Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 22 ta' Frar, 1978

 

Ir-Randan: skola ta' qawwa nisranija

 

Ħuti u wliedi għeżież,

Kif tafu l-Knisja tagħti importanza partikolari liż-żmien liturġiku li ninsabu fih, li nsejħulu Randan.  Il-ħsieb li jberren f'dan il-mument qasir ta' riflessjoni spiritwali fl-udjenza ġenerali għal din l-Udjenza ta' kull ġimgħa, ma jistax jitbiegħed minn din it-tema reliġjuża, li minkejja t-tnaqqis kbir f'dak  li jitlob minna bħala dixxiplina xorta waħda għadu żmien qawwi li jgħani b'tiżjin liturġiku t-tħejjija għas-solennitajiet tal-Għid.

Fil-qasir, Aħna se nagħtu daqqa' t'għajn lejn il-mixja reliġjuża u morali li għad fadallu l-ispirtu tar-Randan biex ikun ta' fejda għall-edukazzjoni reliġjuża tagħna.

Illum aħna qed nipproponu lilkom li qed iżżuruna, għeżież viżitaturi, li b'att ta' rieda tajba u koxjenti, tidħlu fl-ispirtu tar-Randan, u tagħmlu minnu taħriġ li jqawwikom u axxetiku.  Aħna rridu nsara qawwijin u koerenti.  Ir-Randan appuntu, huwa skola ta' qawwa nisranija.  Għalhekk aħna  nitolbu lilkom, kif ukoll li kull min qed jasal għandu dan id-diskors sempliċi, biex, jekk hu l-każ, tibdlu fhemietkom, dwar l-idea stabbilita li r-Randan qiesu xi żmien ta' spiritwalità ta' swied il-qalb u dwejjaq.  Li l-penitenza mitluba minn min irid iterraq dil-mixja ttimbrata bil-ħsibijiet gravi u li tesiġi li wieħed jagħmel sagrifiċċji li mhux dejjem huma gradevoli, hu magħruf.  Imma meta r-Randan hu ispirat mill-imħabba ta' Kristu lejna, ma jistax iqanqal fi qlubna sentimenti ta' dipressjoni jew ta' qtigħ il-qalb, iżda ta' umiltà sinċiera imma mimlija kuraġġ li kważi qed tantiċipa l-premju mistenni: il-paċi u l-hena tal-qalb.  Fl-intenzjoni tal-Iben il-Ħali, li b'kuraġġ jaqtagħha li jerġa' lura lejn dar missieru, diġà qed tidwi qawwa ta' spirtu, illi, anki jekk inħarsu lejha b'mod soġġettiv, għandha tissarraf f'sentiment qawwi ta' tiġdid interjuri.  "Surgam et ibo" "Inqum u mmur": (Lq 15,18), hekk għamel l-iben il-ħali li reġa' lura fuq il-passi ta' ħajja mitlufa u li issa saret mixja ta' redenzjoni.  

Araw, il-penitenza nisarnija tista' titqabbel ma' taħriġ fiżiku tal-ġinnastika, jgħejjik iva, imma jsaħħek. Il-penitenza nisranija hija taħriġ spiritwali li jitlob xi ftit tal-isforz, imma ma jgħakksekx, ma jaqtalekx qalbek.  Jekk nikkuntentaw b'analiżi elementari iżda essenzjali, il-proċess tal-penitenza kristjana nistgħu niġbruh fi tlett punti, il-penitenza mogħtija ġieħ fil-lingwaġġ bibliku b'kelma kapitali, li issa saret tinuża regolarment u li bil-Griek h "metanoia" li tfisser: konverżjoni, tibdil tal-rotta; qiesha dawra enerġika tat-tmun li jibdel u spiss ikollu jaqbad rotta fid-direzzjoni opposta ta' fejn wieħed ikun miexi  (cfr Mt 3, 2; 4, 17).  Dan hu l-aktar punt importanti u, jekk nistudjawh psikoloġikament, ma fih xejn li jaqta' l-qalb; anzi, huwa sinjal ta' maturazzjoni tal-ħsieb u ħeġġa ġdida fir-rieda personali.

Imbagħad it-tieni punt, ferm aktar diffiċli kemm mill-aspett tal-maturazzjoni tal-kuxjenza kif ukoll mill-aspett tal-valutazzjoni oġġettiva; dan hu l-għarfien tal-ħażen morali, li bniedem ikun ħati tiegħu; hu l-għarfein tad-dnub.  Dan jimplika twissija terribbli, li s-superfiċjalità morali ma tamettihiex u spiss wkoll hi rrifjutata konxjament, minkejja li tifforma parti  reali u essenzjali tal-ordni morali, dak l-ordni morali li safa mitfugħ taħt is-saqajn.  Il-ħajja tagħna ta' bnedmin ħielsa u koxjenti, eżistenzjalment hi marbuta mal-għajn (mal-ħarsa) ta' Alla, mal-ġudizzju dirett tiegħu, mat-tjubija tiegħu li tesiġi l-osservanza tal-obbligu morali immanenti; osservanza li timmarka t-tbandila tal-pendlu fatali, bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn l-azzjoni ġusta u tajba u l-maqlub tagħha li ġġib l-isem, li llum ftit li xejn nisimgħu imsemmi, imma li hu fatali: id-dnub.  Id-dnub huwa l-ksur ta' relazzjoni immanenti u traxxendenti tar-relazzjoni tal-bniedem ma' Alla;  huwa offiża lil Alla, lir-raġuni, lill-ordni mitlub miċ-ċirkostanzi u mis-sitwazzjoni.  Santu Wistin ħoloq definizzjoni li għadha tgħodd sal-ġurnata tal-lum: "id-dnub hu fatt, jew kelma, jew  xewqa kontra l-liġi eterna.  Il-liġi eterna hi ħsieb divin, jew il-volontà ta' Alla li jgħamar biex ikun imħares l-ordni naturali, u jikkmandana biex ma nħawduhx" (Santu Wistin: Contra Faustum, 1. 22, c. 27: PL 42, 418).  Daqskemm l-istudju huwa interessanti, daqstant ieħor huwa diffiċli.  Biżżejjed niftakru r-riperkussjoni ontoloġika li l-azzjonijiet tagħna jkollhom fuq il-liżar dejjem stirat u infallibbli tal-ħarsa divina tiegħu.  Alla jara.  Alla jiftakar, Alla jiġġudika.  Quo a faciem tua fugam" ("fejn nista’ naħrab minn quddiem wiċċek?") (Salm 138, 7).  Din hi sitwazzjoni reali li ma nistgħux naħarbu minnha: "kif nistgħu naħarbu mill-preżenza tiegħek?"  Dan hu l-aspett l-aktar delikat u tremend għall-kuxjenza umana, u huwa wieħed mis-sisien l-aktar komuni, iżda mill-aktar gravi u wkoll ta-akbar faraġ, li jagħti qawwa lill-azzjoni umana.

Iva, għax dil-pedagoġija etiko/spiritwali ssib il-milja tagħha fil-preċett il-kbir tal-ħajja tajba: li bniedem ikun sid tiegħu innifsu.  Tema ta' kobor bla qies u tal-akbar importanza li din il-ħarsa qasira fil-mogħdijiet tar-Randan tagħna trid tmexxina fiha u tħallielna.  Nimtlew bil-kuraġġ: nimtlew bl-enerġija.

Ninsabu fit-triq it-tajba, it-triq tal-Ħajja, tal-Ħajja paskwali.  Bil-Barka Appostolika tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

  

Minn Papiet oħra ....