Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Ebrgħa, 26 ta’ Jannar, 1977

 

Il-virtù tal-fortitudni fi żminijiet diffiċli

 

Il-laqgħa qasira imma kommoventi li assemblea tant numeruża, varja u rapprżħentattiva li qed tagħmlilna diż-żjara, kif ukoll dak li tqanqal fina din l-udjenza ta’ kull ġimgħa, tnissel fil-qalb tagħna taħlita ta’ sentimenti li qatt ma nistgħu nesprimuhom kif jixraq, kemm għaliex huma bosta, diversi, qawwija, tant illi aktarx joħonqu d-diskors tagħna milli jiffaċilitawh, diskors li għandu jkun qasir u sempliċi u li lilkom jibnikom; u wkoll għax leħinna jixtieq ikun importanti u dehen li tibqgħu tiftakruh.  Intom tiġu għand il-Papa u minnu tistennew, bil-barka tiegħu, kelmtu, qiesu biex taqraw mument qasir tal-ispirtu tiegħu, il-fehma, tiegħu biex imbagħad tkunu tistgħu tiftakru: hekk qalilna l-Papa, u biex minnha tisiltu xi riflessjoni personali li nawguraw tkun ta’ benefiċċju u faraġ għalikom, mill-eku li jħalli fikom dan id-djalogu ta’ ftit ħin.  Infatti l-udjenza hi speċi ta’ djalogu, intervista, li lil min jassiti għaliha toffrilu l-okkażjoni li jsir jaf xi ħaġa dwar kif jaħsibha l-Papa, kif taħsibha l-Knisja.  B’hekk aħna dejjem ferħanin, imma nirtogħdu waqt laqgħa bħal din u minn fost il-ħafna hwejjeġ li nixtiequ ngħidulkom inħossuna mġagħlain nagħżlu waħda li fil-mument tidher l-aktar importanti.

Tajjeb; din id-darba wkoll il-qalb miftuħa tagħna se tieqaf fuq l-impressjoni li qed taħkem il-ħsieb tagħna, issuġġerita miċ-ċirkostanzi ta’ żmienna bi qbil mal-eżortazzjoni mtennija kemm-il darba fl-Evanġelju, minn Ġesù, Mgħallem u Salvatur tagħna: “Tħallux qalbkom titħawwad” (Ġw 14, 1).  Kelma li spiss toħroġ minn fomm Kristu (cfr. Ġw. 14, 27; Lq. 12, 32; 24, 38; etc.).  Kelma ta’ serħan ir-ras, kelma mill-isbaħ li nagħmlu sew jekk inġorruha dejjem fi qlubna u nduru lejha bil-fiduċja; imma kliem li fl-istess ħin huma twissija dwar il-kundizzjonijiet xejn kalmi, xejn hienja li ninsabu fihom.  Jekk il-Mulej jirrikmandalna biex ma nibżgħux, ifisser li ninsabu fil-periklu; u jekk aħna rridu nagħtu importanza lil dil-kelma ta’ faraġ tiegħu, ma nkunux qed nittrattaw ħażin lil kelmtu meta fl-istess waqt inħossu li qed ngħumu f’kundizzjoni xejn propizja, xejn faċli.  Hekk hu: umanament aħna l-insara ngħidu li ma ninsabux fi żmien normali, ta’ kalma, ħafif.  Hemm bżonn niftħu għajnejna.  Aħna qed ngħixu fi żminijiet diffiċli.  Dak Ġesù, li jimliena bil-kuraġġ u jrid li aħna napprezzaw l-għajnuna tiegħu u l-arti divina li ndawru kollox f’vantaġġ spiritwali u superjuri, ukoll dawk li aħna nħossuhom kuntrarji u ta’ wġigħ, meta, b’leħen l-Appostlu Pawlu nafu li “kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom” (Rum 8, 28), hu l-Imgħallem Ġesù nnifsu li jwissina bosta drabi biex nishru (cfr. Mt. 24, 42; 26, 38; Mk. 13, 37; Lq. 21, 36; etc); li jridna b’għajnejna miftuħin għas-sinjali taż-żmien (cfr Mt 16, 4); li jħabbrilna li, biex ngħidu hekk, in-niket jitwaħħad mal-professjoni nisrainja (cfr Ġw 16, 20; 22); u mill-ġdid, permezz tal-Appostlu nnfisu, iħeġġiġna biex nilbsu l-armatura ta’ Alla ħalli l-ħażen inkun nistgħu nieqfulu... (cfr Ef 6, 11-13).  Il-ħajja nisranija hi xogħol iebes (cfr Ġob 7, 1).  Il-ħajja ta’ min għażel lil Kristu bħala l-mudell tiegħu, il-gwida, is-salvatur, la tista’ tkun beżżiegħa, la komda u lanqas inċerta.

Tajjeb, jekk hu hekk, il-vokazzjoni tagħna llum hi l-fortitudni.  Iż-żminijiet huma diffiċli; hemm bżonn inkunu lesti ngħixuhom bi spirtu personali u ġeneruż ta’ xhieda tal-fidi, ta’ enerġija morali, ta’ għażla (lil hinn minn kull kalkolu ta’ egoiżmu, biża’, opportuniżmu), favur personalità ta’ bnedmin veri li jsiru “superuomini” bis-saħħa tal-Magħmudija, ċittadini tad-dinja leali u sinċieri, li għandhom għarfien sħiħ taċ-ċittadinanza tagħhom f’dik il-Belt t’Alla li issa nsejħulha Knisja, “ix-xirka fl-ispirtu” (cfr Fil 2, 1): waħda, qaddisa, kattolika u appostolika; jiġifieri ta’ nsara li ma jkollhomx bżonn jisselfu kunċetti filosofiċi u soċjali li jmorru kontra r-reliġjon, li nafu li hi vera u għammiela bla qies bl-ispirtu ta’ sagrifiċċju u ta’ mħabba, il-prinċipji fundamentali li jispiraw verament l-istorja u l-progress.

Għalhekk, kuraġġ uliedi u ħuti li nġbartu għal din il-laqgħa paterna. Kuraġġ!  Bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....