Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 5 ta’ Jannar, 1977

 

Il-Milied huwa skola tal-libertà

 

L-ispirtu tagħna għadu mimli bil-ħsieb tal-Milied li għadna kif iċċelebrajna, bi stimolu doppju, dak tal-eżempju u dak soċjali; l-ewwel wieħed marbut mat-twelid ta’ Ġesù f’Betlem, jiġifieri mal-kwadru tal-presepju, li qatt ma jehda jirfed l-ispirtu tagħna bil-faxxinu tas-sempliċità pastorali tiegħu u tal-poeżija anġelika tiegħu; it-tieni marbut mal-pedagoġija effikaċi tar-rivelazzjoni ta’ Kristu bil-mod miżeru li bih jippreżenta ruħu lill-umanità, bla dubju ta’ xejn b’għan tipiku, eżemplari.

Fi kliem ieħor, jekk irridu nisiltu s-sens essenzjali tal-ġrajja l-kbira, bħalma hi l-miġja ta’ Kristu fid-dinja, tal-istess Iben t’Alla, li filwaqt li baqa’ l-istess, jieħu fuqu wkoll in-natura umana biex isir Bin il-bniedem, ma nistgħux ma nibqgħux mistagħġbin bil-faqar li ħa fuqu l-Messija meta ġie fid-dinja.

Il-Milied huwa lezzjoni li ma bħalha tal-faqar.  Hekk sar bniedem Alla.  It-twissija li tinstilet minn dan l-aspett tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, tirfidna mhux biss jekk inħarsu lejn iċ-ċirkostanzi li fihom seħħ storikament u fil-prattika f’Betlem, imma dment li nosservaw li dan l-aspett mhux sempliċi episodju li mill-ewwel ħadlu postu xi kwadru storiku aqwa mid-dinjità eċċezzjonali ta’ Alla-Bniedem li daħal fix-sena tal-umanità, imma huwa l-istil, l-għamla b’rieda u koerenti, magħżula minn Kristu biex jgħix fostna, anzi biex iwettaq il-missjoni tiegħu tas-salvazzjoni: il-Bambin tal-presepju għad imut fuq il-Kalvarju, fost it-tbatija u l-umiljazzjoni tas-salib.  Il-faqar tal-Inkarnazzjoni se jsib il-milja tiegħu fir-Redenzjoni, u l-messaġġ kollu tal-Evanġelju, li nsibu bejn it-twelid u l-mewt ta’ Kristu, huwa aħbar, apoloġija tal-faqar, għażla proverbjali tiegħu biex juri ruħu lid-dinja.

Il-faqar tal-Mulej! L-ostaklu kbir li tagħmel l-umanità biex taċċettah, għax kienet qed tistenna miġja spettakolari u rebbieħa tal-Messija; u fl-istess ħin, is-sigriet il-kbir tal-ġibda lejn Ġesù li deher fl-umanità.

Kważi qiesna mhux nagħżlu bi ħsieb, fil-paġni tat-Testment il-Ġdid naqraw xi siltiet lit-tema tal-faqar evanġeliku jqegħduh bħala argument essenzjali tal-fatt li bniedem ikun nisrani.  Min ma jiftakarx il-leħen jidwi tal-ewwel beatitudni “henjin il-foqra fl-ispirtu għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet”? (Mt 5, 3).  Allura, dan Ġesù ta’ Betlem u Nażaret hu l-profeta tal-foqra? Hu li jirrivela d-dinjità tagħhom, tal-prijorità, ta’ xortihom?  Mhix demgoġija: hu riabilitazzjoni fl-eċċellenza dinjija u fit-tama tal-ħajja li ġejja, tal-imwarbin mill-ġid tad-dinja.

Imbagħad tiftakru dik il-paġna ċelebri ta’ San Pawl fl-ittra lill-Filippin dwar il-faqar totali u volontarju tal-Mulej tagħna?  Hu jikteb: “Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù: hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,

iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2, 5-8).  U mill-ġdid, dejjem San Pawl, meta jikteb lill-Korintin biex iġagħalhom jgħinu lil ħuthom ta’ Ġerusalemm, iwiddeb: “Intom tafu l-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, li għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu” (2Kor 8,9).

Impossibbli li jingħad kollox dwar dan l-aspett ta’ kobor bla qies tal-kristjaneżmu.  Biżżejjed inqegħduh għall-ammirazzjoni ta’ min, hu u jiċċelebra l-Milied, kellu bilfors jinduna bil-glorja li dil-festa divina tnissel fil-faqar uman.

Imma huwa impossibbli nżommu fommna sieket dwar l-importanza u l-interess tat-tagħlimiet dwar il-faqar li l-bixra li ħa Kristu biex jgħix fostna, inagħtawlna, anzi, nistgħu ngħidu, ġew imposti fuqna, speċjalment mill-Konċilju ‘l hawn (cfr. J. DUPONT, L’Eglise et la pauvreté in L’Eglise du Vatican II, II vol., pp. 339-372).

Nistgħu nsemmu fuq fuq klassifika tad-duttrina ta’ Kristu dwar il-faqar bla ma nippretendu li nżidu xi ħaġa ma’ dak li kulħadd jaf.

L-ewwel punt: dak li għandu x’jaqsam mal-kriterju teoloġiku tal-Evanġelju dwar il-faqar.  Għaliex il-faqar?  Biex lil Alla, lis-saltna t’Alla, ntuha l-ewwel post fl-iskala tal-valuri li jiffurmaw parti mill-aspirazzjonijiet umani.  Ġesù jgħid: “Fittxu l-ewwel is-saltna t’Alla u l-ġustizzja tiegħu” (Mt 6, 33); u dan jgħid li għandu jsir fil-konfront ukoll  tal-ġid materjali kollu, anki dak meħtieġ u leġittimu, li soltu l-bniedem jiġri warajhom b’xewqatu.  Il-faqar ta’ Kristu Jagħmilha possibbli li jkun hemm distakk minn dak li hu tad-dinja biex fuq nett tal-aspirazzjonijiet umani titqiegħed ir-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla.

It-tieni punt, il-kriterju axxetiku: il-faqar, bħala ħelsien mir-rabtiet mal-interessi temporali biex il-fakultajiet tagħna niddedikawhom għas-sekwela tal-Evanġelju u għad-dmirijiet tal-ħajja nisranija.  Jgħallimna dan San Franġisk.

U t-tielet punt, il-kriterju benefiku: “Agħtu u jingħatalkom” (Lq 6, 38; 11, 41).  Dan ukoll magħruf sew: il-faqar, jiġifieri li wieħed jiċċaħħad minn xi ħaġa li għandu, għandu jsir ħobż għal ħutna.  Hija l-għajn soċjali li tfawwar mill-faqar u li taf tagħti valur lix-xogħol, lit-tfaddil, lill-għana, u lir-rinunzja ġeneruża biex tibqa’ ssaltan il-karità, biex tissaħħaħ l-imħabba bejn il-bnedmin, l-għajnuna fraterna.  Din il-lezzjoni evanġelika tal-faqar hi attwali ħafna llum!  Jalla kulħadd jismagħha b’qalb li taf tħobb, filwaqt li jiftakar kelma ta’ San Pawl, li hu jgħid li ħarġet minn fomm Kristu: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu” (Atti 20, 35).

Bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....