Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 16 ta’ Marzu, 1977

 

Libertà u dmir fil-ħajja nisanija

 

Il-jiem igerbu tar-Randan u l-avvanz tal-pedagoġija mimlija għerf tal-liturġija taż-żmien, jikkonvinċuna, kważi kważi jobbligawna nirriflettu fuq it-tema ewlenija ta’ dan iż-żmien straordinarju, verament żmien qawwi għall-ispirtu: il-konverżjoni.  Aħna għandna s-sejħa biex nikkonvertu, biex nagħmlu l-penitenza.  B’dan ir-ritornell, il-Knisja sa mill-eqdem żminijiet tagħha, żvilippat kotra kbira ta’ temi teoloġiċi, spiritwali u morali, biex tesprimihom fir-riti liturġiċi, bħalma hi l-predikazzjoni tal-Missirijiet il-kbar, bl-għan li tħejji l-qlub għall-konverżjoni u huwa magħruf sew kif iż-żmien tar-Randan jantiċipa l-għoti tal-Magħmudija u r-rikonċiljazzjoni tal-midinbin bil-Penitenza (bis-Sagrament tar-rikonċiljazzjoni).

B’hekk il-Knisja kompliet tgħaddi l-messaġġ tar-Rivelazzjoni, li permezz tiegħu Alla sejjaħ lill-bnedmin biex jidħlu f’komunjoni miegħu u biex ikissru x-xkiel li jfixkel il-mixja tagħhom.  Għax din hi verament mixja: il-konverżjoni hi mixja, biex ngħidu hekk, lura, kif juri l-verb għebrajk šûb (tibdel it-triq, iddawwar lura d-direzzjoni, terġa’ lura).  Hi idea profonda u stupenda li tiddomina l-paġni tat-Testment l-Antik, partikolarment il-profeti (cfr. Iż. 1, 11-17; Ġer. 3, 21-25; 4, l-4; 31, 18; 36, 3; Eż. 11, 19 ss.; 18, 31 ss.; 36, 26-31; Am. 5, 14 ss.; Hos. 14, 2-9),

li jgħollu leħinhom biex lill-poplu ribell jistednuh jerġa’ lura lejn Alla, kif jagħmel Iżaija bil-kliem jaħraq: “Inħaslu u tnaddfu, neħħu l-ħażen ta’ għemilkom  minn quddiem għajnejja, ieqfu mill-ħażen, tgħallmu għamlu t-tajjeb, fittxu d-dritt” (Iż. 1, 16 ss.); jew kif iwiegħed Ġeremija, il-profeta tal-konverżjoni per eċċellenza: “Nagħtihom qalb li tagħrafni għax jien il-Mulej; u huma jkunu l-poplu tiegħi u jiena nkun Alla tagħhom” (Ġer. 24, 7).  Dan il-leħen isir talba fis-Salmi  - tiftakruh il-Miserere? -“Oħloq fija qalb safja o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija” (Salm 50, 12).  Fi żmien Kristu din l-għajta dwiet bil-qawwa kollha tagħha minn fomm il-Prekursur (Mat. 3, 2. 8; Lq. 3, 10-14);

u Ġesù jagħmilha s-sinjal iżarżar tal-miġja tas-Saltna t’Alla, anzi l-ewwel kundizzjoni għad-dħul fis-saltna tas-salvazzjoni li Hu ġie biex iwaqqaf fid-dinja: “Iż-żmien wasal u s-saltna t’Alla hi fil-qrib; indmu u emmnu fl-Evanġelju” (Mk. 1, 15; cfr. Mat. 4, 17). Ġesù ġie biex isejjaħ lill-midinbin għall-konverżjoni (cfr. Lq. 5, 32): il-pubblikani, il-mara midinba, il-ħalliel it-tajjeb huma sinjal ħaj ta’ dil-possibbiltà, ta’ dir-realtà ta’ rkupru li Bin Alla joffri lill-umanità mħassra minħabba d-dnub.  Hemm bżonn twelid ġdid (cfr Ġw 3, 3), jeħtieġ nerġgħu nsiru bħat-tfal (cfr Mt 18, 3)  Niftakru liema qawwa ta’ qdusija kellha din il-kelma għal ruħ mill-aktar qaddisa taż-żminijiet moderni, Tereża ta’ Lisieux!

Ma nehdew qatt infakkru kliem u fatti mill-Vaneġlu li jitfgħu dawl fuq is-sens u l-valur ta’ dil-konverżjoni, ta’ dil-penitenza, ta’ dil-metánoia, li hi appuntu, taqliba sħiħa minn ġewwa, bdil fir-rotta, ritorn f’dirgħajn il-Missier kif hemm deskritt b’pinzellati mlewna u inkomparabbli fil-parabbola tal-iben li jerġa’ lura (cfr Lq 15, 11-32).  Kif nifhmu tant tajjeb mit-tagħlim ċarissmu ta’ Ġesù, l-għan hu bidla profonda, f’żewġ direzzjonijiet.

Qabel kollox, bidla fil-mod kif naħsbu, fil-mentalità, fil-movimenti intimi tal-azzjonijiet tagħna: naħsbu dwar kemm hi diffiċli bidla bħal din, jekk tinvolvix il-personalità l-aktar sigrieta u profonda ta’ kull wieħed u waħda minna; u, fit-tieni tifsira, tfisser ukoll bidla tal-imġieba fil-prattika, fl-aġir tagħna, ħalli l-azzjonijiet li jidhru tagħna, mneżżgħin minn kull kuntradizzjoni interna, ikunu jaqblu mar-rivoluzzjoni interna li tkun seħħet fl-ispirtu tagħna.

F’kelma waħda jfisser li ħsiebna u ħajjitna jkunu dejjem konformi b’mod sħiħ, dejjem isħaħ, mar-rieda t’Alla, li Ġesù jgħidilna biex nitolbu fit-talba programmatika tan-nisrani: ikun dak li trid Int (Mt 6, 10), bla ostakli, bla ma ntellgħu u nniżżlu, bla reżistenza; kif fis-Sema hekkda fl-art.

Dan hu kliem iebes, imma biss għal min jirrifjuta li jiftaħ qalbu għal leħen tal-Mulej, għal min iwebbes rasu u jibqa’ miexi “fid-direzzjoni projbita”, kontra kull twissija tar-Rivelazzjoni u tal-kuxjenza.  Ċertament ninsabu bogħod ħafna mill-idea permessiva moderna, li b’mod mil-aktar provokatorju, l-aktar għal min mhux sħiħ u qawwi, tigglorfikia libertà li mhi xejn aktar ħlief libertinaġġ; istint, interess, amoralità u immoraliżmu li jissarfu biss f’egoiżmu bla ebda rażan; iżda b’hekk ninsew li hemm relazzjoni kemm ontoloġika kif ukoll eżistenzjali u deontoloġika, bejn il-libertà mħaddma virilment u konxjament, u d-dmir li minnha jislet il-forza, il-virtù u l-mertu.

Diffiċli?  Dażgur.  Imma mhux impossibbli.  Hi t-triq li Alla minn dejjem fassal għal min irid ikun dehen isir ibnu.  Insibu l-qawwa biex interrquha?  Iva.  Kristu stess jagħmlilna dis-sejħa bi kliem mill-aktar impressjonanti, ta’ sfida li għandhom jinkulkaw tant serħan ir-ras anki f’min hu mitluf fil-bogħod: “ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema” (Lq 15, 7).  Iva, hekk hu, hekk ikun, ħuti u wliedi għeżież.

Bil-Barka appostolika Tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....