Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

 

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 19 ta' April, 1978

 

Inħobbu 'l Alla biex inħobbu l-proxxmu

 

Bi grazzja tal-Mulej aħna ġarrabna l-hena spiritwali - wieħed mill-waqtiet l-aktar importanti tal-ministeru tagħna -, li niddikjaraw 'beata' lil Maria Caterina Kasper, fundatriċi ta' Kongregazzjoni reliġjuża  tan-nisa, fil-Ġermanja, iżda li tuul is-seklu li għadda nfirxet madwar id-dinja kollha.  Dil-Kongregazzjoni hi dedikata għas-servizz tal-proxxmu, permezz ta' bosta opri ta' karità.  Dil-beatifikazzjoni fakkret u kompliet ixxerred l-għarfien ta' dil-pia istituzzjoni li llum jistħoqq li l-Knisja tagħmel riflessjoni dwarha.

Aħna neżaminaw dal-fatt, li issa u għal dejjem jibqa' mniżżel fl-istorja reliġjuża tad-dinja, flimkien ma fundazzjonijiet simili, li taw karattru lill-ħajja tal-Knisja tul is-seklu li għadda speċjalment bit-twarrid ta' istituzzjonijiet evanġelikament u soċjalment meraviljużi, tant li saru fenomenu li jikkwalifika u jsaħħaħ il-preżenza tal-Knisja f'soċjetà li dejjem tiżviluppa u li minnha nfisha żgur mhix imnebbħa mill-fidi u t-tradizzjonijiet tas-sekli ta' qabel.  Imma tul is-seklu dsatax, enerġija ġdida reġgħet qanqlet is-sens reliġjuż kristjan, li tidher partikolarment fl-opri li jolqtu l-uumanità u mnebbħin b'mod ewlieni minn reliġjożità kattolika.

Dan l-aspett tat-twelid enerġiku spiritwali tal-kattoliċeżmu jiffoka l-aktar fuq inizjattivi partikolari, li kull waħda minnhom għandha f'għeruqha u f'qalbha l-figura umana, umanissma, biex tiġġenera, tiġbor fiha, tittimbra u ddejjem karattru reliġjuż u soċjali speċifiku.  Il-qdusija tagħni b'enerġija stupenda lil kull waħda minn dawn il-figuri, tant illi għall-merti tagħhom il-Knisja tikseb sbuħija ġdida u turi wkoll anki lill-għajnejn profani u ostili l-enerġija straordinarja tagħha, li llum ma niddejqu xejn isejħulha kariżmatika.  Liema qdusija?  Hi qdusija dejjem unika u oriġinali minkejja li tesprimi ruħha b'għamliet li jixxiebħu tant li l-wiċċ storiku tal-Knisja fid-dinja jidher qiesu ġnien fir-rebbiegħa.

F'dal-ġnien - li l-botanika, jew aħjar l-aġjografija tal-Knisja, minħabba li tant huma fl-għadd, issibha bi tqila ssemmiehom kollha, tikklassifikahom u tagħżel u tagħraf kultant liema hu l-isbaħ fjur - nammiraw il-Qaddisin moderni li jhennu l-Knisja u juru l-qdusija dejjiema tagħha, qdusija li tixrob mill-għajn tal-grazzja divina li qatt ma tintefa.

Nifirħu fil-Mulej! u lkoll kemm aħna nieqfu għal ftit ħin nikkuntemplaw il-fjura li nagħtat għall-qima tal-Knisja.  Maria Caterina Kasper hi appuntu fjura ta' sbuħija singolari u timmerita ammirazzjoni u li nimitawha.  Twieldet f'art awstera iżda kemm kienet ta' ħbiberija soċjali għal dik l-art fortunata!  Twieldet mill-popolin; u dil-kundizzjoni kienet ta' fejda għas-sempliċità naturali u kif għaġnet il-qawwa ta' dil-mara li kkonsgrat l-eżistenza kollha tagħha biex isservi l-poplu.  Twieldet fqiral iżda x'ħila kellha biex mill-esperjenza tal-għana tal-ħajja evanġelika tagħraf tgħix il-kariżma: l-umiltà, ix-xogħol, is-simpatija soċjali, l-ispirtu tal-qadi, is-sens tal-ubbidjenza u tal-ordni.  Twieled ħaddiema: qiegħdet l-enerġija kollha tagħha fit-tbatija biex ikollha l-ħobż, speċjalment għall-oħrajn.  Twieldet u kibret 'il barra mill-ambjenti tal-kultura profana, imma kemm dehen, liema intwizzjoni tar-realtà umana tidher fil-mod kif għexet fost in-nies tal-ambjent tagħha u ta' żmienha.

Twieldet mara; u kemm tjubija, kemm delikatezza  kemm imħabba xerrdet madwarha fis-safa verġinali tad-drawwiet tagħha.  Cristiana twieldet mill-ġdid bħala Maria Caterina bil-Magħmudija mqaddsa  bl-edukazzjoni pija u popolari tal-professjoni tagħha bħala persuna umli, sempliċi, komuni, nistgħu ngħidu li hi bint il-Knisja kattolika; u fil-fehma tagħna dan hu l-punt fokali li fih hemm ikkonċentrata l-firxa tal-virtuwijiet tagħha u li minnhom tiżreġ id-dija qawwija tal-qdusija attiva, kalma, maġistrali tagħha: il-koinċidenza tal-imħabba lejn Kristu u fi Kristu lejn il-misteru divin li minnu titnissel il-vokazzjoni gratwita ewlenija u sħiħa biex inħobbu għax "Hu ħabbna l-ewwel" (1 Ġw 4, 10); il-koinċidenza, biex ngħidu hekk, tal-imħabba lejn il-proxxmu, dak il-proxxmu, hu min hu, li għandu bżonn min iħobbu, jaqdih, jieħu ħsiebu, jaħfirlu.  Il-kelma koinċidenza ma tiddeskrivix eżatt ir-relazzjoni bejn l-imħabba t'Alla u l-imħabba tal-proxxmu; hu aktar eżatt jekk ngħidu li din hi l-għajn; fl-ekonomija evanġelika, l-imħabba lejn il-proxxmu titnissel, għandna tkun imnebbħa mill-imħabba lejn Alla, mill-imħabba reliġjuża.  Dan hu katekiżmu elementari imma fundamentali: inħobbu 'l Alla biex inħobbu lill-proxxmu, li fih, jekk hu jinsab fil-bżonn, batut, miżerabbli hemm il-persuna ta' Kristu: "mihi fecistis" intom għamitlu miegħi il-ġid li għamiltu mal-bniedem li qed ibati u fil-bżonn (Mt 25, 40).  Maria Caterina hi beata li fiha seħħet bis-sħih din il-kelma eterna li għadha titwettaq f'uliedha.

Ħajr lil Alla, ġieħ lil Maria Caterina tama tagħna.

Bil-Barka Appostolika tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

  

Minn Papiet oħra ....