Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 11 ta’ Mejju, 1977

Il-Misteru Paskwali huwa etern

 

L-Għid għadda.  Imma aħna nafu li din hi ġrajja li tibqa’.  Attenzjoni: ma tibqax biss bħala tifkira storika tal-ġrajja li lkoll niftakru: il-mewt mogħtija lil Ġesù, għax, kif kiteb Pilatu fuq it-tabella li twaħħlet fuq is-salib, Hu, “Ġesù Nażżarenu, kien ir-Re tal-Lhud”; u minħabba l-qawmien fit-tielet jum, tal-misteru mislub; imma tibqa’ fir-realtà tal-fatt prodiġuz, imdaħħal fl-istqarrija tal-fidi, il-“Kredu”, li l-Knisja ġġagħalna nirreċitaw b’timbru ta’ ċertezza fl-att tal-Magħmudija u mbagħad waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa; jibqa’ fil-ħajja interjuri ta’ kulmin jemmen, jibqa’ fil-konvinzjoni tas-segwaċi, li lkoll kemm aħna għandna l-ferħ u mkabbrin li għandna sehem magħhom, fis-soċjeta reliġjuża li titnissel mill-Imsallab irxuxtat; tibqa’ fil-mistika u l-preżenza sagramentali, li appuntu, takkumpanja l-Knisja fil-mixja taż-żmien, bl-istennija li fl-aħħar, Hu, Kristu li miet u rxoxta, iqajjem l-umanità mir-raqda tal-mewt, jiġġudikaha u jekk ikun jistħoqqilha, jtiha ħajja ġdida, marbuta miegħu, f’milja ineffabbli (cfr 1 Kor 2, 9).  Din hi l-fidi, din hi l-verità.  Din hi l-viżjoni tal-istorja l-imgħoddija u l-profezija li għad trid tiġi, li l-punt fokali tagħha hu l-mewt u r-ritorn għall-ħajja ta’ Ġesù, li jdawwal id-dinja; hija l-“ Weltanschauung”, il-prospettiva tal-univers.  Nagħmlu tajjeb jekk ħajjitna nagħrbluha fid-dawl ta’ dir-rivelazzjoni.  “Jiena d-dawl tad-dinja” (Ġw 8, 12), qal Ġesù.  U dak li jiġbidna lejh illum, aħna u nippruvaw niffurmaw mentalità paskwali, huwa l-ħsieb li Ġesù nnifsu offra liż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws imnikktin u delużi, kif soltu niddeskrivuhom, il-viżjoni sintetika ta’ dan il-pjan storiko-reliġjuz, li Hu nnifsu hu ċ-ċentru tiegħu.  Tiftakruha x-xena li jiddeskrivi San Luqa?

Nerġgħu naqrawha flimkien.

Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” “X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!  Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj.  Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”  Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti!  U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”  U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.  Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta’ birruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod.  Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm.” Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom.  U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom.  Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom.  U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”  Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”  U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż (Luqa 24, 13-35).

Smajtu.  Ġesù b’imħabba u għożża jakkumpanja liż-żewġ dixxipli fi triqthom, huma li kienu mnikktin għall-aħħar minħabba t-traġedja ta’ nhar il-Ġimgħa l-Kbira, qed jitilfu l-fidi u t-tama: “Aħna konna nittamaw...”.  U l-Mulej f’sura mistura ta’ kumpann li nagħqad mal-passi tagħhom, iċanfarhom; u jispjegalhom is-sens ta’ pjan storiku li għalihom kien għadu mudlam, il-pjan storiku tal-Iskrittura, li saret koerenti u trasparenti bil-Kelma tal-Mulej, issa fehemhuha fit-tifsira bipolari u profonda tagħha: l-ewwel: “kien meħtieġ li Kristu jbati”; it-tieni: “biex hekk jidħol fil-glorja tiegħu”.

Id-dramm tal-libertà, ewlenija u misterjuża, dik ta’ Alla, ukoll fis-sagrifiċċju ta’ Ġesù (cfr Ġw 3, 16); imbagħad dik ta’ Kristu li joffri ruħu b’sagrifiċċju (Gal 2, 20); imbagħad dik ta’ dawk li sallbuh, esekuturi responsabbli, imma li Ġesù stess xorta waħda ddefendihom għax ma kinux jafu x’inhuma jagħmlu (Luqa 23, 34), tad-dixxipli u tal-ispettaturi, li f’ċertu sens huma responsabbli wkoll, u dak il-baħar ta’ bnedmin li dinbu bil-konġura li jissagrifikaw il-Ħaruf t’Alla, “li jneħħi d-dnubiet tad-dinja”..., id-dramm tal-libertà, konna qed ngħidu hawnhekk hu eżaltat, imma assorbit minn pjan superjuri ta’ għerf ineffabbli, ta’ tjubija divina, li jagħti karattru ta’ saħħa meħtieġa lis-salib, u għalhekk lill-qawmien: “kien meħtieġ li Kristu jbati”, “sabiex jidħol fil-glorja tiegħu!”

Dal-misteru paskwali rridu nibqgħu naħsbu fuqu! Hu l-fus tal-ekonomija reliġjuża tad-dinja (cfr Ef 1).

Nibqgħu naħsbu dwaru u ngħixuh.  Bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....