Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 23 ta’ Frar, 1977

 

Sahra u enerġija morali biex nirreżistu t-tentazzjonijiet tad-dinja

 

Id-dinja, mill-ġdid id-dinja hi s-suġġett tar-riflessjoni li llum qed nippreżentaw lill-dawk li qed iżuruna.  Diġà tkellimna dwarha, u, bħal dejjem, bi ftit ħjiel fl-udjenzi ta’ qabel; se nerġgħu nitkellmu dwarha mill-ġdid għax fadal li nfakkru kif dil-kelma “dinja” fil-lingwaġġ miktub tikseb tifsiriet differenti ħafna, bħalma huma kożmu, ħolqien, opra t’Alla, tifsira straordinarja li tiġbed ammirazzjoni, studju, il-kisba tal-bniedem; jiġifieri “l-umanità”, id-dinja tista’ tfisser ukoll il-ġeneru uman, tant maħbub minn Alla li jipprovdi għas-salvazzjoni tagħha (Ġw 3, 16) u jgħolliha għal-livell misterjuz tar-relazzjoni tal-bniedem mal-istess ħajja ta’ Alla (2 Pietru 1, 4); u fl-aħħar, il-kelma “dinja”, fit-Testment il-Ġdid u fil-letteratura axxetika nisranija, tikseb tifsira tal-biża’ u negattiva meta titkellem dwar id-dominju tax-Xitan fuq l-art u fuq l-istess bnedmin maħkumin, ittantati u mħassrin mill-Ispirtu tal-ħażen, imsejjaħ “Prinċep tad-dinja” (cfr Ġw. 14, 30; 16, 11; Ef 6, 12).  F’das-sens peġġjorattiv, “id-dinja” tidentifika ruħha mill-ġdid mal-umanità jew aħjar, ma’ dik il-parti tal-umanità li tiċħad id-dawl ta’ Kristu, u tgħix fid-dnub (Rum 5, 12-13) u li l-ħajja t’issa tgħixha bi kriterji kontra l-liġijiet ta’ Alla, tal-fidi, tal-Evanġelju (1 Ġw 2, 15-17)

Għalhekk, l-ambigwità tat-tifsira tal-kelma “dinja” hi waħda mill-problemi l-aktar gravi u drammatiċi tal-ħajja nisranija, minħabba l-fatt li aħna ngħammru fid-dinja, għalqa li fiha jitħalltu t-tajjeb u l-ħażin, “il-qamħ it-tajjeb u s-sikrana” (Mt 13, 25), anki jekk mhux ħtija tagħna, hija għalhekk għammiela u fl-istess waqt ta’ ħsara, u jekk il-konvivenza, li minħabba l-kundizzjoniet infushom tal-ħajja jkollna ngħixu magħhom, materjalment inkunux nistgħu nevitwha dejjem (cfr Ġw 17, 15; 1Kor 5, 10).

Qed ngħixu f’ambjent ekwivoku u mniġġes, fejn il-ħin kollu jkollna bżonn nagħrfu kif nivvaċċinaw ruħna, b’mediċina preventiva morali, li tibda mill-ħarba mid-dinja, kif jagħmlu dawk li għax jixtiequ l-perfezzjoni jagħżlu stil ta’ ħajja dedikata għas-sekwela ta’ Kristu aktar iebsa u ta’ mħabba (cfr Lumen Gentium, 40), f’dixxiplina axxetika tipika tal-ħajja nisranija, li mhux biss tagħżel bħala programm ta’ ħajjitha l-istil morali u spiritwali tipiku ta’ min ikun irċieva l-Magħmudija, “kif jixraq lill-qaddisin” )cfr Ef 5, 3; Rum 6, 22), imma tfittex li xxerrred is-sentiment u d-drawwa nisranija fl-istess dinja li hi ostili u reżistenti (cfr Apostolicam Actuositatem, 2, eċċ).

Il-ħajja nisranija hi dramm, li fih jintisġu ma’ xulxin u jkunu kontra xulxin it-tajjeb u l-ħażin li bla heda lid-dinja jtuha karattru ta’ taqbida permanenti: l-Iskrittura Mqaddsa ssejaħ il-kundizzjoni tal-bniedem fuq l-art “militanza” (Ġob 7, 1; Ef 6, 11-13).  Dan hu l-kunċett fundamentali tal-eżistenza tagħna t’issa, li tgħaddi (1 Kor 7, 31), iżda li hu deċisiv għad-destin tagħna fil-ħajja li ġejja (2 Kor 5, 10); il-Mulej ried li jdaħħalha fil-formola, nistgħu ngħidu uffiċjali, tat-talba tagħna lil Alla l-Missier, billi ġagħalna dejjem ninvokaw l-għajnuna tiegħu biex niddefendu ruħna mit-theddiha bla heda, in-nassa li nsibu fil-mixja tagħna tul iż-żmien: it-tentazzjoni.  Dil-kelma faċli imma tremenda jistħoqqilha lezzjoni twila u orjentament etiku pedagoġiku kif jixraq: iż-żmien tar-Randan li qed jibda’ llum, itina l-opportunità biex nirriflettu fuq dan is-suġġett, li żgur mhux il-moda bħalissa, imma li żied u mhux naqqas l-importanza spiritwali tiegħu.  Naħsbu ftit: aħna bnedmin ħielsa, imma kundizzjonati bil-kbir mill-ambjent, ngħidu wkoll mid-dinja li ngħixu fiha: jiġiferi, aħna pprovokati mingħajr heda biex f’dak kollu li nagħmlu jkun hemm għażla, biex insolvu “tentazzjoni”; is-sens morali tagħna dejjem jinsab f’tensjoni ta’ sahra (kelma evanġelika oħra) (cfr Mt 24, 42; Mark 14, 38; 13, 37; 1 Kor 16, 13; 1 Pietru 4, 7; 5, 8; eċċ), mhedda, li tinfatam mir-regoli tal-permissività moderna; l-iġjiene morali, jiġifieri d-difiża preventiva tad-dgħufija etika tant evidenti fina, jingħad li m’għadx għandha lok, imma li stil falz ta’ għixien, li jesponi ruħu għat-tentazzjoni bl-iskuża li b’hekk qed isaħħaħ il-personalità tal-individwu bl-esperjenza li jkollu tal-ħażen, tista’ tegħleb kull “tabù”, li bihom is-sensibbiltà tal-kuxjenza u d-direzzjoni tal-imġieba, huma ta’ xkiel għall-kumdità faċli tal-bniedem tal-lum, hekk imsejjaħ “adult”.  Allura ma niskantawx li l-livell tas-soċjetà tagħna qed jitbaxxa fejn tidħol l-umanità awtentika hekk kif dejjem qed taqbad l-art din il-pseudo-maturità morali, din l-indifferenza, din l-insensibbiltà dwar id-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin, u jekk l-Iskrittura twissina bi kliem morr li “d-dinja kollha (fl-agħar sens li qed nsservawha) tinsab taħt is-setgħa tal-malinn (1 Ġw 5, 19).

Nishru, ħuti u wliedi maħbubin, sabiex id-dinja, li mhijiex ta’ Alla, ma ssaħħarniex, ma tnissilx fina kunċett illużorju tal-ħajja, u ma ttelfilniex is-sens tal-valuri veri tagħha.  Nibqgħu ma’ Kristu biex nieħdu sehem mir-rebħa li Hu jħabbrilna u jwegħedna: “ikollkom fiduċja!  Jiena rbaħt id-dinja” (Ġw 16, 13).

Bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....