristu jinġabru bnedmin ġodda: qal dan San Pawl li f’dil-konverġenza paradossali lejn Kristu mislub jara s-sinjal karatteristiku tar-reliġjon ġdida u vera: “Meta, ħuti, ġejt fostkom,..... jien stqarrejt li ma kont naf xejn aktar ħlief lil Ġesù Kristu, u lil dan imsallab” (1 Kor 2,2; Gal 6,14).

Issa, hemm bżonn nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq dan l-aspett tal-ħajja reliġjuża u nisranija tagħna, li l-fus tagħha jdur fuq is-salib ta’ Kristu, speċjalment fit-tifkira, anzi, għalina tiġdid paskwali: kif qatt l-għerf tas-Salib (kif sejħulu l-Qaddisin) għandu tant qawwa li jitfa’ fuq il-mewt, - u liema mewt! -, ta’ Kristu, il-qofol riżoluttiv tad-duttrina tiegħu u tal-missjoni tiegħu, tant li jobbliga lil kulmin irid jimxi warajh jagħrafha u jgħixha?  Kif qatt dramm ta’ mewt jista’ jsir fih innifsu u għalina misteru tal-ħajja?

Imberkin aħna jekk insibu ċ-ċavetta biex nidħlu f’dis-saltna tal-ekonomija nisranija, jiġifieri fil-pjan tas-salvazzjoni tagħna, fir-rivelazzjoni tal-imħabba ta’ Alla lejna: “Alla tant ħabb lill-bniedem li ta lil Ibnu l-waħdieni sabiex kull min jemmen fih ma jmutx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,16).  U ta’ dan il-pjan sovran ta’ Mħabba, b’riferiment għal Kristu stess, din hi l-konferma: “U ħabbni u ta’ lilu nnifsu għalija (Ġal 2,20; Rum 8,37).

Hawn hu kollox u issa aħna ma ser inżidu xejn aktar.  Dan biżżejjed biex nibqgħu ggranfati mal-misteru tas-Salib fih innifsu, u biex inġarrbu x-xorti tal-Imħabba lejn kull wieħed u waħda minna: kif għandna nwieġbu għal din l-imħabba? Jalla diċ-ċelebrazzjoni tal-Għid tgħallimna kif u ttina l-enerġija biex nagħtu tweġiba xierqa: “X’jista’ jifridna mill-imħabba ta’ Kristu?” (Rum 8,35).

Hekk ikun: bil-Barka Appostolika tagħna

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....