Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 4 ta’ Mejju, 1977

It-teoloġija tal-Għid

 

Mill-ġdid nibqgħu nimmeditaw il-misteru paskwali.  Qatt ma nistgħu ntemmu “t-Triq tas-Salib” tagħna bla ma nifhmu l-valur universali u dejjiemi tagħha, jekk ma norbtux il-Passjoni tal-Mulej u l-Qawmien tiegħu mad-destin tal-ġeneru uman, mar-rabta tagħhom mas-salvazzjoni tagħna.  Mhux biżżejjed nassistu għax-xena tal-ġrajjiet evanġeliċi li jolqtu lill-persuna divina ta’ Kristu, u nħallu l-ġrajja ta’ turmenti u trijonfanti tiegħu tqanqalna u tqarribna lejH, kif jista’ jiġrilna aħna u nassistu għal xi traġedja griega, jew xi spettaklu impressjonanti li iżda, ma jolqotx lilna personalment; jeħtieġ nifhmu sew ir-rabta li hemm bejn l-istorja tal-mewt u r-ritorn għall-ħajja ta’ Ġesù u l-eżistenza tagħna.  Il-misteru paskwali mhu xejn aktar ħlief l-opra tar-Redenzjoni, mwettqa minn Ġesù Kristu, fl-Ispirtu s-Santu skont il-pjan ineffabbli tal-Missier.  Naqraw, per eżempju, l-ewwel kapitlu tal-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin (cfr. F. Prat, La Théologie de St Paul).

Din hi osservazzjoni importantissma.  Aħna m’aħniex biss spettaturi quddiem il-fatti li temmew il-ħajja temporali tal-Mulej u li lilu inawgurawlu għamla ta’ ħajja aħjar lil hinn minn dak li hu temporali; aħna, irridu jew marridux, imwaħħdin mad-dramm ta’ Kristu.  Dan għandu tifsira sagrifikali.  Jiġiefieri li Kristu bata għalina; qam għalina.  San Pawl japplika s-sagrifiċċju ta’ Kristu għalih innifsu: “Hu ħabbni tant - jikteb lill Galatin – li ta ruħu għalija” (Gal 2, 20).  U kull wieħed u waħda minna nistgħu ngħidu l-istess għalina personalment: “Kristu, l-Għid tagħna, offra ruħu b’sagrifiċċju għalina (1 Kor 5, 7).  Anzi, il-ħsieb ta-Appostlu jasal biex jorbot ix-xorti ta’ segwaċi ta’ Kristu, appuntu mgħammed f’Ġesù Kristu, ma’ dik tal-Mulej; miegħu “indfinna” (Rum 6, 4) u flimkien miegħu “irxuxjtajna” (Ef 2, 6; Gal 3, 27).  Din mhix sempliċi tixbiha, hija għaqda sħiħa, hija inkorporazzjoni ta’ ħajjitna ma’ dik ta’ Kristu.  Kawża li timmerita l-ġustifikazzjoni tagħna, Kristu, vittma fuq is-salib, Hu jsir raġuni eżemplari u bidu ta’ għixien bil-qawmien tiegħu (DENZ- SCHÖN., 1529).  Hi banalità nsostnu li dil-viżjoni kożmika antropoloġika hi frott il-ġenju Pawlin (ibid. 3438), meta diġa nsibu li kien qalha wieħed mill-ewwel dixxipli ta’ San Pietru f’Ġerusalemm: M’hemmx salvazzjoni jekk mhux fil-Mulej tagħna Ġesu Kristu Nażżarenu” (Act 4. 10-11).

Kemm ħwejjeġ, kemm duttrina jonqosna fil-formazzjoni nisranija tagħna!  Imma anki jekk inżommu l-ħsieb tagħna fuq dawn il-ftit veritajiet, imma ta’ natura kapitali, nistgħu insaqsu lilna nfusna jekk humiex preżenti verament fil-“forma mentis” tagħna bħala kristjani awtentiċi, li lkoll suppost ikollna la nippretendu li aħna nsara!

Qabel kollox l-intenzjoni li ma’ Kristu jkollna “komunjoni”, ħbiberija, fiduċja, li faċilment niksbu – u mberkin aħna! - meta nersqu spiss  lejn l-Ewkaristija: iva, għandna ngħixu miegħu, bih, għalih; imma dan ifisser li Hu jkun verament dak li jispira fina l-mentalità ġdida tagħna, jiġifieri li aħna nsara, il-“Ħobż” vitali li jmantni ħsiebna, l-azzjonijiet, is-sentimenti, ix-xewqat u t-tamiet tagħna.  Jiġifieri Hu għandu jnissel fina “sens”, ruħ, stil ta’ ħsieb u ta’ ħajja li tal-anqas ikun tendenzjalment koerenti mal-konvivenza li bil-fidi u bis-sagramenti li jaslu għandna permezz tiegħu, Kristu kien dehen li jħawwel fina.

Illi jfisser li l-Għid, jiġifieri l-ħsieb tal-misteru tiegħu, l-impenn li jġib miegħu, l-hena li hu l-għajn tagħha, l-enerġija ta’ ġid li toħroġ minnu, għandu jibqa’ fina, u jsuq il-passi tal-ispirtu tagħna lejn il-mogħdija tal-ħajja nisranija, li tibqa’ tiela’ fi spirali fil-jiem ta’ wara l-istess Għid u li tħejjijna għal-laqgħa tal-aħħar miegħu, Kristu l-Mulej.

Hekk ikun għalikom ilkoll, bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....