Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ENERALI

L-Erbgħa, 19 ta’ Lulju, 1978

 

Kuxjenza morali u relazzjoni ma’ Alla

Uliedi l-aktar għeżież!

Aħna u nsellmulkom minn qigħ qalbna, qabel kollox inħossu l-ħtieġa li rrodulkom ħajr tal-wirja ta’ qima  mimlija għożża li qed turuna bil-preżenza tagħkom.  Intom tinsabu hawn bħala xhieda tad-devozzjoni u l-fedeltà li jorbtukom mas-Suċċessur ta’ Pietru.  U tinsabu hawn ukoll biex titolbu mingħandu kelma ta’ orjentazzjoni spiritwali, li tkun għalikom gwida u stimolu fil-impenn tal-ħajja ta’ kuljum ta’ koerenza nisranija.

Tajjeb, il-kelma li għandna f’moħħna nħallulkom dalgħodu jissuġġerihielna ż-żmien karatteristiku annwali tal-vaganzi: aħna għandna niddedikaw dal-ġranet mhux biss biex nistaħju fil-forzi fiżiċi tagħna u fl-enerġiji psikiċi, imma wkoll, kif għidna drabi oħra, fl-enerġiji spiritwali: forsi dawn mhumiex ukoll parti – u parti ewlenija – tar-realtà umana tagħna?

Issa, f’dan l-impenn ta’ rkupru spiritwali, l-ewwel biċċa xogħol li jidhrilna għandha tingħata attenzjoni, hi dik li naslu ngħidu li hija r-riġenerazzjoni tal-kuxjenza, jiġifieri ta’ dak l-att riflessiv u personali li permezz tiegħu aħna nkunu preżenti għalina nfusna.  Ovvjament, mhux tant il-kuxjenza psikoloġika li tinteressana bħalissa, jiġifieri dik il-kuxjenza li tifforma l-għana tal-ħajja interjuri tal-bnedmin ħassieba li tista’ timmanifesta ruħha b’elf mod differenti, fil-biċċa l-kbira tagħhom fantastiċi.  Aħna jinteressana nagħtu lill-kuxjenza tagħna, f’dal-waqt, l-espressjoni l-aktar għolja u karatteristika tagħha, dik li nsejħulha “kuxjenza morali”.

Jekk tishar b’attenzjoni u tkun doċli bla ebda kundizzjoni għall-kmand ta’ dak li hu moralment tajjeb, ibda minn dak fundamentali, li skontu “dejjem għandu jsir il-ġid u l-ħażen naħarbuh”, il-kuxjenza morali ma tistax ma twassalx għal att reliġjuż, jiġifieri għall-għarfien tar-relazzjoni tagħna li tiddependi mill-Tjubija assoluta u li ma tinbidilx, li hu Alla.

Uliedi għeżież, hu propju dan il-ġudizzju dwarna nfusna imsejjes fuq ir-relazzjoni mill-aktar għolja u indispensabbli, dik ma’ Alla, li għandha tokkupa l-waqtiet privileġġjati ta’ daż-żmien ta’ mistrieħ u ta’ attività spiritwali.  Sfortunatament, fil-psikoloġija moderna ddaħlu kważi bi vjolenza oġġezzjonijiet bla għadd u mill-aktar gravi kontra l-valur tal-kuxjenza morali: mill-attività spiritwali tal-bniedem iridu jeliminaw għal kollox dan l-att riflessiv u deċisiv, li huwa appuntu l-kuxjenza morali, jiġifieri l-ġudizzju li spirtu intelliġenti u seren jgħaddi fuqu nnifsu, meta jitqabbel mal-esiġenzi tal-liġi morali (cfr. San Tumas Summa Theologiae, I-IIæ, qq. 90-108), li fl-essenzjalità tagħha jesprimi r-rieda ta’ Alla nnifsu, bidu traxxendenti u għan beatifikanti ewlieni tagħna.  L-awgurju tagħna hu li l-waqfa tas-sajf mid-drawwiet tas-soltu tkun tista’ sservi għal impenn li jaħji, ta’ tisfija interjuri, li tkun sejba ferħana mill-ġdid, tagħna nfusna, u, fuq kollox, ta’ dak id-djalogu intimu u meraviljuz, li kull wieħed u waħda minna jista’ jinseġ, fis-santwarju tal-kuxejnza morali tiegħu, ma’ Alla ġust u ħanin.

Bil-Barka Apostolika tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

  

Minn Papiet oħra ....