Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 18 ta’ Mejju, 1977

Il-Fidi u l-Għid

 

Aħna ċċelebrajna l-Għid.  Jiġifieri l-ġrajja kbira tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu.

Din hi ġrajja kbira, kapitali nistgħu ngħidu, minn żewġ aspetti: l-aspett li jolqot lil Ġesù nnifsu;  Hu wera ruħu hekk, Hu temm l-opra li għaliha kien ġie fid-dinja, Hu daħal fid-dinja, fl-istorja bħala dawl għall-umanità (cfr Ġw 1, 9; 8, 12), qiesu li fid-dlam li jiksi l-art, iddiet xrara li biha nkixef kollox, tat sens lil kollox, lill-ispazju, liż-żmien.  Hu il-veru Mgħallem tad-dinja (Mt 23, 8), Hu l-bidu u t-tmiem (Ap 1,8), eċċ.  Ġesù Kristu waħdu jagħmel mill-univers spettaklu meraviljuz u terribbli.  Imma mbagħad, il-preżenza ta’ Ġesù fiż-żmien tikseb importanza oħra, dik tar-relazzjoni li Hu għandu mal-bnedmin: magħna, ma’ kull wieħed u waħda minna.  Hu s-Salvatur tagħna; aħna ma nistgħu nagħmlu xejn mingħajru (cfr Ġw. 15, 5).

Hemm bżonn nirriflettu fuq dan il-prinċipju.  Aħna neħtieġu lil Kristu.  Kif nagħmlu biex nidħlu f’komunikazzjoni miegħu?  U anki kieku kellna x-xorti li għexna fi żmienu, u li nersqu lejh personalment, kien ikollna ħila nagħrfuh għal dak li kien, li nifhmuh, li nidħlu fil-fond tas-sigriet tad-divinità tiegħu?  Kien ikun verament possibbli niskopru lil Kristu, in-natura doppja tiegħu umana u divina, il-Persuna divina tiegħu, veru Iben ta’ Alla, il-Verb ta’ Alla, infinit u etern?  Imbagħad għalina, bogħod minnu fiż-żmien u mgħaddsin fl-oċean tal-umanità, kif jista’ jkun possibbli nersqu lejh u jkollna x-xorti beata li nkunu maħbubin u magħrufin distintament minnu, li nkunu salvati minnu?  Għaliex din hi l-problema li teħtieġ soluzzjoni, is-salvazzjoni tagħna, li nkunu salvati minn Kristu; kif inhu possibbli?  X’fejda tkun għalina li niċċelelbraw l-Għid tal-Mulej ladarba dan ma seħħx illum, la mhuwiex attwali u operattiv għalina?  Il-problema li għalina hi bla soluzzjoni, il-Mulej solvieha b’mod mirabbli.  Isimgħu l-aħħar kelmiet li jtemmu l-Evanġelju ta’ San Mark: “Min jemmen fija u jitgħammed, isalva”(Mk 16, 16).  Il-fidi u l-azzjoni sagramentali tal-Magħmudija huma ż-żewġ kundizzjonijiet fundamentali biex nidħlu fl-isfera mdawla u reali tas-salvazzjoni nisranija li mhix ħaġa ta’ ftit valur ladarba tgħaqqadna saħansitra mal-ħajja immortali u divina ta’ Kristu.

Ladarba hu hekk, u hekk hu, l-interess tagħna jdur l-ewwel lejn il-fidi: x’nifhmu biha l-fidi?  U kif naslu għaliha, kif nistqarruha?  Il-kwistjoni ssir gravi mil-ġdid: “mingħajr il-fidi impossibli nogħġbu ‘l Alla” (Lhud 11, 6).  Ninsabu fuq l-għatba tar-reliġjon ta’ Kristu: jidħol  min jemmen!  X’volum kbir ta’ problemi reliġjużi jinsab quddiemna!  Aħna issa se nieqfu fuq fuq dwar l-ewwel paġni ta’ dal-ktieb tal-fidi, li jistgħu jinġabru fi kliem sempliċi: imbagħad wara jesiġu studju twil għal min irid ikompli jesplora l-ktieb misterjuz.  U l-ewwel paġna, dik li teħel fiha d-dinja profana, minnufih hi iebsa u inflessibbli: il-fidi hi saltna ta’ misteru; għalina tul dil-ħajja tagħna, li għadha biss taħriġ, bidu, hija xjenza oskura; ma tistrieħx fuq argumenti ta’ evidenza razzjonali; veru li mwieżna minn raġunijiet eċċellenti ta’ kredibbiltà kemm intrinsika u wkoll estrinsika, imma mwaqqfa fuq l-awtorità ta’ rivelazzjoni, fuq il-Kelma t’Alla.  Dan l-aspett ta’ fidi waħdu huwa diffikultà għalina li aħna studenti tar-raġuni tagħna, u aħna ribelli tant illi niddikjaraw ruħna ħassieba hielsa biex nammettu l-veritàjiet li ma nistgħux nagħtu tifsira diretta tagħhom, bla ma naħsbu li quddiem il-Verità, meta din timmanifesta ruħha realment, aħna dejjem, jekk nafu nirraġunaw, għandna nkunu doċli.  Il-fidi hi misterjuża u oskura għal moħħna, madankollu meta dan jidħol fl-iskola tagħha, jibda’ jara, sa ma’ jibqa’ mistagħġeb u hieni, irqajja ta’ sbuħija u dawl stupendi u profondi.

Madankollu hekk hu: il-fidi hi sema li tisboq dak li aħna nifhmu b’mod naturali.  Il-fidi timpenjana, iva, tintrabat mal-inteliġenza imma mhux nieqsa mir-rieda.  Biex nemmnu irid ikollna r-rieda.  Li jfisser li l-fidi hi ħielsa.  Diskors importanti ħafna, speċjalment illum li l-Konċilju afferma din il-prerogattiva tal-bniedem ħassieb, fil-qasam reliġjuż ukoll; propju l-Konċilju jafferma mill-ġdid li “l-bnedmin kollha mistennija jfittxu l-verità, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla u l-Knisja tiegħu (Dignitatis Humanae, 1).

Irridu nikkunsidraw ukoll it-tielet punt aħna u neżaminaw dawn l-aspetti li jħejjuna għall-fidi, jiġifieri l-beatitudni taċ-ċertezza li din tiġġenera fl-ispirtu ta’ min jilqagħha b’umiltà mdehena.  Imma dwar dal-punt forsi jkollna nerġgħu nitkellmu f’xi okkażjoni  oħra.  Għalissa biżżejjed għalina niftakru li d-dawl tal-misteru paskwali jibqa’ fina u nerġgħu ngħejxuh mil-ġdid permezz tal-fidi.

Nawgurawlkom dan bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....