Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 20 ta’ April, 1977

 

Il-ħajja ġdida tan-nisrani

 

Iż-żmien jobbligana li nibqgħu għaddejjin bir-riflessjoni tagħna dwar il-misteru tal-Għid, mill-aspett tas-sehem li aħna għandna fi Kristu, aspett ta’ bosta faċċati minħabba l-fatt li ċ-ċelebrazzjoni sagramentali liturġika u morali tal-opra tar-redenzjoni mwettqa minnU u li aħna nerġgħu nġeddu u li b’ċertu mod (sagramentali, penitenzjali, devozzjonali) nerġgħu ngħixu, għandha l-karatteristika li tħalli timbru profond fl-ispirtu u fid-drawwiet tagħna.  Il-karatteristika tal-ħajja nisranija hi l-isforz ma jaqta’ xejn u progressiv ta’ tiġdid u perfezzjonament: il-bniedem ta’ ġewwa, li jgħammar ġo fina, jgħidilna San Pawl, jimmira li jiġġedded “minn jum għal ieħor” (Kol 4,16).  Allura l-mistoqsija li għandha ssir, mistoqsija li tolqot l-imġieba tagħna: Fina hemm taħdem din l-intenzjoni li nibqgħu nipperfezzjonaw ruħna l-ħin kollu?  Jew inkella kollox jibqa’ fis-sura ta’ ħajja rutina li takkużana li d-drawwiet tagħna huma medjokri?  B’hekk minnufih isaltan fina stil ta’ ħajja li mhux biss jiċħad li jitfassal fuq l-eżempju u t-tagħlim ta’ Kristu, imma jipprova jaħrab mill-impenn li fil-mument, iċ-ċelebrazzjoni tal-Għid ġagħalitna nħossu bħala ħaġa loġika, bħala ħaġa urġenti fiċ-ċella sigrieta tal-kuxejnza tagħna, l-impenn illi nkunu nsara awtentiċi.   Ngħidu aħna f’qalbna, irridu nkunu bħall-oħrajn, bħal ħafna individwi magħmulin kollha bl-istess forma, ‘in series’ mis-soċjetà permissiva; anzi, xi kultant l-istint jittantana biex ninqalgħu minn dik il-forma wisq regolari fil-mod kif inġibu ruħna u jħallina nesperimentaw xi ġest riskjuż u spreġudikat ta’ mġieba ‘ħielsa’.

Din hi l-moda; hi qatgħa ta’ stimoli provokanti li jattakkawna minn kull naħa biex jerġgħu jqajmu fina l-passjonijiet li kienu raqdu jew kiddewna, li b’hekk donnhom iridu jesiġu bħala dritt naturali l-esperjenza li s-sentimenti morali retti jgħidulna li huma midinba.  Hemm saħansitra t-tendenza li tinbeda minn kattedri awtorevoli u minn drawwiet spreġudikati, li jittantaw jegħlbu l-iskrupli tal-kuxjenzi sensibbli bil-kura ta’ “Mitrade”, jiġifieri l-vizzju tal-ksur tal-liġi morali.

U dan mhux nisrani, biex ma ngħidux u lanqas hu uman, mhux loġiku.  Minflok, aħna għandna dejjem niftakru żewġ ordni ta’ veritajiet, li huma parti fundamentali tal-prinċipji ta’ kif naħsbu korrettament, u bħala konsegwenza ta’ kif inġibu ruħna.  L-ewwel wieħed jiġi mill-għarfien illi l-antropoloġija tagħna, jiġifieri l-għarfien li għandna tal-bniedem, imdawwal mill-fidi u li b’xi mod hu konfermat mill-esperjenza ta’ niket tagħna, jgħallimna; jiġifieri aħna nafu li l-bniedem huwa essri li fih daħal id-diżordni, li nistgħu ngħidu li jiddestabbilizza l-pjan kostituttiv tiegħu (cfr Rum 7, 15), li spiss insostnu li ma jeżistux jekk mhux minħabba azzjonijiet paralleli antipedagoġiċi; opinjoni li tagħmel ħsara u li għadha moda anki llum.

L-ordni tal-verità l-ieħor jipproponielna speċi ta’ duplikazzjoni tan-natura umana tagħna, li dwarha l-ħsieb ineffabbli ta’ Alla, mogħti lilna premezz tal-fidi, biex ngħidu hekk, tiddomina fuqu “sopra-natura”, “bniedem ġdid”, li lill-“bniedem il-qadim” ittiħ wiċċ imsoffi li minnu tkun tħassret il-kruha tad-dnub, minkejja li ma kinitx imneħħija d-dgħufija li tibqa’ tagħmlu possibbli; imma fuq kollox tkun stampata fih xbieha ġdida ta’ bniedem imġedded, mgħolli għall-filjolanza adottiva ta’ Alla, marbuta ma’ fratellanza li ssir konvivenza ma’ Kristu, u animata min-nifs vitali, divin, li nsejħulu grazzja u li aħna nattribwuh lill-ispirtu s-Santu.

Hekkhu għala l-kunċett ta’ ħajja bla tebgħa, jiġifieri pura, sempliċi, sabiħa, jingħata lura, jew pjuttost jingħata lil dawk li jkunu rċevew il-magħmudija u li – kif jafferma San Pietru fl-ewwel ittra tiegħu – kienu meħlusin “bid-demm prezzjuż ta’ Kristu”, “mill-ħaruf bla tebgħa”.

Dan l-ideal ta’ ħajja innoċenti, bla tniġġis, bla tebgħa għandu jerġa’ jidħol lura fil-mentalità nisranija u jnissel mill-ġdid fina l-intenzjoni u l-grazzja ta’ eżistenza ġdida, verament paskwali.

Bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....