Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 16 ta’ Frar, 1977

 

Inħobbu d-dinja kif jgħallimna l-Evanġelju

 

Id-diskors tagħna tal-lum se jkun mill-ġdid dwar id-dinja.  Iva, għax dil-kelma “dinja” hi tant komuni li faċli tikseb tifsiriet differenti, u kważi f’kull waħda hemm enfasi espressiva li lill-mentalità tagħna tikkundizzjonaha b’viżjoni sintetika, sommarja, li fiha ċertu ġudizzju filosofiku li jeħodna lura lejn il-prinċipji li jorjentaw il-ħsieb tagħna, u għalhekk l-istess attivitajiet tagħna.  Umilment diġà għidna xi ħaġa dwar l-ewwel tifsira, li biha ridna nfissru l-viżjoni panoramika tagħna dwar l-univers; id-dinja tfisser il-kożmu; u jekk dan hu s-sens l-aktar komuni tal-kelma “dinja”, rajna kif dan jeħodna lura lejn l-oriġini ta’ dak kollu li jeżisti; il-problema tal-eżistenza tagħna tattakka l-ħsieb tagħna: dak li nifhmu bil-kelma “dinja”, jekk għalina hix l-eżistenza tagħna u dak li aħna, dak li hawn madwarna, dak li kien, li hu u li għad irid ikun. U osservajna kif dil-kelma tqila u mċajpra tikkumplika ruħha u tressaqna lejn it-tifsira doppja u fundamentali tat-tifsira intima tagħha, li nistgħu nittraduċuha bil-verb “essere” (to be) jew bil-verb “esistere” (eżista), li fl-istess ħin jiġbidna lejn ir-raġuni kemm tal-‘essere’ kif ukoll tal-‘esistere’: kif teżisti d-dinja? Għal liema pinċipju d-dinji hi li hi?  Infatti, hekk kif id-dinja nosservawha bil-ħsieb tagħna dan jimraħ fuq is-sigriet eżistenzjali tagħha, naraw illi, kif tidher, hi ma tispjegax il-għala teżisti, imma tafferma ruħha bħala barranija u superjuri għaliha nfisha: hi l-famuża problema ta’ Alla li jiddi bħala ħtieġa minħabba ċ-ċpar innifsu.  Il-kuntemplazzjoni tad-dinja tobbligana nintrefgħu lejn l-għajn superjuri u mhux magħrufa, minkejja li dejjem preżenti u taħdem, jiġifieri l-misteru ta’ Alla: “is-smewwiet ixandru l-glorja t’Alla, għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema’ (Salm 19, 2).  Hija assurdità li taħseb mod ieħor.  Iżda l-kelma “dinja” kif inhu magħruf, toffri tifsira oħra, kemm fil-lingwaġġ komuni, kif ukoll f’dak li jinteressa lilna, jiġifieri dak bibliku, speċjalment fit-Testment il-Ġdid: id-dinja tfisser l-umanità, tfisser il-ġeneru uman; u dan fl-ewwel tifsira tagħha, li nistgħu nqisuha ottimista, għax fl-Evanġelju (f’San Ġwann b’mod partikolari) fiha tifsira oħra, negattiva, għax tippreżentalna dinja taħt is-setgħat tal-ħażen (cfr 1 Ġwanni 5, 19: “id-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-Ħażin”).

Imma issa se neżaminaw l-ewwel tifsira, dik pożittiva, ottimista, li skontha d-dinja mhi xejn aktar ħlief oġġett tal-imħabba t’Alla.  Inżommu f’moħħna u fi qlubna din ir-rivelazzjoni mdawla u meraviljuża: “Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kulmin jemmen fih ma jmutx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw. 3, 16; cfr. Rum. 5, 8; 8, 32; 1 Ġw. 4, 9).  F’dan tinsab it-teoloġija kollha tas-salvazzjoni; dan hu l-passaġġ mogħti lilna biex nidħlu aktar fl-istess qalb ta’ Alla: l-imħabba lejn id-dinja, lejn il-bniedem, lejn il-kundizzjoni tiegħu ta’ dinjità u miżerja, lejn l-universalità tal-ħajja tiegħu fuq din l-art u fiż-żmien.  Alla jħobb!  Alla jħobbna!  Alla ħejja ekonomija ta’ mħabba indeskrivibbli, bla qies permezz tal-inkarnazzjoni u r-Redenzjoni, permezz ta’ Kristu Salvatur, li miet, irxoxta għall-bnedmin kollha.  Il-qniepen kollha tad-dinja qatt mhuma biżżejjed biex ifakkru lill-abitanti kemm hi kbira dix-xorti, din il-hena!  Dan hu l-kristjaneżmu: hu jseħħ kollu kemm hu fl-

isfera tal-għana tal-imħabba bla tarf u beata ta’ Alla għalina (Ef 2, 4; 5, 2).  Minn hawn tibda l-antropoloġija kristjana, jiġifieri l-għarfien li għandna tal-umanità: id-dinjità, is-sagralità tal-ħajja umana jsibu l-għeruq l-aktar profondi tagħhom f’din l-imħabba ta’ Alla; Hu jneħħi kull firda, kull mibegħda bejn il-bnedmin jekk ikunu lkoll aħwa: għaliex bniedem kontra bniedem ladarba lkoll ulied tal-istess Missier ċelesti, lkoll eredi tal-istess sagrifiċċju ta’ mħabba ta’ Kristu, ilkoll iddestinati li nieħdu mill-istess fewġa ta’ mħabba kbira tal-Ispirtu s-Santu?  Għaliex l-appostli, għalfejn il-missjunarji, għal xiex isservi l-ħajja pastorali tal-Knisja jekk mhux għal din l-imħabba ta’ Alla lejn id-dinja, għalfejn il-maħfra, għalfejn il-paċi bejn il-bnedmin jekk mhux għall-imħabba li għallimna Alla nnifsu, Hu li ħabbna l-ewwel? (1 Ġw 4, 10).

Jekk din l-imħabba, b’ipotesi ta’ swied il-qalb bla tarf, tintefa’, “il-filantropija” umana tibqa’ ħajja?, iva, bħala vokazzjoni mħawla fil-qalb tal-bniedem, bħala tentattiv nobbli ta’ progress ċivili (fil-biċċa l-kbira tiegħu ta’ oriġini kristjana); imma forsi mhux possibbli wkoll li jibdew isaltnu l-egoiżmu, il-mibegħda u l-brutalità tal-homo homini lupus, kif l-istess progress li sar fl-armamenti, għadu jħallina mbeżżgħin fid-dinja moderna tagħna?

Nitgħallmu wkoll illum, aħna l-insara, inħobbu d-dinja kif jista’ jgħallima l-Evanġelju mhux b’xi ideoloġija oħra; b’entużjażmu conġenitu għall-bniedem li jitwieled (cfr Ġw 16, 21), b’rispett sagru lejn din il-mera ta’ Kristu, jiġifieri l-bniedem sofferenti, bi spirtu ta’ servizz u sagrifiċċju li l-imħabba tal-proxxmu ttiha valur reliġjuz, traxxendenti, għall-eternità: “mihi fecistis” (dak li għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar għamiltuh miegħi) (Mt 25, 40).  Kemm tkun sabiħa d-dinja kieku kellha tkun verament kristjana!

U bix-xewqa komuni ta’ dan il-ġmiel irċievu l-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....