Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgha, 26 ta’ Lulju, 1978

 

Il-ħbiberija nisranija

 

Fost l-affarijiet sbieħ li jġibu magħhom il-vaganzi, speċjalment fiż-żgħożija, hemm il-laqgħa ma’ ħbieb ġodda.  Laqgħa li aħna nawguraw lil kulmin jilqa’ dan l-awgurju tagħna għall-vaganzi t-tajba u hienja fil-Mulej.

Min ma jafx, infatti, kemm huma numerużi f’dan iż-żmien, l-okkażjonijiet ta’ laqgħat bejn persuni li qabel ma kinux jafu lil xulxin jew li kienu stranġieri għal xulxin?  U, mill-ġdid, mhux minnu li llum il-ġurnata dil-possibbiltà żdiedet u saret kważi drawwa u komuni, bis-saħħa tal-mezzi tal-komunikazzjoni li lil dak li jkun jippermettulu jgħaddi minn post għal ieħor fi żmien qasir, u li joħroġ mill-konfini ristretti li tal-post minn fejn ġej?  Huma laqgħat li l-eku tagħhom wasal f’widnejna wkoll, anzi, għal bosta li hawn preżenti huma prova diretta ta’ dak li qed ngħid.

Tajjeb, b’hekk aħna ġejna mnebbħin bis-suġġett li se nitkellmu dwaru fejn jidħlu l-vaganzi, jiġifieri l-opportunità li dawn joffru għal dik ir-relazzjoni tant umana u tant spiritwali, li tissejjaħ “ħbiberija”.  Permezz tagħha jseħħu laqgħat ġodda; jintisġu konnessjonijiet ġodda, differenti minn dawk tal-iskola, tal-professjoni u tal-qraba.  U aħna tant għadna idealisti li naħsbu lil l-ħbiberija, fis-sens veru u sever tal-kelma, għadha possibbli, imma fl-istess ħin, tinsab f’qagħda tajba biex tiżviluppa b’mod hieni.

Imma x’inhi l-ħbiberija?  Dan hu suġġett li jista’ jkun meqjus minn bosta angoli, kif juri l-interess li bosta kittieba, sa mill-antikità, urew fih.  Nistgħu, per eżempju, infakkru l-famuż oratur ruman Ċiċerun, li ddedika trattat għall-ħbiberija.  Għalih, l-ewwel m’hu meħtieġ hu li l-ħbiberija ma tistax tingħata jekk mhux bejn nies twajba, u li hi stess “mhi xejn aktar ħlief ftehim perfett dwar dak kollu li hu divin u uman, imsejjes fuq ir-rieda tajba u l-imħabba” (cfr. M. T. CICERONIS Laelius, jew de amicitia, 5-6).  Flimkien ma’ dan l-eżempju ta’ għerf pagan, kif nistgħu madankollu ninsew l-għerf superjuri, li jirrigwarda u huwa immanenti fil-Kelma mnebbħa minn Alla?  Insemmu tal-anqas xi affermazzjonijiet imdawla ta’ Bin Sirak dwar kemm hu prezzjuż ħabib fidil (cfr Ekkl 6, 14-16).  Imbagħad irridu niftakru fil-“kmandament il-ġdid” ta’ Ġesù li jittrasforma  l-ħbiberija u jgħollieha għal-grad ta’ mħabba fraterna, għax timpenjana biex inħobbu lil xulxin bħalma ħabbna Hu (cfr Ġw 13, 34).  Hu lil lill-appostli tiegħu ma riedx isejħilhom qaddejja imma sejħilhom u riedhom bħala ħbieb tiegħu (cfr ibid 15, 15),  wasal biex ipporponielhom u xtaqilhom li jkunu ħaġa waħda, jiġifieri l-għaqda tal-ħajja: “Biex ikunu ħaġa waħda, kif int, Missier, fija u jiena fik” (ibid 17, 21).  Hawnhekk ninsabu verament fil-quċċata tal-għolja li umanament la nistgħu nimmaġinawha u lanqas nilħquha.  Hawnhekk, il-ħbiberija, li diġà xxejnet fl-imħabba, tfur b’identità mistika li titfassal fuq ir-relazzjoni trinitarja li ma nistgħux infissruha, bejn il-Missier u l-Iben, fl-Ispirtu.

U issa, qiesna niżlin lura minn dak il-għoli, nixtiequ ntemmu billi ngħidu li l-ħbiberija toħloq armonija ta’ sentimenti u gosti li jmoru ‘l hinn mill-imħabba tas-sensi, u minflok tibqa’ tissedddaq sa tilħaq gradi għolja tassew, anki sal-eroiżmu, id-dedikazzjoni tal-ħabib lejn ħabibu.

Aħna nemmnu li l-laqgħat, anki jekk b’kumbinazzjoni u għal ftit żmien huma okkażjoni biex il-qlub nobbli u retti jgawdu dir-relazzjoni umana u nisranija, li tissejjaħ ħbiberija.  Din tassumi u tiżviluppa l-ġenerożità u speċjalment il-possibbiltà ta’ sagrifiċċju reċiproku.

Tkun ħafifa, safja, qawwija l-ħbiberija jekk tkun imsejsa u tkun mitmugħa b’dik il-komunjoni ta’ mħabba tipika u sublimi li r-ruħ nisranija għandu jkollha ma’ Kristu Ġesù.  Jalla tibqa’ magħkom il-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub għall-Malri mit-Taljan minn Joe Huber

   

Minn Papiet oħra ....