Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

Is-Sibt, 27 ta’ Lulju, 1963

 

Il-fidi ta' Pietru ttina ċ-ċertezza tad-divnità tal-Mulej

 

Hemm bżonn iduru lura għall-kliem li għidna l-ġimgħa l-oħra, f’okkażjoni oħra bħal din, u nawguraw il-paċi.  Kliemna, li aħna tennejna meta konna qed nagħtu l-barka tagħna waqt l-Angelus, kellhom eku anki akbar minn dak li stajna naħsbu, għax id-dinja kollha rathom bħala awgurju ta’ fatti li tul dil-ġimgħa rajniehom iseħħu b’ferħ.

U dawn il-fatti nsellmulhom bit-tama li jkunu verament sinċieri u hienja u jħejju t-triq għal aktar biex ikun hemm il-kwiet, l-ordni u l-paċi fid-dinja,

Għeżież uliedi li ġejtu minn inħawi differenti tal-Italja, tal-Ewropa u tad-dinja, insellmulkom ilkoll: pellegrini, viżitaturi, turisti,militari u studenti, saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa!  Aħna nilqgħu bil-ferħ iż-żjara tagħkom u nistqarrulkom l-għożża tagħna, nawguraw lilkom personalment, lill-għeżież tagħkom, lill-pajjiżi tagħkom u lill-istituzzjonijiet li intom tiffurmaw parti minnhom, grazzji bla qies mill-Mulej;  u aħna nakkumpanjaw dawn ix-xewqat tagħna flimkien mat-talb tagħna, u fl-aħħar tal-udjenza, bil-Barka tagħna wkoll.

Nitolbu lil Kristu l-Mulej don sepċjali għalikom biex jibqgħalkom bħala frott u tifkira ta’ din l-udjenza: fidi ħajja, sinċiera u profonda; il-fidi ta’ San Pietru hekk kif aħna miġburin fejn il-qabar tiegħu; dik il-fidi li ttina ċ-ċertezza tad-divnità tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu u tgħinna nilqgħu l-Evanġelju tiegħu bħala l-aħbar vera u sigura għas-salvazzjoni tagħna.

F’dal-ħin inġeddu l-att ta’ fidi tagħna, dawl u qawwa għall-ħajja nisranija tagħna, u jalla l-Barka Appostolika tagħna ttikom il-milja tal-konvinzjoni, tat-tama u tal-ferħ.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

   

Minn Papiet oħra ....