Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 25 ta’ Mejju, 1977

Il-fidi rfid meħtieġ għall-ħajja morali u intellettwali

 

Aħna rridu nerġgħu naqraw mill-ġdid kliem l-evanġelista San Ġwann, li bih hu jibda’ l-ewwel ittra tiegħu, li nsibu fl-Iskrittura Mqaddsa kif magħrufa mill-Knisja.  Hu jesprimi ruħu hekk:

Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, li rajna b’għajnejna, li lejh ħarisna u li messew idejna, jiġifieri l-Verb tal-ħajja, dan sejrin inxandrulkom. Għax il-ħajja dehret u aħna rajnieha u qegħdin nixhdu għaliha. Qegħdin inxandrulkom il-ħajja ta’ dejjem li kienet għand il-Missier u dehret lilna. Qegħdin inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna, biex intom tissieħbu magħna, u l-għaqda tagħna tkun mal-Missier u ma’ Ibnu Ġesù Kristu. U qegħdin niktbu dan biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (1 Ġw 1-4).

Dan il-prologu tal-ittra appostolika stupenda jġagħalna neżaminaw aspett importanti ħafna tar-reliġjon tagħna, ix-xhieda appostolika, li fuqha, fl-ambitu storiku u estern, tieqaf il-fidi tagħna.  Is-silta li qrajna juri kif il-fidi tagħna, jiġifieri dak li aħna nemmnu mill-istorja u mir-rivelazzjoni nisranija, aħna sirna nafuh mix-xhieda appostolika.  L-Appostli, u magħhom il-ġenerazzjoni li għexet fi żmien Ġesù u li gawdietu direttament u ħassitu magħha, irċevew mingħand Ġesú nnifsu l-mandat biex ixandru l-għarfien dirett u sensibbli li ħadu mingħandu, u jsarfuh f’għarfien indirett u spiritwali, jiġifieri “xhieda”, fidi.  Il-Mulej kien ħabbru minn qabel ma tela’ s-Sema, jiġifieri qabel ma gheb mix-xena ta’ did-dinja meta lid-dixxipli tiegħu qalilhom: “...... intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art” (Atti 1, 8).

U hekk ġara.  Il-predikazzjoni, l-ewwel tad-dixxipli, li saru Appostli, u ta’ kulmin kien suċċessur tagħhom fl-uffiċċju tat-tħabbir tal-kristjaneżmu fid-dinja, kienet xhieda li saret perswasiva, u f’ċerti mumenti irreżistibbli, bis-saħħa ta’ kariżma tal-Ispirtu s-Santu, li kien jaħdem kemm fl-Appostli u wkoll f’min kien jisma’, xhieda tal-fatt evanġeliku, tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù ta’ Nażaret, u tal-interpretazzjoni profetika u teoloġika ta’ dil-ġrajja vera u straordinarja.

Ix-xhieda appostolika, li f’ċerti kundizzjonijiet kellha msawba fuqha l-influwenza tal-Ispirtu s-Santu, hi l-għajn tal-fidi tagħna; li tasal għandna permezz tal-maġisteru, bit-trasmissjoni esterjuri u soċjali, li fihom hemm il-preżenza mdawla u operanti tal-Ispirtu s-Santu;  hija l-Knisja bil-missjoni evanġelizzatriċi awtentika tagħha, li ttina l-fidi.  U hawn nilmħu l-miraklu storiku ta’ dil-kundizzjoni, li minnha tiddependi saħansitra s-salvazzjoni tagħna, il-fatt li aħna nsara: “il-ġust twissina l-Iskrittura Mqaddsa - jgħix bil-fidi” (Gal 3, 11).

Hawnhekk jeħtieġ, ħuti u wliedi, li ngħarblu bil-kuxjenza dil-kelma-fus tas-sistema reliġjuża tagħna, irridu nagħtu tifsira tal-fidi tagħna.  “Mingħajr il-fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla” (Lhud 11, 6).  Forsi, ftit kliem ieħor ingħata interpretazzjonijiet varji daqs dawn, ibda minn dik tas-sentiment spiritwali u ġeneriku, sal-opinjoni personali daqstant ieħor mhix preċiża u qarrieqa.  Illum imbagħad, kull użu soġġettiv tagħha donnu jidher li sar leġittimu; kulħadd jemmen li għandu s-setgħa jifga dil-kelma f’lingwaġġ xjentifiku, filwaqt li f’sens purament naturali, il-fidi tiddomina fuq kull tagħlim skolastiku u razzjonali; bħalma bosta inteliġenzi moderni, meta jammettu li xi diskors huwa spiritwali, il-kelma fidi jtuha tifsira mhux preċiża u akkomodanti ta’ sentimentaliżmu reliġjuż ambigwu, li s-sinonimu tiegħu hu penombra, dubju, ansjetà interjuri, meta ma jkunx turment u stennija fiergħa ta’ dawl daqstant ieħor mixtieq u li sinċerament ifarraġ, daqskemm miċħud fl-esiġenzi loġiċi tiegħu.

Il-mentalità protestanta dwar dak li jissejjaħ eżami ħieles, jirriabilita l-kelma kbira “fidi” u jtiha statura ta’ konvinzjoni reliġjuża, imma mifruda minn maġisteru awtorevoli u dejjiem, dak “tal-Knisja Kattolika tagħna”, fiex tinbidel?

Issir opinjoni suġġettiva, mneżża’ minn kull awtorità superjuri, issir evażjoni fi ħdan pluraliżmu ekwivoku, issir fidi nominali u tal-lasktu, disponibbli biex tkun adattata f’ħafna tifsiriet banali.

Ma tibqax aktar teżor divin, li għalih tant eroj taw ħajjithom; mhix aktar dawl fl-għodwa tal-ħajja nisranija, li jantiċipa xi leħħa tal-Verita divina (cfr 1 Kor 13, 12) u li effettivament jirfed il-ħajja morali u intellettwali.  U aktar.

B’tifkira tal-misteru paskwali li ċċelebrajna u bħala preludju tal-festa li hemm tistennina, il-Pentekoste, infittxu lkoll nagħtu ħajja ġdida lill-fidi tagħna, ippruvata mill-maġisteru ħaj tal-Knisja; u nagħmlu tagħna, kemm meħtieġ, kelmet il-persunaġġ evanġeliku umli: “Nemmen, o Mulej, imma Int għinni fin-nuqqas ta’ fidi tiegħi”.

Hekk ikun.  Bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....