Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 1 ta' Marzu, 1978

 

Nerġgħu nidħlu fina nfusna biex induru lejn Alla

 

Iż-żmien liturġiku li ninsabu fih, ir-Randan, jiġifieri ż-żmien ta' tħejjija għall-Għid, jobbligana nagħmlu riflessjoni dwar wieħed mill-aspetti l-aktar essenzjali tiegħu, jiġifieri li nerġgħu niksbu lura l-kuxjenza reliġjuża, jew aħjar, li nkunu konxji interjorment u personalment tar-relazzjoni tagħna ma' Alla.  Lil dir-relazzjoni jeħtieġ intuha l-post u l-funzjoni li min-natura tagħha titlob minna, jiġifieri r-raġuni nfisha tal-eżistenza tagħna: aħna neħtieġu lil Alla.  Meħtieġ fuq kollox għall-kuxjenza tagħna; dan hu punt ta' responsabbiltà deċisiv għalina; u hu propju dak li lilna jagħmilna bnedmin reliġjużi, jiġiferi li nagħrfu kemm l-eżistenza sovrana ta' Alla fih innifsu,  fil-misteru dominanti imma ineffabbli tiegħu; kif ukoll ir-relazzjoni li tgħaqqadna miegħu.  Kollox jiddependi minn dan: l-iskala tad-dmirijiet, l-iskala tal-valuri; jiġifieri s-sens tal-ħajja li kkonfermalna Kristu u li tana l-possibbiltà li nagħmluh id-dawl li lejh norjentaw l-eżistenza tagħna.

Niftakru dejjem b'hena ġewwinija, bl-enerġija, b'rieda interjuri u prattika lil dil-fidi fundamentali f'Alla ntuha l-akbar importanza fil-personalità u fl-attivitajiet tagħna.  "Il-Kredu" tagħna, speċjalment dak li aħna flimikien mal-Knisja preżenti, nirreċitaw waqt il-Quddiesa tal-Ħdud, għandu jkollu propju din il-funzjoni, bħalma jagħmel il-pilota tal-vapur biex ikun ċert li t-tmun qiegħed imexxih fid-direzzjoni t-tajba, biex jikkonfermaha, jew jibdila jekk ikun hemm bżonn.  Dil-verifika, dil-konferma huma mistqarra fl-espressjoni sublimi tagħhom fil-ġrajja tal-Għid.  Il-formola komuni u popolari "nagħmlu l-Għid" fiha propju din it-tifsira, dik li nikkoreġu t-triq ta' ħajjitna skont l-orjentament suprem tagħha, l-orjentament reliġjuż.

Issa aħna lkoll nafu kif illum din ir-regola, li tiġbor fiha l-għerf tal-ħajja tagħna fiż-żmien, ħafna, u sfortunatament ħafna, jittraskurawha jew jiċċalinġjawha.  Jirrifjutaw "is-sagralità" tal-eżistenza umana, jiġifieri r-relazzjoni reliġjuża koerenti u essenzjali tagħha; u aktar minn hekk, fost dawk li għadhom jaċċettaw relazzjoni ontoliġika bejn il-bniedem u Alla, jiġifieri relazzjoni eżistenzjali u reliġjuża, qed nosservaw tendenza li llum qed tissejjaħ "oriżżontalista", li tinjora l-waqt u għalhekk tinjora d-dmir reliġjuż u tinsisti dwar il-primat, u wkoll dwar li r-relazzjoni soċjali hi biżżejjed bħala għan suprem tal-attività umana.  Żgur mhux se nkunu aħna li niċħdu din l-importanza, id-dinjità, il-ħtieġa tad-dmirijiet soċjali, li għandhom il-post tal-unur li jfisser servizz u sagrifiċċju, fil-lista tad-dmirijiet umani, propju minħabba dak kollu li jiġġustifikahom u jinnobbilithom, id-dmir tal-kult u tal-imħabba t'Alla, li jnaqqsu sfiq il-valur tal-'oriżżontaliżmu'  soċjali; imma, aktar u aktar, aħna nagħtu għarfien akbar lil dawn id-dmirijiet u l-attivitajiet soċjali daqskemm hu sod u ċar il-prinċipju li minnu jisiltu r-raġuni tagħhom li hu appuntu l-prinċipju reliġjuż (cfr San Tumas: Summa Theologiae II-II, 1 u 5).

Aħna nfakkru kelma mill-Evanġelju li letterarjament donnha tidher inċidentali iżda li għal min jifhimha tiġbor fiha l-għana abissali tal-perfezzjoni psikoloġika umana; il-kelma li tingħad lill-Iben il-Ħali fir-rakkont ta' San Luqa, li fir-rakkont tiegħu dwar l-iben infeliċi jingħad li berbaq ġidu kollu f'ħajja mtajra, "f'ħajja ta' lussurja" u li f'ħin minnhom "daħal fih innifsu" irid imur lura lejn dar missieru, u b'ħeġġa kuraġġuża, jgħid lilu nnifsu "surgam et ibo" "inqum u mmur! (Luqa 15, 18).  Il-konklużjoni ferrieħa li fiha ż-żewġ protagonisti, minkejja li m'hemmx paragun bejniethom, Alla, il-Missier u l-bniedem midneb, jiltaqgħu b'mod mill-aktar ferrieħ, hi magħrufa biżżejjed.

U mill-ġdid, Santu Wistin inaqqax f'żewġ kelmiet, daqstant impareġġabbli, dak li ġara fil-laqgħa, biex ġabar fi ftit kliem l-istorja umana u divina tal-Evanġelju: misericordia et misera (il-ħniena u l-miżera) (Cfr. Santu Wistin Enarr. in Ps. 32, 4: PL 36, 287; cfr. u wkoll De Civitate Dei, IX, 9: PL 7, 636; cfr. u wkoll San Ambroġġ f'S. Lucae Evangelium, 7, 220).

Dan hu żgur l-Evanġelju; l-Evanġelu tar-Randan; Evanġelju trijonfali u Evanġelju għal kulħadd: nidħlu fina nfusna biex nerġgħu lura lejn Alla.

Bil-Barka appostolika Tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....