Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

 

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 29 ta' Marzu, 1978

 

Inħossuna Knisja

 

Saħħa lilkom ħuti u wliedi għeżież!

Fil-qalb tagħna u żgur f'qalbkom ukoll hemm ix-xewqa li niskopru u niċċelebraw ir-rabta li tgħaqqadna, li aktar milli ħbieb tagħmilna membri ta' poplu uniku u ġdid, li fih kull wieħed u waħda minna jkun dak li hu kif għamlitu n-natura, bl-etnija u n-nazzjonalità tiegħu, skont il-formazzjoni ċivili, skont il-lingwa u l-interessi u bl-attivtà personali u partikolari tiegħu/tagħha.  Iżda kulħadd għandu s-sejħa għall-istess dinjità, kulħadd jaspira għal soċjetà aħjar, spiritwali u reali, li bla ma tifxlu, tiggratifikah b'ċittadinanza umano-divina.  Kulħadd għandu jkun dak li hu, f'komunjoni li ma titfissirx bil-kliem, flimkien ma' kulmin iħaddan l-istess fidi u jirċievi bl-istess don divin il-grazzja, li kollha f'daqqa niffurmaw għaqda waħda meraviljuża li nsejħulha "Knisja", il-Knisja waħda u kattolika.

Saħħa lilkom, ħuti u wliedi ta' dil-familja reliġjuża li twieldet nhar il-Pentekoste, magħmula minn popli mill-aktar diversi (kif naraw fir-rakkont ċelebri tal-Atti tal-Appostli 2, 7-12), fejn kulmin kien preżenti minkejja l-oriġini u l-formazzjoni kienu l-ewwel nies li stagħġbu meta semgħu lingwaġġ komuni mifhum minn kulħadd.  Hekk hi l-Knisja, li Santu Wistin jiddeskriviha bħala l-Poplu fidil mifrux madwar id-dinja kollha (cfr. Santu Wistin, Enarr. in Ps 149; Cath. Rom., De nono art., 2).

U kemm hu sabih, kemm hu ħafif iġġarrab li f'laqgħa bħal din, bħal dwal jilmaw, dak li nistgħu ngħidu "li jidher" fil-Knisja, jiġifieri l-aspetti esterjuri tal-eżistenza misterjuża tagħha, joħorġu għad-dawl għal min l-għajn tal-ispirtu tiegħu hi attenta.  Min hu dak li ma jħossx l-oriġini essenzjali tal-Knisja li aħna nagħmlu parti minnha, bħala appostolika?  Il-fundaturi tagħna huma l-appostli, ix-xhieda tal-pjan divin li waqqaf il-Knisja, il-Knisja appostolika tagħna, li ma taf l-oriġini tagħha u għala teżisti lil ebda sors ieħor.  U la hi magħrufa hekk, l-appostoliċità li, kif nafu sewwa, tiġġustifika  lil kull wieħed u waħdha minna, fl-istess waqt ma ġġagħalniex inħossu emozzjoni li terfgħana meta nifhmu li aħna niffurmaw parti mill-veru Knisja waħda fil-fidi, fl-essenza tal-Ispirtu, fl-għaqda tagħha ma' Alla, u kattolika fil-ġisem tagħha, jiġifieri universali? (Cfr. JOURNET, L’Eglise, II, p. 1193).  U hekk, allura, minn dil-Knisja waħda u kattolika toħroġ ir-raba' nota ta' importanza għad-doni divini tagħha, li tagħhom hi depożitarja u dispensatriċi, u l-għanijiet li jmexxu l-ġrajja kumplessa tagħha, jiġifieri l-qdusija, li hi l-kuruna mwiegħda, dik il-Knisja tal-Qaddisin tant mixtieqa daqskemm hi esposta għad-dgħufija umana. (Cfr. Ibid. pp. 924-934).

Aħna ma nsibux faraġ spiritwali kbir għall-ħsieb u l-għarfien li nagħmlu parti minn dil-Knisja tagħna, waħda, qaddisa, kattolika u appostolika?  Forsi aħna m'għandniex niżżu ħajr lill-Mulej li tana x-xorti li b'hekk inkunu wlied ta' tant ħlewwa u tjubija? (Cfr. Tit. 3, 4).  U aħna ma nħossux xewqa mill-aktar ħajja u li forsi tniġġiżna wkoll, li fir-realtà morali tagħna nkunu leali lejn id-dmirijiet tal-vokazzjoni kattolika tagħna?  U fl-aħħar, aħna ma nkunux nistgħu nħobbu aħjar lil ħutna mifrudin minna, bil-wegħda u bit-tama li nkunu nistgħu nerġgħu niġbruhom magħna fil-milja tal-verità u tal-grazzja?

Bil-Barka Appostolika tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

  

Minn Papiet oħra ....