Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 28 ta’ Ġunju, 1978 

 

Il-qabar ta’ Pietru

 

Illum, vġili tal-festa ta’ San Pietru impossibbli li ma ndawrux il-ħsieb devot u mqanqal tagħna lejn l-Appostlu Pietru, li għall-glorja tiegħu hi dedikata dil-Bażilika monumentali, li aħna ninsabu fid-dell tagħha.  Is-solennità ta’ monument bħal dan, il-binjiet tal-Vatikan u tal-post fejn joqgħod il-Papa u tal-uffiċċji ċentrali tas-Santa Sede kollha jippuntaw lejn il-qabar ta’ San Pietru; l-għana tal-arti u tal-memorji, li lill-dawn  il-binjiet tagħmilhom ċelebri; u r-relikwiji tal-San Pietru nnifsu li issa ġew mikxufin u mogħtijin lill-istorja, jiksu dan il-post b’interess, reliġjożità u sagralità tant li lil min iżurhom b’kurżità u aktar u aktar lill-pellegrin koxjenti u devot tistiednu biex jieqaf imqar għal ftit u biex imqar superfiċjalment jikkontempla mill-aħjar li jista’ s-sigriet misterjuz ta’ dal-post, li jferrex id-dawl tiegħu b’faxxinu li ma jitkejjilx, mhux biss fuq it-topografija tal-Belt Eterna imma wkoll madwar id-dinja storika u ċivili, speċjalment dik immarkata bil-kariżma nisrani.

Nippruvaw naraw xi raġunijiet għala hu daqstant ta’ ġibda.  L-ewwel raġuni, li ħadd qatt ma jista’ jmeriha, ladarba sa fl-aħħar dan il-mistieden intelliġenti jkollu jaċċetta l-provi tal-istudju bl-akbar reqqa u l-konklużjonijiet l-aktar reċenti tat-testijiet arkeoloġiċi dwar il-qabar tal-Appostlu Pietru, hija dik storika.  Iva, għandna l-prova storika mhux biss dwar il-qabar iżda wkoll dwar il-fdalijiet mortali tant meqjuma.  Pietru jinsab hawn, fejn sa fl-aħħar urietna l-analiżi dokumentarja, arkeoloġika,  ta’ ħjiel u loġika.

B’hekk aħna nħossu l-faraġ tal-kuntatt dirett mal-għajn tat-tradizzjoni appostolika rumana l-aktar awtorevoli, dik li qed tiżgurana mill-preżenza fiżika tal-Kap tal-Kulleġġ tal-ewwel dixxipli ta’ Ġesù Kristu f’Ruma u tal-miġja tal-Knisja li kienet qed titwieled, minn Ġerusalemm u minn Antjokja lejn il-belt ewlenija tal-Imperu Ruman, qiesha wirtet u ħadet post l-idea tal-għaqda ċivili u politika ma’ dik li hi propja tar-reliġjon nisranija, universali u dejjiema, u saret il-kapitali spiritwali tad-dinja (cfr Dante Alighieri, La Divina Commedia, “Infern” II, vv. 22-24).  Hawnhekk nistgħu ngħidu li l-kuntatt isir fiżiku u jiġbed l-attenzjoni kollha tagħna fuq xi ħaġa partikolari, dik l-attenzjoni li għandha tingħata lill-imkejjen u aspetti li jiddefinixxu ġrajjiet ta’ importanza ġenerali u suprema; l-istorja ssir attwali u faċilment tintrabat max-xibka tal-fatti u tal-imkejjen li jkollhom relazzjoni ma’ dal-fuklar ċentrali, li bħal mera jirrifletti l-importanza tiegħu fuqhom.  Aħna mhux biss ninsabu fuq qabar ta’ importanza eċċezzjonali, imma, kif kienu jgħdu l-antiki, fuq trofew, monument li jfakkarna l-imgħoddi u jisfida l-ġejjieni, u li miċ-ċiklu tal-esperjenza sensibbli jixpruna l-ispirtu lejn l-isfera tad-dinja sopranaturali.

Uliedi u ħuti, bl-għajnuna t’Alla, inħallu l-pjetà reliġjuża tagħna tikseb xi esperjenza spirtiwali mis-saltna tas-sema, li tagħhom Kristu ta l-imfietaħ mistiċi lil-Appostlu, li għandna x-xorti li r-relikwiji umani tiegħu nistgħu nqimuhom fil-mawsolew imbierek, li l-fidi bniet tul is-sekli għall-glorja tagħhom u għad-devozzjoni ħerqana tagħna.  U b’umiltà oranti li terfgħana, hawn, fuq il-qabar tiegħu, fuq il-fdalijiet tiegħu, nitolbu lill-Missier Ċelesti li nibqgħu weqfin u sodi fil-fidi ta’ Pietru li hu l-blata tal-fidi tagħna.

Bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

  

Minn Papiet oħra ....