PAWLU VI UDJENZA ĠENERALI L-Erbgħa, 21 ta’ Ġunju, 1978
Il-Konċilju Vatikan II: dawl għall-istorja tagħna
Dan id-diskors qasir li aħna obbligati, imma fl-istess ħin hienja nħabbru lill-fidili u lil min qed iżurna, preżenti għall-udjenza tagħna ta’ kull ġimgħa, kull nhar ta’ Erbgħa, ma jistax jaħrab mis-suġġett li jdur madwar l-istess persuna tagħna, li għad-diskrezzjoni li hi dmirna aħna dejjem bqajna lura milli nitkellmu dwarha, għax wisq konvinti mid-dgħufija tagħha u daqstant ieħor ovvju kemm hi ħajja fina l-kuxjenza tar-responsabbiltà tal-uffiċċju appostoliku li aħna ssejjaħna għalih. Iżda llum, fl-anniversarju, il-ħmistax-il wieħed, tal-ħatra tagħna fuq il-katedra ta’ San Pietru, jobbligana nagħtu tifħir lill-Mulje, li dejjem jagħżel iż-żgħar biex iħaddem il-ministeru tiegħu, talli Hu afda t-tmxxija suprema tal-Knisja tiegħu lill-persuna tagħna, fiduċjuż li nistgħu nagħmlu tagħna s-sentenza tal-predeċessur tagħna, ta’ statura ferm differenti minn tagħna, San Ljun il-Kbir, li hu u jagħti ġieħ lill-opra t’Alla, fil-persuna tiegħu, ħallielna dal-kliem memorabbli: “dabit virtutem, qui contulit dignitatem”, Dak li tana d-dinjità jtina wkoll l-enerġija (San Ljun il-Kbir, Serm., II: PL 54, 143). Tajjeb, uliedi u ħuti, x’inhu l-messaġġ tagħna? Ma fih xejn, nafuha tajjeb, la ta’ kobor u lanqas oriġinali; imma huwa jfittex qbil ma dak tal-predeċessuri tagħna, li neħħew l-istar ta’ mument li jgħaddi, tal-wiċċ regali tal-Knisja, biex il-wiċċ fqir u mwarrab tagħha jidher fir-realtà oriġinali tiegħu, imneżża’ minn kull tisbiħ ta’ tiżjin superfiċjali, imma fl-istess ħin radjanti bi sbuħija sovrumana, dik li tilma mid-dawl ineffabbli, sbuħija li qatt mhi kuntenta bl-għamla konkreta u ideali li hu tagħha, u li storikament hi għadha tfittex li tilħaq, imma li diġà hu dokumentat minn issa, f’apoloġija inkantevoli: il-preżenza inkarnata tal-Verb t’Alla. Il-miraklu mhux tagħna, imma bħal żerniq dejjiemi li jintroduċi dija qawwija perfetta, hi tgawdi minn kariżma li mhix tagħha, iżda li fl-istess ħin hija msawba fiha b’mod divin, destinata għaliha, dik tal-Verità divina, mistqarra b’ fattizzi umani. F’das-seklu, il-Knisja, koerenti mal-karatteristiċi li dejjem kienu tagħha, u li issa, umana u divina, b’mod aktar sempliċi u awtentiku jiddefinuha, qed joħroġu ċar u evidenti l-prinċipji li hi tħabbar biex lill-wiċċ uman ittih fiżjonimija sovrumana, dik tal-unità, tal-paċi, dik ta’ hena inċipjenti li min ma jirnexxilux jifhem il-firxa oċeanika tal-Ħajja, inawgurata minn Kristu, għalih tfisser ħolm jew tama fiergħa. Imma iva! L-istorja, jiġifieri l-evoluzzjoni tal-bniedem maż-żmien, tibqa’ tkun dramm, li fl-iżvilupp jieħu żewġ direzzjonijiet opposti għal xulxin, ħaġa li dejjem qed issir aktar emfatika. Araw kif, min-naħa s-saħħa tal-materja qed issir aktar perfetta u qawwija sa tasal iġġib it-trawma li tibża’ minnha nifsha (...min jista’ llum ikejjel kemm huma traġiċi l-perikli li x-xjenza u t-teknina, li qed jeħduha kontra l-ħajja umana, jistgħu jitfgħu b’saħħa fuq wiċċ id-dinja?); u araw, min-naħa l-oħra, is-sinċerità u s-sempliċiità li bihom in-natura donnha trid tfarraġ lill-bniedem u ttih lura l-fiduċja fl-eżistenza. Hemm tant tajjeb li jista’ jsir fid-dinja moderna, u hemm tant ħażen li jista’ jsir li d-destIn tal-bniedem jidher li ddaħal f’riskju li ma nistgħux naħarbu minnu. Aħna għadna ottimisti. Aħna għadna tal-fehma li mid-doni li toffri n-natura nistgħu nisiltu kundizzjonijiet stupendi ta’ fejda għall-eżistenza temporali tagħna. Imma dan ix-xenarju tagħna għandu jkun interpretat fil-pjan aktar wiesa u aktar veru, li r-reliġjon tagħna tiddomina bil-providenza ineffabbli tagħha: is-Salib, bil-pjan tiegħu ta’ tbatija u salvazzjoni jiddominaha. U f’dal punt aħna għandna dmir nikxfu x’inhi l-fehma dominanti tal-uffiċċju tagħna, jiġifieri is-servizz li nagħtu lid-dinja, lill-Knisja. Tajjeb, niġbru kollox f’kelma waħda. Dil-fehma, jiġifieri dal-programm, għalina hu l-Konċilju Vatikan II, li ċċelebrajna fis-snin li għadhom kif għaddew u li issa qed nippruvaw nittraduċuh fi drawwa, fi Spirtu ħaj. Ħuti u wliedi, inkunu fidili lejn din il-ġrajja kbira u nħalluha ddawwal l-istorja tagħna. L-imħabba lejn il-Knisja tgħinna u tmexxina biex nagħmluh verament dawl għall-istorja tagħna u għat-tama tagħna għad-dinja l-oħra. Bil-Barka Appostolika Tagħna.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber
|