Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 1 ta’ Ġunju, 1977

 

Il-Knisja hija komunità ħajja animata mill-Ispirtu ta’ Kristu

 

Aħna ċċelebrajna l-festa kbira ta’ Penetkoste.  Għaliex kbira?  San Ġwann Kriżostmu jsejħilha “il-metropoli tal-festi” (S. Ġwann Kriżostmu: pg 50, 463).  Kbira għax tinawgura reliġjon ġdida, ir-reliġjon tal-Ispirtu, għamla ġdida ta’ relazzjonijiet bejn id-Divinità u l-umanità, u kbira għax din hi l-missjoni tal-Ispirtu s-Santu li tagħti ħajja lill-Knisja, lill-Ġisem misitku ta’ Kristu.  Hi t-twelid tal-Knisja.

Dil-kelma “Knisja” li storikament fit-Testment l-Antik għandha tifsira limitata u profana u tfisser sempliċiment il-miġemgħa, laqgħa, ġabra ta’ nies, fit-Testment il-Ġdid tikseb tifsira ġdida, preċiża u kwalifikata, jiġifieri dik ta’ kotra kbira marbuta b’rabta reali u spiritwali, soċjetà ta’ fidili, ta’ nies li jemmnu, immexxijin minn sejħa divina u minn awtorità pastorali; dan għalina għandu sens reliġjuż kumpless, u huwa karatteristika ta’ dak il-grupp, anzi dik il-parti tal-umanità li ħaddnet “vokazzjoni” interjuri u mxiet wara gwida awtorizzata esterjuri, biex tiltaqa’ mal-Missier permezz ta’ Kristu s-Salvatur tagħna, fid-dawl u fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu (cfr Ġw 14, 23).

Aħna issa se nagħtu sempliċiment ħjiel ħafif tal-kunċetti elementari li jtuna idea deskrittiva ta’ dak li hi l-Knisja.  U lanqas dan mhu tant faċli.  Il-Konċilju nnifsu, nistgħu ngħidu, jibqa’ lura milli jtina lista sħiħa tal-kliem li bih niddefinixxu l-Knisja fil-lingwaġġ reliġjuz ta’ kuljum.  Ix-xbihat jiżdiedu biex inqanqlu fina xi kunċett dwar il-viżjoni evanġelika bla tarf tas-Saltna t’Alla, li tħaddan fiha l-Knisja.  Il-Konċilju jsemmi x-xbieha tal-maqjel, li Kristu hu r-ragħaj tiegħu; isemmi l-għalqa tal-Mulej, il-familja ta’ Alla, it-tempju t’Alla u saħansitra l-Għarusa ta’ Kristu, u fl-aħħar il-ġisem mistiku ta’ Kristu (Lumen Gentium, 6, 7).  U hawn hu ta’ fejda għall-menti tagħna l-kunċett essenzjalment kumplimentari tal-ħajja ta’ dal-ġisem soċjali, uman, komunità ta’ bnedmin, imma mhux biss; il-Knisja hi ġisem ħaj, mgħajjex minn Preżenza, minn Enerġija, minn Dawl, minn Attività, li hi appuntu l-Ispirtu ta’ Kristu (cfr Rum 8, 11; Kor 12, 9); niftakru dejjem, għall-kultura reliġjuża tagħna, lil Piju XII Mysitici Corporis, 1943 u d-dokumenti tal-Konċilju.  U wkoll H. De Lubac, Méditations sur l’Eglise, 1; J.HamerL’Eglise est une Communion).

Aħna qed ngħidu dan sabiex fina jixgħel u jsir aktar perfett il-kunċett ta’ Knisja, li malli nistqarruh għandu jibdel għal kollox il-mentalità tagħna ta’ nies li nemmnu, fidili, li tant lajċiżmu, tant materjaliżmu ta’ żmienna qed jhedded li jdallam jew li jneħħi minnu element tal-akbar importanza.  Jiġifieri li nkunu nafu lilna nfusna, il-problema etern tal-ħsieb uman: “kun af lilek innifsek”, jikkumplika ruħu b’novità straordinarja, li tirfed l-għixien tagħna, li minnu nnifsu diġà hu tant misterjuz, in-novità appuntu hija l-Ispirtu s-Santu li jiġi jgħammar fina.  “Ma tafux – jikteb San Pawl lill-Korintin -, ma tafux li intom tempju t’Alla u li l-Ispirtu t’Alla jgħammar fikom?” (1 Kor 3, 16).  Imma nosservaw sewwa r-riżultat ta’ din l-ospitalità, li ttina x-xorti li nospitaw l-Ispirtu s-Santu ġewwa fina: xorti li tixbaħ dawl jixgħel f’kamra mudlama; xejn ma jinbidel, lanqas jintmiss, imma kollox jieħu għamla, pożizzjoni, funzjoni, isem; kollox jiċċara u jhenni.  Hu l-misteru tal-grazzja, hu l-misteru tal-Knisja li hi għajn ta’ Dawl; id-Dawl divin tal-Ispirtu  li jilma b’seba’ raġġi, id-doni tal-Ispirtu s-Santu, strixxi ta’ inteliġenza, strixxi  ta’ mħabba fiċ-ċella umli tal-psikoloġija umana anki dik infantili jew primittiva.

Mhux faċli nesprimuha bil-kliem, forsi aktar falċli li jkollok xi esperjenza tagħha, ukoll fil-ħajja sempliċi u komuni tal-fidil nisrani.  U lkoll kemm aħna għandna naspiraw għal dil-kundizzjoni privileġġjata, dik li ngħixu dejjem fil-grazzja t’Alla.  U ma’ dan irridu nżidu ħaġ’oħra: kult akbar u mħeġġeġ lejn l-Ispirtu s-Santu, għax Hu stess, il-Paraklitu imantnina dment li aħna niftakru fl-eżortazzjoni Pawlina: “Ixxekklux l-Ispirtu” (1 Tess 5, 19).

Bil-Barka Appostolika tagħna.

 

Miġjub għall Malti mit-Taljan minn Joe Huber

  

Minn Papiet oħra ....