Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

 

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 13 ta’ April, 1977

 

Il-Magħmudija tagħmilna sehem mill-qawmien ta’ Kristu

 

Xi jfisser li tkun nisrani?  L-ewwel tifsira, kemm fiż-żmen u wkoll fl-importanza, ġejja mill-fatt li aħna magħmulin denji li nġibu dan l-isem, imma mhux bħala sempliċi kwalifika soċjoloġika (cfr Atti 11,26) imma bħala relazzjoni vitali ma’ Kristu, tad-dħul fis-Saltna t’Alla.  Għallimna dan Ġesù nnifsu meta lill-ewwel “persunaġġ” imgerrex, imma li wara sar fidil għal kollox mal-predikazzjoni tal-Imgħallem u għall-influwenza messjanika tiegħu, Nikodemu qallu: “jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-Saltna ta’ Alla” (Ġw 3,5).  B’hekk kien imħabbar minn qabel dan is-sinjal sagramentali li jġedded, il-Magħmudija.  Dan kellu jkun l-ewwel sinjal li jidher, minkejja li mhux nieqes mill-istqarrija interjuri ta’ sentimenti ta’ fidi u penitenza, mitlub u mogħti lill-ewwel segwaċi tal-predikazzjoni appostolika minnufih wara l-inżul tal-Ispirtu s-Santu, wara l-Pentekoste (Atti 2,38; 3, 19 - 4,4); u dan ir-rit indispensabbli u karatteristiku minnufih ġie dikjarat bħala rabta mal-Passjoni tal-Mulej, mal-Għid tiegħu (Rum 6,3; eċċ).  L-ewwel relazzjoni ta’ salvazzjoni essenzjali ta’ ħajjitna ma’ Kristu, li miet u qam għalina, hi stabbilita permezz tal-magħmudija: “Kristu, l-Għid tagħna, kien offrut b’sagrifiċċju!”, jistqarr San Pawl, qiesu qed jafferma mill-ġdid il-kanoni fundamentali tar-reliġjon, li appuntu minn Ġesù Kristu tikseb il-bidu u isimha.  Dal-fatt għandu tant importanza fl-għalqa tal-fidi tagħna li nagħmlu tajjeb jekk niddedikawlu riflessjoni partikolari, jekk irridu li l-Għid li għadna kif iċċelebrajna ma jkunx ġurnata bħall-oħrajn, qiesu festa oħra li ma ttina ebda mbuttatura dwar kif aħna nikkonċepixxu l-ħajja nisranija tagħna.

Aħna se nillimitaw ruħna biex infakkru s-simboliżmu doppju tar-rit tal-Magħmudija, li t-tifsir tagħha idaħħalna fit-tifsira teoloġika, jiġifieri t-tifsira essenzjali tas-sagrament.  L-ewwel: il-Magħmudija hi ħasil.  Kif inhi li tarbija tat-twelid, anzi kull ħlejqa umana, jeħtiġilha tissaffa biex tkun tista’ tidħol fis-saltna t’Alla?  U hawn titfaċċa l-istorja l-kbira tad-dnub tan-nisel, dnub  li propjament kien f’Adam, u li sar wirt ta’ wġigħ għall-ġeneru uman, mhux bħala ħtija personali iżda bħala stat personali u propju ta’ kull iben Adam, bla setgħa li jsalva lilu nnnifsu mill-konsegwenzi fatali tad-dnub tal-ewwel bniedem (cfr S. Injazju ta’ Antjokja Ad Romanos, 5: DENZ.-SCHÖN. 621).  Dan hu punt kapitali fil-pjan reliġjuż tal-kristjaneżmu u tal-umanità kollha kemm hi, li minnu titnissel il-ħtieġa tar-Redenzjoni u x-xorti mill-akbar mogħtija lilna permezz tat-tisfija batteżimali.

U t-tieni simboliżmu tal-Magħmudija: is-sehem mistiku fil-mewt u l-qawmien tal-Mulej.  Nerġgħu naqraw mill-ġdid lil San Pawl: “Ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida.  Jekk aħna sirna ħaġa waħda miegħu f’mewt tixbah lil tiegħu, hekk ningħaqdu miegħu fil-qawmien tiegħu mill-mewt” (Rum 6, 3-5).  San Ċirillu, Isqof ta’ Ġerusalemm, fir-raba’ seklu (313-387) jispjega d-duttrina b’mod aktar miftuh, pijunier mirabbli tal-katekeżi ekkleżjastika sistematika, li, wara kollox, qabel, diġà kien kellu l-imgħallmin tiegħu (cfr F. Prat, Théol. de St Paul, II, 306 ss.).  Ma nistgħux lanqas ma nsemmux b’mod speċjali lil Santu Wistin (S. Ambrosi, De Sacramentis et De Mysteriis: O. Faller, 1955).  Dan biex ngħidu kif il-kunċett nisrani tal-ħajja ma jistax jinfatam mill-fatt illi jkun minfud mit-tagħlim tal-fidi tagħna dwar l-Għid tagħna li hu Kristu mogħti b’sagrifiċċju għalina u li għalina beda mis-Sgarament li jġeddidna, jiġifieri l-Magħmudija.  Ma ninsewh qatt dan.

Bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....