Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 23 ta’ Marzu, 1977

 

Il-penitenza, sagrament ta’ Qawmien u ta’ Paċi

 

Il-fatt li l-Għid jinsab qrib huwa stedina biex kull fidil/fidila jwettqu dmir karatteristiku biex jiċċelebraw dil-festa kbira tar-Redenzjoni, id-dmir li ‘jqerru’, jiġifieri li jersqu lejn is-Sagrament ta-Penitenza, personalment u b’sinċerità, jistqarru dnubiethom bi ndiema umli u bil-wegħda li ma jerġgħux.  Din hi liġi gravi tal-Knisja, li għadha tgħodd; liġi diffiċli, imma li taħji, mdehena u ħellliesa; liġi li llum tiltaqa’ ma’ żewġ diffikultajiet, waħda prattika u l-oħra estrinsika, waħda li tfittex iċ-ċirkostanza konkreta u favorevoli biex twettaq dal-preċett; l-oħra psikoloġika u intrinsika, dik li persuna tkun konxja tad-dnub, anzi tad-dnubiet personali, u jkollha l-kuraġġ li tistqarrhom lil xi saċerdot bil-garanzija tas-sigriet assolut, jiġifieri ministru awtorizzat mill-Knisja biex ikun jista’ jagħti l-assoluzzjoni bl-impożizzjonijiet penitenzjali marbutin magħha.

Però jkollna ninnutaw li minn xi żmien ‘l hawn hemm nuqqas ta’ osservanza għal din id-drawwa sagramentali, li qed titfa’ lura bil-bosta u b’mod qawwi l-fedeltà u l-vivaċità tal-ħajja nsranija u l-għarfien tal-ħajja tal-Knisja.  U dan qed iġib tħassib kbir f’kulħadd, ministru jew sempliċi fidil, hu min hu, li jħobb ir-realtà mistika/soċjoloġika tal-misteru tas-sehem tagħna fi Kristu, il-misteru tal-grazzja, il-misteru tas-salvazzjoni tagħna.  Illi l-bniedem għadu jeħtieġ dan is-sagrament ma jgħidux biss id-dritt kanoniku (cfr Codex Juris Canonici, kan. 906), jgħidu wkoll il-fatt li naqas sew l-għarfien ta’ dik ir-riġenerazzjoni profonda li nisslet fina l-Magħmudija li tobbliga li minnha nisiltu stil ta’ virtuwijiet morali oriġinali, koerenti u superjuri, u tgħidu wkoll l-esperjenza tal-vantaġġi spiritwali li l-qrar, speċjalment jekk l-użu mdeheni tiegħu jakkumpanja l-iżvilupp u l-progress tal-ħajja, lir-ruħ li trid tkun qawwija u fidila fl-istqarrija tar-reliġjon li tħaddan, isaħħaħha (cfr Alessandro Manzoni, La Morale Cattolica, 1, kap. VIII).

Mhux l-għan tagħna li b’dan id-diskors sempliċi nidħlu fl-apoloġija tal-qrara sagrametnali.  Apoloġija li tista’ tkun vasta ħafna jekk studjata mill-aspett storiku; tista’ tkun mill-aktar għammiela jekk nużaw l-iżviluppi ta’ dan l-istess studju xjentifiku jew letterarju, il-psikoloġija tal-bniedem modern; u tista’ tkun ta’ faraġ bla qies għal kulmin jindem bl-onestà u b’indaġni oġġettiva fuq l-għeruq interjuri tal-attività umana u jasal għall-konklużjoni infeliċi u saħansitra ta’ pessimiżmu ddisprat dwar inettitudni tal-bniedem lejn il-virtù awtentika u stabbli.  Biżżejjed ngħidu li din l-apoloġija hi possibbli u ħafifa għal min jiftakar kliem Kristu rxoxt, li Hu jħabbar dakinhar stess li rxoxta, filgħaxija, meta deher lid-dixxipli fiċ-ċenakli u qalilhom: “Is-sliem għalikom!  Kif Missieri bagħat lili hekk jien nibgħat lilkom.  Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: ħudu l-Ispirtu s-Santu; ll  dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura u lil dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma” (Ġw 20, 21-23).  Is-sagrament tal-Penitenza, hekk imwaqqaf, mill-ewwel isir is-sagrament tal-qawmien tal-erwieħ mill-mewt, is-sagrament tal-erwieħ li jerġgħu għall-ħajja, is-sagrament tal-ħajja, tal-paċi, tal-ferħ.

Biżżejjed neżortaw lil ħutna s-saċerdoti li għandhom is-setgħa jamministraw is-Sagrament tal-Penitenza, biex jagħtu lil dan l-eżerċizzju pastorali l-importanza li jistħoqqlu, l-istima, il-kult, l-ispirtu tal-għerf u tas-sagrifiċċju li jistħoqqulu: il-Qrar hu s-sagrament terapewtiku per eċċellenza, is-sagrament pedagoġiku għall-formazzjoni nisranija f’kull livell. (cfr Seminarium, 3, 1973).

Imbagħad neżortaw lill-fidili kollha biex ibattlu qalbhom minn kull diffidenza li tista’ tqajjem fihom din id-dixxiplina sagramentali kif imwettqa fil-prattika.  Jekk illum f’ċerti każi l-Knisja tawtorizza l-assoluzzjoni kollettiva, jiftakru li din l-awtorizzazzjoni hi l-eċċezzjoni u ma teħlisx lil dak li jkun mill-qrara personali, u ma tridx iċċaħdilhom l-esperjenza u l-vantaġġi u l-merti tagħha: bħala skola ta’ għerf morali, il-qrara teduka l-moħħ biex jiddixxerni bejn it-tajjeb u l-ħażin; bħala taħriġ ta’ enerġija spiritwali tħarreġ ir-rieda tal-koerenza, tal- virtuwijiet pożittivi, tad-dmir diffiċli; bħala djalogu dwar il-perfezzjoni nisranija tgħin biex dak li jkun jiskopri l-vokazzjoni ta’ kull qalb individwali u terġa’ tagħti enerġija ġdida lill-wegħdiet tal-fedeltà u l-progress lejn il-qdusija kemm ta’ dak li jkun kif ukoll ta’ ħaddieħor.  Jalla l-Għid li ġej jiġġenera f’kull wieħed u waħda minnkom ix-xorti li tiċċelebraw bi qrara tajba u bit-tqarbina ir-rigal kbir tal-Għid (cfr Katekeżi mid-Digriet tal-Konċilju ta’ Trentu lill-Kappillani, De Poenit. Sacramenti; u s-SAGRA KONGREGAZZJONI GĦAD-DUTTRINA TAL-FIDI  Normi pastorali dwar l-assoluzzjoni sagramentali ġenerali, 16 ta’ Ġunju, 1972: AAS 64 (1972) 510 ss).

Bil-Barka Appostolika tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....