Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

 

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 26 ta' April, 1978

 

Il-ħajja umana hija sagra

 

Wasal iż-żmien li fih aħna, aħna l-iskulari ta' Kristu, kemm imgħallmin, kemm dixxipli, jeħtieġ niftakru, u mhux biss niftakru iżda nosservaw, dil-liġi nisranija fundamentali: il-ħajja umana hija sagra.  Xi tfisser 'sagra'?  Ifisser li hi ma taqax taħt is-setgħa tal-bniedem iżda hi mħarsa minn setgħa aqwa minn dik tal-bniedem u mil-liġi t'Alla.  Il-ħajja umana, li fuqha għal raġinijiet ta' parentela jew ta' superjorità soċjali l-bniedem juża l-awtorità  tiegħu, bħala tali, ma taqax taħt din l-istess awtorità.  Nisimgħu mill-ġdid l-Evanġelju: "Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari, ‘La toqtolx.’ Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna. Imma jien ngħidilkom (dan hu Ġesù Kristu stess li qed jgħidu) li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu, ‘Ġifa’, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu, ‘Iblah’, ikun ħaqqu n-nar tal-infern" (Mt 5, 21-22).

Ġesù ma jikkundannax il-liġi l-antika, imma jsostni li hi nieqsa, u jħabbar il-ġdida, dik evanġelika, u jġibha għall-perfezzjoni: ħuna jistħoqqlu rispett sħiħ; sħiħ fis-sens tas-sentiment interjuri u minn dan jiġi li r-rispett jibda' u jesprimi ruħu u jsir sħiħ daqskemm inħarsu bid-dieher id-dinjità ta' ħuna għax ħuna; nistgħu ngħidu: għax bniedem-ħuna.  Jiġifieri: l-Evanġelju jgħallimna biex nistqarru bis-sentimenti tagħna u bl-azzjonijiet tagħna rispett tali lejn il-bnedmin bħalna, ħutna, ħaġa li sistema soċjali li taċċetta bħala ħaġa loġika  normali l-mibegħda tal-klassi, jew aħjar, egoiżmu tal-klassi, żgur ma tistax tesiġi li għandha setgħa leġittima u esklussiva fuqu.  X'inhi l-viżjoni li qed toffrielna d-dinja tal-lum?  Aħna mhux se nkunu radiklament pessimisti.  Anzi nagħrfu, mhux biex nikkalmaw l-ansjetajiet u l-biżgħat li ċerti fenomeni xejn ġenwini faċilment iqanqlu fl-ispirtu tal-konvivenza umana, qiesu biex jaqtgħu l-qalb dwar l-isforz lejn iċ-ċivilizzazzjoni li sar u li għadu qed isir, imma biex ikun fejda għal dan l-istess skoraġġiment u biex iwissi sabiex iċ-ċiviltà tishar dwar id-dmir tagħha li qatt ma jorqod, li l-ħajja tal-bniedem fuq l-art hi mhedda mill-ġdid minn perikli gravi, anzi diġà tinsab attakkata minn taħsir ġdid u aggressiv.

U biex intenni mill-ġdid: il-ħajja tal-bniedem hi sagra!  Aħna hawnhekk qed nitkellmuu biss bi kliem fqir u ta' malajr.  Imma nistgħu aħna ninjoraw episodju, li għadu għaddej, tal-ħtif ta' raġel tal-istatura morali, politika, akkademika, soċjali bħalma hu l-onorevoli Aldo Moro bla ma nibżgħu u nitregħedu quddiem l-instabbiltà tad-dinja tagħna moderna u ċivili?  Nistgħu aħna nibqgħu osservaturi passivi quddiem l-iżvintura li qed thedded is-sigurtà tiegħu?  Kif qatt jista' jkun possibbli li l-ħajja innoċenti ta' Statista eminenti titqiegħed f'periklu daqstant krudil, kif qed jiġri?  Il-periklu insidjuż għall-ħajja jista' jasal tant, illi jiżgiċċa minn kull mezz ta' difiża li għandu l-Istat u li qed juża b'tant eroiżmu ġeneruz, f'pajjiż tajjeb u ċivili bħalma hi l-Italja?  F'isem Alla, aħna għandna nawguraw li t-tmiem ta' dan id-dramm ikun paċifik u kalm għall-interess tal-istess aggressuri.  Dan hu episodju ta' niket emblematiku ġġenerat minn sitwazzjoni li timla l-qalb bl-imrar.

Kif nistgħu ma nġarrbux niket kbir għall-qtil ta' tant persuni ħarriesa tal-ordni pubbliku maqtulin b'mod barbaru għar-raġuni waħdanija li qed jobdu fedelment id-dmirijiet li fdalhom f'idejhom l-istat, li mhu xejn aktar ħlief ix-xewqa komuni taċ-ċittadiini li jixtiequ l-kalma, l-ordni  l-paċi?  Kif nistgħu ma nikkundannawx b'mod qawwi, għalkemm mhux vjolenti, dawn l-attentati li bihom qed jippruvaw joħonqu fid-demm il-leħen ħieles tal-ġurnalisti, tal-ħaddiema, tal-professjonisti?  U b'mod partikolari x'ngħidu dwar tant ħtif tal-persuni bl-għan tal-estorsjoni, li ma jħares lejn wiċċ ħadd lanqas lejn uċuħ it-tfal innoċenti?  Bħalissa fil-qalb tagħna ta' missier hemm preżenti l-familji kollha tad-dinja li qed jibku t-telfa ta' qrabathom, vittmi tal-vjolenza jew li qed jistennew b'ħerqa kbira il-ħelsien tal-għeżież tagħhom.

Lil dawn nixtiequ ngħidulhom kemm qed inħossu magħhom in-niket u kemm aħna qrib tagħhom bit-talb tagħna.  F'din il-lista fuq fuq, iżda drammatika, ta' attentati fuq il-ħajja, ma nistgħx ma nsemmux ukoll dawk imwettqin, sfortunatament moħbija taħt il-kappa tal-legalità.  Il-ħsieb imur qabel kollox lejn l-abort.

Kummenti żejda u kummenti prudenti mqanqlin mis-sitwazzjoni politika kif qed tiżviluppa.  Imma l-ispirtu jitnixxef għall-ħsieb biss li krimini bħal dan isir legali, kif sfortunatament qed jiġri f'pajjiżi oħra, u mhux biss, talli qed jingħata wkoll bħala servizz pubbliku bl-iskuża tar-rispett lejn in-nisa infeliċi, li mbagħad jibqgħu jġorru f'qalbhom rimors li ma jitfejjaqx talli jkunu ppermettew li ssir offiża lil dak li hu esklussiv tal-mara, li fl-ordni naturali huwa maestuż u li ebda kliem ma jista' jfissru, jiġifieri l-maternità tagħhom!  Numru bla għadd ta' ħajjiet umani msejkna meqrudin fid-dgħufija tagħkom, fl-innoċenza tagħkom!  Kif tista' soċjetà ċivili, aktar u aktar nisranija, tawtorizza u tibqa' ċassa, bla demgħa quddiem "straġi tal-innoċenti" bħal din?  U l-attentati fuq il-ħajja mhumiex dawn biss! Aħsbu fid-droga, li fortunatament qed ikun hemm reazzjoni mbierka kontra t-tixrid tagħha.  Imma kemm issib aktar għedewwa l-ħajja kontriha stess u kontra dawk li hi stess tiġġenera!

Wara l-proċeduri antikonċezzjonali, u wara l-introduuzzjoni tad-divorzju, issa qed nitkellmu saħansitra dwar l-ewtanasja, filwaqt li l-vjolenza privata qed tinfirex u hi aktar organizzata jew b'vendetta inkella b'rikatt, u filwaqt li ħsejjes tal-gwerra għadhom iżommu popli sħaħ fuq ix-xwiek minħabba l-esperjenza li tista' tfaqqa' min ħin għal ieħor u minħabba t-theddida tagħha li qatt ma tnin!  Biżżejjed l-ipotesi tal-beraq li qed jilma fl-oqsma internazzjonali dwar kunflitti bl-armi atomiċi biex il-kuxejnza tal-popli mill-ewwel tmur fuq id-difiża!  Oh!  Iva!  Il-ħajja tal-bniedem hi sagra! u din id-domma umana u nisranija jeħtieġ li tkun affermata bil-qawwa u bil-ferħ fil-qlub tal-ġenerazzjoni l-ġdida.  Nawguraw dan, bħal dejjem, bil-Barka Appostolika tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

  

Minn Papiet oħra ....