Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

l-Erbgħa, 6 ta’ April, 1977

 

Isimgħu s-sejħa t’Alla

 

Kelma li l-Uffiċju divin itennielna bosta drabi matul ir-Randan, tgħid hekk: “Jekk tisimgħu leħnu la twebbsux qalbkom”.  Hija l-Knisja li qed titkellem u tagħmel tagħha l-eżortazzjoni tas-salmista David;  eżortazzjoni li tittenna fl-Iskrittura Mqaddsa, kemm minħabba l-importanza ta’ dak li trid tħabbar u wkoll minħabba l-indifferenza li biha biċċa kbira sew mill-poplu l-magħżul jilqa’ dit-tħabbira (cfr Eż 19,5; Prov 1, 20-21; eċċ).  Fil-Bibbja ninnutaw rakkomandazzjoni insistenti biex nisimgħuha, nifhmuha (Salm 33, 12; 49,7).  Jidher li x-xorti tal-bniedem tiddependi minn kemm jagħti widen għal-leħen divin; iżda jidher li l-bnedmin, ukoll dawk li jgħixu fl-ekonomija tas-salvazzjoni, jsibuha bi tqila jilqgħu l-istedina reliġjuża u kważi jibżgħu mis-seħer u l-amar tagħha.

Alla jitkellem; min jisimgħu?  U bl-istudju ta’ dal-fatt, li minnu tiddependi l-għażla tat-tweġiba ħielsa tagħna u għalhekk is-salvazzjoni tagħna, ninnutaw spiss li fl-arti misterjuża tar-rivelazzjoni divina hemm lingwaġġ partikolari: lingwaġġ imfassal b’termini ċari u sempliċi (ftakru fil-parabboli tal-Evanġelju – cfr Mat 13,14 ss’ 13,35), imma li taħt it-tifsira metaforika tagħhom jaħbu, u fl-istess waqt iġibu għad-dawl, ħsieb profond li ma jifhmux kulħadd, għax mhux kulħadd  jimpenja ruħu biex jesplorah u jislet minnu s-sens veru u intimu tiegħu.  Din l-ambigwità għandha metodu mfassal mill-Awtur tal-Kelma divina koerenti mal-libertà umana: jifhem min irid jifhem. Ir-rivelazzjoni, iva, ingħatatilna fil-forma eżatta tagħha, imma magħluqa f’pakkett ta’ termini (p. eż. “il-parabbola”), termini li għandhom sens fihom infushom, imma mogħtijin lilna sabiex moħħna, u speċjalment ir-rieda tajba tagħna jagħrfu jsibu fiha l-leħen l-aktar intimu tagħha, profond u awtentiku tal-Mulej.

Anki fil-pjan tar-rivelazzjoni divina l-bniedem jibqa’ ħieles; hu għandu jagħmel dak kollu li jista’ biex jiltaqa’ mal-Ħsieb divin.  Il-leħen divin jirbombja; jifhmu min irid jifhmu.  Fenomenu naturali li llum kulħadd jaf bih, dak tar-radju itina xebħ ma’ dil-Liġi tas-sens misterjuz tal-konversazzjoni divina;  ftakru fl-ammont bla qies ta’ ilħna differenti li jimlew l-atmosfera; ħadd ma jinduna bihom ħlief min għandu l-apparat meħtieġ biex jifhem dawk l-ilħna, li altrimenti jibqgħu fl-ajru; jagħrfhom biss min jixgħel ir-radju fuq l-istazzjon li jrid jisma’.

L-analoġija tgħodd għall-każ tagħna.  Il-misteru kbir tar-Redenzjoni jasal għandna permezz tar-rit liturġiku b’mod impressjonanti: min qed jilqgħu? U fost dawk li jilqgħu il-preżentazzjoni ritwli u rievokattiva tal-istorja evanġelika liema huma dawk li jaħkmu s-sens teoloġiku, reali u attwali? U anki fost dawk li jifhmu s-sens tal-misteru preżenti li l-liturġija tirrendih attwali, min verament japplikah għalih innifsu? (cfr Lhud 3,7 ss; 4,2 ss).

Din il-prietka żgħira għandha l-għan tkun stedina mill-qalb biex nieħdu sehem fir-riti liturġiċi tal-Ġimgħa Mqaddsa, li l-għan tagħhom hu li jkunu leħen il-Mulej, li jfakkruna, jispjegawlna, joffrulna sehem mill-misteru tar-Redenzjoni: jekk illum dan il-leħen imiss qlubna, jalla ma jkunux magħluqin u indifferenti għal-leħen divin; it-tieni, nagħmlu ħilitna kollha biex nifhmu, tal-anqas xi ħaġa minn dawn ir-riti, li jekk ippreżentati b’ċerimonji tradizzjonali u bil-latin jistgħu ma jagħmlux sens għall-intelliġenza tagħna, jibqgħu qieshom kodiċi antiki; issa hemm għanjuniet ċari biżżejjed għal min irid verament jifhem is-sens u jġarrab il-qawwa tagħhom, u t-tielet, kull wieħed u waħda japplikaw għalihom infushom id-dramm divin ta’ Ġesù, jerġgħu jgħejxuh f’qalbhom, jisimgħu l-leħen misterjuz tiegħu, iqanqal fihom att umli u ġeneruz ta’ rieda tajba. Min jaf x’irid minn kull wieħed u waħda minna Ġesù sagrifikat u Ġesù rxuxtat?  Lil kull wieħed minn dawn is-sigrieti individwali l-barka tagħna bl-awgurju tal-Għid it-Tajjeb lil kulħadd.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....