Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 8 ta’ Ġunju, 1977

 

Fil-Knisja sseħħ l-għaqda li ried Kristu

 

Aħna se nkomplu nimxu mal-ħsibijiet misluta miċ-ċelebrazzjoni tal-misteru kbir ta’ Pentekoste.  Aħna konna qed ngħidu li hu t-tkomplija tal-Evanġelju; hu l-wirt ta’ Kristu fid-dinja.  Ngħiduha aħjar, dan jikkonsisti fit-tiswib tal-Ispirtu s-Santu, Alla Mħabba li tgħajjex, it-tielet Persuna tat-Trinità Qaddisa, fil-bnedmin, li b’hekk, f’sens passiv, jilqgħu fihom lill-mistieden divin li jqaddishom u jgħaqqadhom flimkien.  “Bl-għaqda fl-Ispirtu s-Santu” (cfr 2 Kor 13, 13) l-Knisja ssib l-enerġija tagħha u b’hekk tikseb l-għaqda sħiħa vera u sopranaturali “hi u tħabrek, kif jgħallimna San Pawl, biex iżżomm spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem” (Ef 4, 3).  U jżid: “ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda, Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda, Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd...” (ibid 4.6)  Il-konsegwenza tal-preżenza t’Alla f’dawk li jemmnu, fil-fidili, fl-umanità mqaddsa bil-grazzja u miġbura f’ġisem soċjali li jissejjaħ Knisja, din l-għaqda misterjuża u reali hi l-quċċata tax-xewqat ta’ Kristu dwar l-opra tiegħu: li aħna lkoll aħwa tiegħu u bejnietna” (cfr Mt 23, 8), ta’ Mgħallem universali (ibid.), Salvatur (cfr L1 2, 11; Ġw 4, 42; 1Tim 4, 10) eċċ), kif jafferma Hu stess fit-talba/testment tiegħu fil-lejl ta’ qabel il-Passjoni, meta għal erba’ darbiet jistqarr: “biex ikunu ħaġa waħda” (Ġw 17, 11. 20. 21. 22).

Mhux li din l-għaqda mistika, li tislet il-mudell tagħha mill-istess għaqda divina li tinterċedi bejn il-Missier u l-Iben, teskludi d-diversi artikolazzjonijiet u d-diversi funzjonijiet karatteristiċi tal-bnedmin li jiffurmaw il-Ġisem ta’ Kristu, li hi l-unika Knisja; id-duttrina appostolika, li tispjega illi bħala organi distinti tal-istess Ġisem “Hu nnifsu (Kristu l-Mulej) ħatar lil xi wħud Appostli, oħrajn profeti, oħrajn Evanġelisti, oħrajn Rgħajja u Dutturi: biex il-qaddisin ikunu aktar perfetti fil-qadi tal-ministeru, għall-edifikazzjoni tal-ġisem ta’ Kristu....” (Ef 4, 12; 1 Kor 12, 4ss).

Imma fuq kollox, l-għaqda; tant illi Ġesù nnifsu jammetti li hija possibbli l-esklużjoni mill-komunità tal-aħwa, ta’ min, wara li jkun imwissi aktar drabi, juri li ma jridx jisma’ (Mt 18, 15-17).

Issa, dir-riflessjoni dwar l-għaqda li ried Kristu għal min minnu jikseb il-fidi tiegħu, ir-raġuni tagħha, għandha tkun id-dawl tal-istqarrija tal-fidi tagħna; ma jistax ikollna relazzjoni ma’ Alla, iwissina mill-ġdid, jekk m’aħniex paċi ma’ ħuna (ibid. 5, 23-24).  Dan hu wieħed mill-prinċipji dinamiċi tal-ekumeniżmu modern.  Din hi waħda mill-esiġenzi tal-istudju tagħna dwar il-paċi fid-dinja.  Dan hu wieħed mill-preċetti l-aktar ċari fl-Evanġelju: iċ-ċaħda tat-tpattija personali u l-mibegħda tribali u fraterna: “aħfrilna, ngħidu lil Alla l-Missier fit-talb fundamentali li għallimna Kristu nnifsu: aħfrilna dnubietna  bħalma aħna naħfru lil min u ħati għalina”.  Dawk li joħolqu l-firda jew il-ġlied mhumiex fit-triq tal-Mulej; niftakru dejjem l-eżortazzjoni tal-Appostlu: “Nitlobkom, l-aħwa, f’isem Sidna Ġesù Kristu, biex tkunu taqblu fi kliemkom u ma jkunx hemm firdiet (xiżmi)

fostkom.  Kunu magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda” (1 Kor 1, 10).

Fl-eku awtorevoli ta’ dil-lezzjoni aħna għandna neżaminaw mill-ġdid it-tifsira favorevoli li kisbet il-kelma “pluraliżmu” fil-lingwaġġ u d-drawwiet tagħna, vis-a-vis l-kunċett tal-libertà li filosofikament mhux korrett, libertà li qed nifhmuha bħala awtonomija sħiħa mneżża’ mill-liġi li għandha tmexxiha u ttiha l-ġieħ, jiġifieri l-verità (Ġw 8, 32), u mhux bħala għażla personali u rabta ma’ dak li l-moħħ jiġġudika li hu tajjeb u veru.

U dal-ħsieb fuq fuq jeħodna lura lejn il-mogħdija li tlaqna minnha, għall-għaqda li titwieled fina bħala stedina u konsegwena tal-Ispirtu u li lilna tiċċaralna t-toroq tal-qagħda t’issa u tas-salvazzjoni eterna.

Intennu flimkien mal-Knisja l-invokazzjoni stupenda lill-Ispirtu s-Santu: O dawl tal-għaġeb, imla’ l-qlub tal-fidili tiegħek!

Bil-Barka Appostolika tagħna.

 

Miġjub għall Malti mit-Taljan minn Joe Huber

  

Minn Papiet oħra ....