Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

l-Erbgħa, 27 ta’ April, 1977

 

Ix-xbieha tal-Irxoxt

 

Aħna għadna fi żmien l-Għid, li għalina, kif tafu, hu dominat mill-mewt fuq is-salib ta’ Ġesù Kristu u mill-qawmien prodiġjuz tiegħu.  Din il-ġrajja doppja, il-mewt u l-qawmien għall-ħajja tal-Mulej Ġesù, tiddomina d-dinja; toffrielna l-muftiħ biex nifhmu l-istorja ta’ qabel, dik tal-poplu għebrajk, jiġifieri t-testment l-Antik, u tfiħilna tieqa fuq id-destin tal-ġejjieni tal-umanità, it-testment il-Ġdid; hija l-ġrajja li fuqha tinbena r-reliġjon nisranija u l-Knisja; u tqiegħed il-figura ta’ Kristu fiċ-ċentru tad-destin uman.

Jiġifieri l-misteru paskwali huwa s-sintesi tal-fidi tagħna, u jiġbdilna l-attenzjoni għax hu punt ta’ konverġenza tal-fatti reliġjużi kollha li jolqtu l-imgħoddi, il-preżent u l-ġejjieni tal-umanità, is-sigriet tad-dinja u l-għala tal-eżistenza personali tagħna.  Uliedi għeżież dan għandna nkunu nafu u nimmeditaw: “Jien l-alfa u l-omega, jgħid il-Mulej Alla; Dak li hu, li kien u li għad irid ikun, Dak li jista’ kollox!” (Apok 1,8). Irridu nidraw naħsbu kollox fid-dawl ta’ “dan il-misteru reliġjuż, mysterium pietatis”; ħsiebna għandu  jkun polarizzat fuq il-fidi tagħna fi Kristu l-Mulej, kif kien jirrikmanda San Pawl lid-dixxiplu favorit, Timotju: “Hu deher fil-ġisem, kien iġġustifikat bl-Ispirtu, deher lill-anġli, ixxandar fost il-pagani, emmnuh fid-dinja, ittieħed fil-glorja” (1 Tim 3, 16).  Il-ħsieb ta’ San Pawl isir teoloġiku u jistimula l-ħsieb tagħna biex jerġa’ jdur lejn l-għajn narrattiva tiegħu, l-Evanġelju, u biex iġibilna quddiem għajnejna, li dejjem jeħtieġu xbihat li jidhru, bħalma offrielna l-Mulej meta ġie fid-dinja, mistoqsija sempliċi, la infantili u l-anqas inġenwa, imma mikluba għal realtà sperimentali: kif kien Ġesù?  Kieku kellna, anzi jekk ġurnata għad ikollna x-xorti li narawh, kif se jkun f’għajnejna?  Kif nistgħu nimmaġinawh?

Il-mistoqsija donna tidher delużjoni u tibqa’ bla tweġiba sodisfaċenti jekk niftakru li fid-dehriet ta’ Ġesù wara l-qawmien mill-mewt, Hu ma jurix mill-ewwel il-figura li tidher tiegħu.  Hekk ġara lill-Madalena ħdejn il-qabar (Ġw 20, 14); l-istess lid-dixxipli fit-triq ta’ Għemmaws (Luqa 24, 16); l-istess meta Hu jidher lid-dixxipli fiċ-Ċenaklu filgħaxija f’jum il-qawmien (Ġw 20, 20): jew meta fuq ix-xatt tal-għadira ta’ Tiberija Hu jiltaqa ma’ grupp ta’ dixxipli sajjieda, bla ma juri min hu għal kollox minnufih.  Ġesù għamel lilu nnifsu misterjuż anki f’dawn il-waqtiet sublimi ta’ meta reġa’ ħa s-sura umana li ma tintweriex lil kulħadd (Atti 10, 41).

Allura kif se nfasslu f’moħħna xbieha fidila tiegħu?  Quddiemna għandna problema, li mill-għalqa tas-sensi u l-fantasija ssir spiritwali: kif naraw, kif nimmaġinaw mill-ġdid lil Ġesù?  Xi qaddisin għandhom xorti speċjali ħafna rigward dan, kif tgħid Santa Tereża dwarha nfisha (cfr Santa Tereża, Vida);  imma l-oħrajn, il-fidili komuni?, aħna li lkoll kemm aħna obbligati, minkejja li f’forma u f’qies differenti, nagħtu xhieda ta’ Ġesù fl-Evanġelju u wkoll ta’ Ġesù ċelesti?

Tajjeb, aħna naħsbu li l-figura ta’ Ġesù, dik li tidher jew dik immaġiarja, għalina tista’ tkun possibbli b’xi mod, jekk naħsbu fiha bi spirtu ta’ ħila li tkun tidher fina, bħal Veronika tat-tradizzjoni fil-velu tal-ħniena, xi xbieha tiegħu imnissla minn sentiment ta’ lqugħ bil-fidi.  Niftakru dak li għaraf iċ-ċenturjun ruman, dak li kien mexxa t-tislib.  L-evanġelista San Mark jikteb: “...iċ-ċenturjun, li kien quddiem (il-Kurċifiss), meta rah imut b’dak il-mod stqarr: “verament dal-bniedem kien Bin Alla!” (Mark 15, 39).

U niftakru fl-ewwel ritratt ta’ Ġesù Kristu, ritratt biografiku aktar milli linejari, magħmul mix-xhieda ta’ San Pietru, bħala xhud kwalifilkat, meta kien qed ikellem lill-ewwel grupp ta’ pagani, dak taċ-ċenturjun Kornelju (suldat ruman ieħor, deskritt bħala “bniedem li jibża’ minn Alla”), li ssieħeb mal-fidi nisranija l-ġdida: “...Ġesù Kristu, ħabbar Pietru: Hu s-Sid ta’ kulħadd!...Ġesù ta’ Nażaret, li għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil kulħadd......” (Atti 10, 38).  Hekkhu, immaġni sovrumana, ta’ tjubija li m’hawnx bħalha!  Din hi x-xhieda appostolika!

Għandna naħsbu dwar Ġesù b’dal-mod: it-tjubija li tista’ kollox, bla tmiem, li ġiet qribna u saret aċċessibbli.  Hekk; bil-Barka Appostolika tagħna.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....