KRISTU HUWA L-EWWEL PELLEGRIN TAT-TAMA

Il-pellegrinaġġ tat-tama tassew kien bdieh Hu. Kien ħabbru Missieru nnifsu fil-bidu taż-żmien, dakinhar stess meta l-bniedem, imqarraq mill-għadu ta' dejjem, telaq minn dar missieru u berbaq ġidu kollu f'ħajja mtajjra u bla rażan.

Dakinhar, kien Ħuna l-kbir, li bil-maqlub tal-iben il-kbir tal-parabbola, ħareġ huwa stess minn dar il-Missier biex jiġi jfittex lilna li konna ntlifna u jurina triqtna lura.

Kristu huwa għalina l-veru pellegrin tat-tama.

Kristu huwa it-triq lura lejn id-dar ta' dejjem.

Kristu huwa l-bieb imqaddes li minnu kulħadd kellu jgħaddi biex jidħol għall-festa tat-tieġ.

Kristu huwa l-għarus tassew li bidel l-ilma maħmuġ tal-ħasil tar-riġlejn fl-aħjar inbid.

Kristu huwa d-dielja miżbura mill-bidwi etern biex dawk li jibqgħu fih, jibqgħu ħajja huma wkoll.

Kristu huwa d-dawl, li ebda dlam ma jgħelbu. 

Kristu huwa dak li bih sar kollox u mingħajru ma sar xejn.

Huwa nnifsu għażel li jsir bħalna biex lilna jagħmilha bħalu.

Sar wieħed minna biex lilna wkoll jagħmilna wieħed jew waħda minnhom.

Għamel l-għamara tiegħu fostna, biex minn hawn mar iħejjima post fosthom, fl-għamara ta’ dejjem.

Mexa fit-toroq tagħna biex lilna jmexxi fit-Triq li hija hu.

Tgħabba bin-niket tagħna u rebaħ il-mewt għalina biex lilna jroddilna lura t-tama li konna tlifna.

 

Kienu bosta li minn dakinhar 'il quddiem laqgħu l-istedina biex jimxu miegħu, biex bħalu jsiru huwa wkoll, pellegrini tat-tama.

Il-Ġublew tas-sena 2025 huwa sena ta' grazzja speċjali li matulha l-Knisja tixtieq tfakkarna li l-istedina biex ningħaqdu fil-mixja ma' Kristu u bħalu nsiru Pellegrini tat-Tama għadha miftuha għalina wkoll, aħna min aħna, għamilna x’għamilna.

Tant personaġġi fl-Evanġelju, minn tant ċirkustanzi differenti, juruna li ħadd mhu eskluż. Lanqas jien. Lanqas int. Irridu biss, ngħidulu, "iva".