PAWLU VI UDJENZA ĠENERALI L-Erbgħa, 22 ta' Marzu, 1978
L-imħabba biss televa l-moħħ
Sfrotunatament, illum ukoll ma nistgħux inkunu magħkom għas-soltu appuntament ta' kull ġimgħa. Però, insellmulkom b'sentimenti aktar qawwija filwaqt li niżgurawkom li lkoll tinsbu f'qalbna, f'għaqda waħda mat-talba tagħna flimkien ma' tagħkom u dik korali tal-Knisja kollha, tul dil-Ġimgħa Mqaddsa. Qed ngħexju l-jiem qofol tas-Sena Liturġika: dawk li fihom il-Mulej Ġesù joffrielna x-xhieda suprema ta' mħabbtu li l-mewt ma tistax tegħlibha; infatti, wara l-passjoni, il-qawmien jafferma b'mod mill-aktar misterjuz u fl-istess ħin mill-aktar evidenti, li l-Imħabba hi aqwa mill-mewt. Din hi propju l-lezzjoni għammiela tal-ħajja li tiġi mis-solennità tal-Għid: l-Imħabba li biha Hu ħabbna mhux biss tiftħilna triq ġdida u ħajja biex naslu għand il-Missier, imma titlob minna li ssir regola ta' ħajjitna fir-relazzjonijiet ta' bejnietna. Il-bini ta' soċjetà ġdida ma jissawwarx minn min ma jafx ħlief iħaddem il-vjolenza u l-qerda, imma minn min jaħdem b'dedikazzjoni personali, anki fis-skiet u fit-tbatija, favur il-proxxmu. Iċ-ċertezza assoluta li jtina l-Evanġelju hi li l-Imħabba biss tedifika. Infakkrukom fi dmir ewlieni biex niċċelebraw l-Għid kif jixraq: li nersqu lejn is-Sagrament tal-Penitenza, nagħrfu dnubietna b'indiema sinċiera u b'fehma sħiħa li ninbidlu biex b'hekk nissaffew ħalli nkunu nistgħu niltaqgħu ma' Kristu fl-Ewkaristija. Hekk biss l-Għid ta' Kristu jsir "l-Għid tagħna". B'dawn il-ħsibijiet irrodd ħajr lilkom ilkoll li tajtuna ġieħ u onorajtuna biż-żjara tagħkom, filwaqt li minn qalbna ntukom l-isbaħ xewqat għall-Għid it-tajjeb u lil kull wieħed u waħda minnkom intkom il-Barka Appostolika.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber
|