Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 9 ta’ Frar, 1977

 

Mill-ġdid fuq il-passi ta’ Alla

 

Fil-fehma tagħna llum ikun xieraq, għalina wkoll, nies tal-Knisja, nerġgħu neżaminaw, u jekk ikun meħtieġ, nibnu mill-ġdid, il-kastell tal-fidi tagħna, u nimxu minn fażi, li donnha tidher saret drawwa, ta’ penombra ta’ opinjonijiet reliġjużi, inċerti u diskutibbli u li l-ħajja moderna prattikament tqishom ħaġa żejda, għal stat ta’ ċertezza u ċarezza dwar il-mod kif naħsbu u nistqarru r-reliġjon tagħna.

Hemm ħafna nies intelliġenti u għorrief li fejn tidħol ir-reliġjon jippreferu jibqgħu liberi quddiem kull affermazzjoni reliġjuża, li titlob rabta ma xi verità, u jillimitaw ruħhom jistqarru xi espressjoni konvenzjonali, ta’ reliġjożità pjuttost milli ta’ reliġjon vera u propja, xi espressjoni li spiss hi wisq passiva, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ambjenti u ċirkostanzi, aktar milli minn konvinzjoni personali, soda u loġika, li titħaddem fil-ħajja morali u fl-aġir prattiku.  Jikkuntentaw b’konformiżmu nominali, muri kważi aktar minħabba rispett lejn l-oħrajn, u li biex ma jikkompromettux lilhom infushom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kunċett preċiz u organiku tar-reliġjon, li titqies bħala sistema reali, indiskutibbli u impenjattiva.  U dil-mentalità, sfortunatament, ma titqiesx bħala konsegwenza tal-injoranza personali, jew tas-superfiċjalità personali fil-qasam reliġjuż, imma bħala maturità kemm tal-ħsieb u wkoll tal-esperjenza, qieshom xettiċiżmu aristokratiku, jew aħjar bħala mod komdu u prattiku biex jaħarbu mill-kwistjonijiet jaħarqu li r-reliġjon tpoġġi quddiem il-problemi kbar tal-ħajja jekk (ir-reliġjon) titqies awtentika u li torbot.

Eżempju.  Jekk lil xi student tal-klassijiet tagħna tal-katekiżmu nistaqsuh x’inhi d-dinja, hu jweġibna lura: imma dwar liema dinja trid li nitkellmu: dik li ngħixu fiha?  Jew dik li jitkellem spiss dwarha l-Evanġelju?, jiġifieri dinja li niddeskrivuha bħala l-kożmu, bħala sema u art?  Bħala univers? Jew bħala umanità?, inkella bħala dik l-umanità, li teħodha kontra l-fidi, kontra s-Saltna t’Alla, kontra Kristu?  Diġà semmejna darb’oħra il-pluralità tat-tifsiriet li għandha dil-kelma komuni ħafna (cfr Tagħlim ta’ Pawlu VI, V (1967) 727; għalissa se nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq id-dinja kif nifhmuha bħala realtà esterjuri u materjali li ngħixu fiha.  U se naraw minnufih li l-kwistjoni ssir fundamentali; din timpenja l-ħsieb b’mod li nistgħu nsejħulu deċisiv; issir ħsieb kożmoloġiku, jiġifieri li jifrex xenarju universali fuq l-affarijiet, fuq il-kawża tal-ġrajjiet, fuq il-jien u l-valuri li hawn madwari.  Tesiġi tweġiba; kieku tkun miċħuda l-intelliġġibiltà tal-affarijiet tisfa’ kompromessa, jekk tkun aċċettata superfiċjalment, b’mod irrazzjonali, jista’ jidher ġustifikat li d-dinja ma fihiex sens, jew aħjar id-dinja nibdew nifhmuha qiesha m’għandha ebda tifsira, jiġiefieri qiesha saltna tad-dlam, lejl universali, dak li mhijiex fd-dehra tagħha, jiġifieri awto-spjegazzjoni, qiesha panteiżmu assurd li jaqleb ta’ taħt fuq kulma hu razzjonali, filwaqt li, bil-maqlub, id-dinja hi razzjonali għall-aħħar; hi l-għalqa tax-xjenza; li minnha nfisha hi qofol u l-urġenza u l-persistenza tal-kwistjonijiet kollha: għaliex hi hekk?

Il-kelma ‘dinja’ iġġagħalna nagħtu tifsira traxxendenti; qabel kollox tobbligana naffermaw duwaliżmu: jiena u d-dinja; anzi sinteżi, prinċipju li għandu jiddomina kemm il-ħsieb tiegħi kif ukoll ir-realtà tal-affarijiet, li l-ħsieb la jiskoprihom u lanqas jivvintahom.  Allura?  Oh! It-toroq bla tarf li jilmaw qieshom beraq li jfaqqgħu fil-vojt; u l-intelliġenza li b’fedeltà  fittxet timxi f’xi waħda minn dawn it-toroq, issib ruħha merfugħa fi skoperta formidabbli u sempliċi għall-aħħar: Alla jeżisti la neżisti jien.  Jiġifieri l-ewwel kliem gravi u solenni tal-ewwel stqarrija tagħna tal-fidi jerġgħu jfiġġu fuq fommna: Jiena nemmen f’Alla li ħalaq id-dinja (Cfr. DENZ.-SCHÖN., 3001, 3003, etc.).

Aħna nħossu dan imma nissimplifikawh iżżejjed.  B’dankollu ma nkunux qed ngħawġu l-verità.  Inkunu qed immissu kemm kemm dawn il-problemi ħalli nerġgħu nixtarruhom b’mod serju u virili.  Minflok ibeżża’ jew jipparalizza ħsiebna b’xi sigurezza finta, l-ateiżmu għandu jixprunah.  Għandna nkunu, anki bħala bnedmin ta’ ħsieb razzjonali safi, bnedmin li nfittxu; u quddiem is-seklu li qed jitlef is-sens veru u mdawwal ta’ kull ħaġa, bil-fiduċja għandna nerġgħu nixgħelu d-dawl li jdawwal il-mixja tagħna lejn id-Dawl tad-dinja (cf Salm 36, 10:  Fid-dawl tiegħek naraw id-dawl”; il-Bidu ta’ Kollox, Jien li Jien Es 3, 14.  Dwar dan is-suġġett ta’ din l-immnesità kollha, kumplessa u merviljuża ara H. DE LUBAC, Sur les chemins de Dieu, Aubier 1956; u wkoll: S. TUMAS Contra Gentiles, 1. I et II).

U nixtiequ nawguraw li l-bnedmin ta’ żmienna, speċjalment iż-żgħażagħ, ifittxu ż-żewġ mogħdijiet li forsi huma l-aktar qrib il-passi tagħhom, dik klassika tal-każwalità tal-affarijiet li llum jidher tal-aktar ħtieġa urġenti u l-aktar aċċessibbli: u dik tal-ammirazzjoni estetika u estatika tal-univers li malli nagħrfuh isaħħarna u jerfagħna, u l-għejja u d-dlamijiet tal-ħsibijiet tagħna jsarrafhom f’talb.

Jalla dan iseħħ!  Bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

 

Minn Papiet oħra ....